DISKORS TAL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU

LILL-PARTEĊIPANTI TAL-KONVENJU KOMMEMORATTIV

TAL-ASSOĊJAZZJONI TAT-TOBBA KATTOLIĊI TALJANI,

FL-OKKAŻJONI TAS-70 ANNIVERSARJU MIT-TWAQQIF TAGĦHA

Awla Pawlu VI

Is-Sibt 15 ta’ Novembru 2014

 

L-għodwa t-tajba!

 

Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom u anki tal-awguri: nitlob lill-Mulej iżommni ħaj u f’saħħti! Imma dan jiddipendi wkoll mit-tobba, li jgħinu lill-Mulej! B’mod partikulari, nixtieq insellem lill-Assistent ekkleżjastiku, Mons. Edoardo Menichelli, lill-Kardinal Tettamanzi, li kien l-ewwel assistent tagħkom, u anki lill-Kardinal Fiorenzo Angelini, li għal għexieren ta’ snin segwa lill-Assoċjazzjoni u li hu marid ħafna imma fl-aħħar jiem stejqer xi ftit; kif nirringrazzja wkoll lill-President, anki għal dak l-awgurju sabiħ, grazzi.

 

Bla dubju, fi żmienna, minħabba fil-progress tax-xjenza u t-teknoloġija, żdiedu qatigħ il-possibbiltajiet ta’ fejqan fiżiku; u madankollu, minn xi bnadi donnha qed tonqosna l-ħila li “nieħdu ħsieb” tal-persuna, fuq kollox meta qed tbati, hi dgħajfa u m’għandha ’l ħadd min jaqbeż għaliha. Fil-fatt, il-konkwisti tax-xjenza u tal-mediċina jistgħu jikkontribwixxu għat-titjib tal-ħajja tal-bniedem skond kemm ma jitbegħdux mill-għeruq etiċi ta’ dawk id-dixxiplini. Għalhekk, intom it-tobba Kattoliċi tħabirku biex tgħixu l-professjoni tagħkom bħala missjoni umana u spiritwali, bħala appostolat lajkali veru u propju.

 

L-attenzjoni għall-ħajja tal-bniedem, partikularment għal dik li tinsab fl-akbar diffikultà, jiġifieri għall-marid, għall-anzjan, għat-tarbija, tmiss bil-kbir il-missjoni tal-Knisja. Hi tħossha msejħa wkoll tieħu sehem fid-dibattitu li għandu bħala oġġett tiegħu l-ħajja umana, u l-proposta tagħha hi msejsa fuq il-Vanġelu. Minn ħafna aspetti, il-kwalità tal-ħajja hi marbuta b’mod qawwi mal-possibbiltajiet ekonomiċi, mal-“ġid”, mal-ġmiel u ma’ kemm wieħed jista’ jgawdi l-ħajja fiżika, u ninsew dimensjonijiet oħra profondi – relazzjonali, spiritwali u reliġjużi – tal-ħajja. Fir-realtà, fid-dawl tal-fidi u tar-raġuni, il-ħajja umana hi dejjem qaddisa u dejjem “ta’ kwalità”. Ma teżistix ħajja umana eqdes minn oħra: kull ħajja hi qaddisa! Kif m’hemmx ħajja umana li għandha kwalità aqwa minn ta’ oħra, sempliċement għax għandha iktar mezzi, drittijiet, opportunitajiet ekonomiċi u soċjali.

 

Dan hu li intom, tobba Kattoliċi, tfittxu li ssostnu, qabelxejn bl-istil professjonali tagħkom. Il-ħidma tagħkom għandha tkun xhieda bil-kliem u bl-eżempju li l-ħajja umana hi dejjem qaddisa, valida u invjolabbli, u bħala tali għandha tiġi maħbuba, imħarsa u kkurata. Din il-professjonalità tagħkom, mogħnija bl-ispirtu ta’ fidi, hi motiv ieħor biex tikkollaboraw ma’ dawk kollha – anki jekk ġejjin minn perspettivi reliġjużi jew filosofiċi differenti – li jagħrfu d-dinjità tal-bniedem bħala kriterju tal-ħidma tagħhom. Fil-fatt, jekk il-ħalfa ta’ Ippokrate timpenjakom biex tkunu dejjem qaddejja tal-ħajja, il-Vanġelu jeħodkom pass iktar: biex tħobbuha dejjem u kull kif, fuq kollox meta jkollha l-iżjed bżonn ta’ attenzjoni u kura. Hekk għamlu l-membri tal-Assoċjazzjoni tagħkom matul dawn is-sebgħin sena ta’ ħidma meritevoli. Nistedinkom biex tibqgħu mexjin bl-umiltà u l-fiduċja f’din it-triq, u tħabirku biex tilħqu l-għanijiet statutorji tagħkom li japplikaw it-tagħlim tal-Maġisteru tal-Knisja fil-qasam mediku-morali.

 

Il-ħsieb dominanti ta’ żmienna xi kultant jipproponi “kompassjoni falza”: dik li tqis l-abort bħala għajnuna lill-mara, l-ewtanasja bħala att ta’ dinjità, u l-“produzzjoni” tat-tfal bi dritt bħala xi kisba xjentifika flok ma tilqagħhom bħala don; jew tuża l-ħajjiet umani bħala oġġetti ta’ sperimentazzjoni fil-laboratorju biex taparsi ssalva oħrajn. Imma l-kompassjoni evanġelika hi dik li ssieħeb lil dak li jkun fil-mument tal-ħtieġa, jiġifieri dik tas-Samaritan it-Tajjeb, li “jara”, “jitħassar”, jersaq qrib u joffri għajnuna konkreta (ara Lq 10:33). Il-missjoni tagħkom bħala tobba tqegħidkom f’kuntatt ta’ kuljum ma’ tant xejriet ta’ tbatija: inħeġġiġkom terfgħuhom bħal “Samaritani tajba”, u tieħdu ħsieb b’mod speċjali tal-anzjani, tal-morda u tal-persuni b’diżabbiltà. Il-fedeltà lejn il-Vanġelu tal-ħajja u r-rispett tagħha bħala don ta’ Alla, xi drabi jitolbu għażliet kuraġġjużi u kontra l-kurrent li, f’ċirkustanzi partikulari, jistgħu jwasslu għall-oġġezzjoni tal-kuxjenza. U għal tant konsegwenzi soċjali li ġġib magħha din il-fedeltà. Qed ngħixu fi żmien ta’ sperimentazzjoni bil-ħajja. Imma sperimentazzjoni ħażina. Nagħmlu l-ulied flok ma nilqgħuhom bħala don, kif għadni kemm semmejt. Nilagħbu mal-ħajja. Attenti, għax dan hu dnub kontra l-Ħallieq: kontra Alla l-Ħallieq, li hekk ħalaqhom l-affarijiet. Kemm drabi fil-ħajja tiegħi ta’ saċerdot smajt min joġġezzjona. “Imma, għidli, għaliex il-Knisja hi kontra l-abort, ngħidu aħna? Dik problema reliġjuża?” – “Le, le. Mhi problema reliġjuża xejn” – “Hi problema filosofika?” – “Le, mhix problema filosofika”. Hi problema xjentifika, għax ħajja ta’ bniedem hemm u ma tistax, biex issolvi problema, taqbad u tneħħi ħajja ta’ bniedem. “Imma le, il-ħsieb modern…” – “Imma, isma’, fil-ħsieb antik u fil-ħsieb modern, il-kelma qtil l-istess tfisser!”. L-istess jgħodd għall-ewtanasja: ilkoll nafu li ħafna anzjani, f’din il-kultura tal-iskart, huma vittmi ta’ ewtanasja moħbija. Imma hemm ukoll l-oħra. U b’dan lil Alla nkunu ngħidulu: “Le, tmiem il-ħajja niddettah jien, kif irrid jien”. Dnub kontra Alla l-Ħallieq. Aħsbuha sewwa din.

 

Nawguralkom li s-sebgħin sena ta’ ħajja tal-Assoċjazzjoni tagħkom jixprunawkom għal mixja li fiha tkomplu tikbru u timmaturaw. Ikkollaboraw b’mod kostruttiv mal-persuni u l-istituzzjonijiet kollha li magħkom jgħożżu l-istess imħabba għall-ħajja u jitħabtu biex jaqduha fid-dinjità, il-qdusija u l-invjolabbiltà tagħha. San Kamillu ta’ Lellis, fis-suġġeriment tiegħu għal metodu iżjed effikaċi fil-kura tal-marid, kien sempliċement jgħid: “Qiegħdu qalb ikbar f’dawk l-idejn”. Qiegħdu qalb ikbar f’dawk l-idejn. Dan ukoll hu l-awgurju tiegħi. Il-Verġni Mbierka, is-Salus infirmorum, twieżen il-fehmiet li bihom tixtiequ tibqgħu mexjin fil-ħidma tagħkom. Jekk jogħġobkom, nitlobkom titolbu għalija u minn qalbi nberikkom. Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard