Għeżież ħuti,

 

Insellem minn qalbi lilkom ilkoll, u magħkom insellem lill-aħwa morda u anzjani li ma setgħux ikunu hawn imma jinsabu magħqudin magħna spiritwalment.  Irrodd ħajr lill-Kardinal Puljić għall-kelmtejn tiegħu, kif ukoll lil Swor Ljubica, Dun Zvonimir u Fra Jozo tax-xhieda tagħhom.  Nirringrazzja lilkom kollha għas-servizz li qed tagħtu lill-Vanġelu u lill-Knisja.  Ġejt f’artkom bħala pellegrin ta’ paċi u ta’ djalogu, biex inwettaq u nagħmel il-qalb lill-aħwa fil-fidi, u b’mod partikulari lilkom, imsejħin biex taħdmu “il-ħin kollu” fl-għalqa tad-dwieli tal-Mulej.  Hu jgħidilna: “Ara, jiena magħkom dejjem, sa l-aħħar taż-żmien” (Mt 28:20).  Din hi ċ-ċertezza li timliena bil-faraġ u t-tama, speċjalment fil-waqtiet iebsa tal-ministeru tagħna.  Qed jiġuni f’moħħi t-tbatijiet u l-provi ta’ l-imgħoddi u tal-lum fil-komunitajiet Insara tagħkom.  Mqar jekk qed tgħixu f’dan il-kuntest, intom ma ċedejtux, bqajtu tirreżistu, u ħabriktu biex taffrontaw bla heda d-diffikultajiet personali, soċjali u pastorali bi spirtu ta’ servizz.  Il-Mulej iħallaskom lura hu!

 

Nistħajjel li s-sitwazzjoni numerikament f’minoranza tal-Knisja Kattolika f’din l-art tagħkom, kif ukoll in-nuqqasijiet ta’ suċċess fil-ministeru, xi kultant iġagħlukom tħossukom bħad-dixxipli ta’ Ġesù dak in-nhar li, minkejja li kienu tħabtu għal lejl sħiħ, ma kienu qabdu xejn (ara Lq 5:5).  Imma hu sewwa sew f’dawk il-mumenti, jekk nafdaw ruħna f’idejn il-Mulej, li naslu biex induqu s-saħħa tal-Kelma tiegħu, il-qawwa ta’ l-Ispirtu tiegħu, li jġedded fina l-fiduċja u t-tama.  Is-servizz tagħna jista’ jħalli l-frott fuq kollox skond kemm għandna fidi; il-fidi fl-imħabba ta’ Kristu, li minnu xejn u ħadd ma jista’ qatt jifridna, kif jisħaq l-Appostlu Pawlu (ara Rum 8:35-39), li kien jaf x’inhuma l-provi!  U anki l-fraternità tweżinna u taħjina; il-fraternità bejn is-saċerdoti, bejn ir-reliġjużi, bejn il-lajċi kkonsagrati, bejn is-seminaristi; il-fraternità bejnietna kollha, aħna li l-Mulej sejħilna biex inħallu kollox u nimxu warajh, tagħtina l-ferħ u l-faraġ, u tagħmel iżjed effikaċi l-ħidma tagħna.  Aħna xhieda tal-fraternità!

 

Ħudu ħsieb tagħkom infuskom u tal-merħla kollha” (Atti 20:28).  Din l-eżortazzjoni ta’ San Pawl – li nsibuha fl-Atti ta’ l-Appostli – tfakkarna li jekk irridu ngħinu lill-oħrajn jitqaddsu, ma rridux ninsew lilna nfusna, jiġifieri t-tqaddis tagħna nfusna.  U bil-kontra, l-għotja tagħna għall-poplu fidil ta’ Alla, li ningħataw kollna kemm aħna għall-ħajja tiegħu u fuq kollox biex inkunu qrib tal-foqra u ċ-ċkejknin, dan jagħmilna nixbhu iżjed lil Kristu.  Li minn naħa nieħdu ħsieb tal-mixja personali tagħna u mill-oħra l-imħabba pastorali għan-nies, dawn imorru dejjem id f’id u jistagħnew b’xulxin.  Qatt ma jistgħu jimxu mifrudin minn xulxin.

 

Xi jfisser għal saċerdot jew għal persuna kkonsagrata, il-lum, hawn fil-Bosnja u l-Ħerzegovina, li jaqdi l-merħla ta’ Alla?  Naħseb li jfisser inwettqu l-pastorali tat-tama, inħarsu n-nagħaġ li għandna fil-maqjel, imma wkoll li mmorru, noħorġu nfittxu lil dawk li qed jistennew l-Aħbar it-Tajba u waħidhom ma jafux isibu jew jerġgħu jsibu t-triq li twassal għal għand Ġesù.  Niltaqgħu man-nies hemm fejn tgħix hi, anki dik il-parti tal-merħla li qiegħda ’l barra miċ-ċint, imbiegħda, xi kultant bla ma għadha taf min hu Ġesù Kristu.  Nieħdu ħsieb tal-formazzjoni tal-Kattoliċi fil-fidi u fil-ħajja Nisranija.  Nagħmlu l-qalb lill-fidili lajċi biex ikunu protagonisti tal-missjoni ta’ evanġelizzazzjoni li għandha l-Knisja.  Għalhekk, nitlobkom tgħinuhom jikbru f’komunitajiet Kattoliċi miftuħa u “li kapaċi joħorġu”, kapaċi jilqgħu u jiltaqgħu, u qalbiena fix-xhieda tal-Vanġelu.

 

Il-qassis, l-ikkonsagrat hu msejjaħ jgħix l-ansjetajiet u t-tamiet tal-poplu tiegħu; jaħdem fil-kuntesti konkreti ta’ żmienu, spiss ikkaratterizzati minn tensjonijiet, ġlied, suspetti, prekarjetà u faqar.  Quddiem l-aktar sitwazzjonijiet ta’ wġigħ il-qalb, nitolbu lil Alla qalb li taf titqanqal, għandha ħila turi empatija; m’hemmx xhieda aqwa minn dik li nkunu qrib tal-ħtiġijiet materjali u spiritwali tan-nies.  Hu dmir ta’ l-Isqfijiet, is-saċerdoti u r-reliġjużi li jgħinu lill-persuni jħossu lil Alla qrib tagħhom, dirgħajh li jfarrġu u jfejqu; nersqu lejn il-ġrieħi u d-dmugħ tal-poplu tagħna; ma negħjewx niftħu qalbna u noħorġu jdejna lil dawk li jitolbuna l-għajnuna u lil dawk kollha li, forsi b’ċerta modestja, ma jitolbuhilniex, imma għandhom bżonn kbir tagħha.  Dwar dan, nixtieq nesprimi l-apprezzament tiegħi lejn is-sorijiet reliġjużi, għal dak kollu li jagħmlu b’ġenerożità u fuq kollox għall-preżenza fidila u premuruża tagħhom.

 

Għeżież saċerdoti u reliġjużi, ninkuraġġikom biex tibqgħu twettqu bil-ferħ is-servizz pastorali tagħkom, li jagħmel il-frott skond il-fidi u l-grazzja, imma anki skond ix-xhieda ta’ ħajja umli u mbiegħda mill-interessi tad-dinja.  Nitlobkom, taqgħux fit-tentazzjoni li ssiru xi speċi ta’ élite magħluqa fiha nfisha.  Ix-xhieda saċerdotali u reliġjuża ġeneruża u trasparenti hi ta’ eżempju u kuraġġ għas-seminaristi u għal dawk kollha li l-Mulej qed isejjaħ biex jaqduh.  Kunu qrib taż-żgħażagħ, stednuhom jaqsmu magħkom xi esperjenzi ta’ qadi u ta’ talb, u hekk tkunu tgħinuhom jiskopru l-imħabba ta’ Kristu u jiftħu qalbhom għas-sejħa tal-Mulej.  Jalla l-fidili lajċi jkunu jistgħu jaraw fikom dik l-imħabba fidila u ġeneruża li Kristu ħalla bħala testment lid-dixxipli tiegħu.

 

U ngħid kelma b’mod partikulari lilkom, għeżież seminaristi.  Fost il-ħafna xhieda sbieħ ta’ kkonsagrati f’din l-art tagħkom, niftakru fil-Qaddej ta’ Alla Petar Barbarić.  Hu jgħaqqad flimkien lill-Ħerzegovina, fejn twieled, u l-Bosnja, fejn għamel il-professjoni tiegħu, kif ukoll lill-kleru kollu, kemm djoċesan u kemm reliġjuż.  Dan il-kandidat żagħżugħ għas-saċerdozju, bil-ħajja tiegħu mimlija virtù, hu għal kulħadd ta’ eżempju kbir.

 

Il-Verġni Marija hi dejjem qrib tagħna, bħala Omm li tgħożżna tant.  Hi l-ewwel dixxiplu tal-Mulej u mudell ta’ ħajja mogħtija lilU u lill-aħwa.  Meta nsibu ruħna f’diffikultà, jew inħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjoni li quddiemha nħossuna tant bla saħħa, induru lejha b’fiduċja ta’ wlied.  U hi dejjem tgħidilna – bħal fit-tieġ ta’ Kana –: “Agħmlu kull ma jgħidilkom Hu” (Ġw 2:5).  Tgħallimna nisimgħu lil Ġesù u nimxu wara l-Kelma tiegħu, imma bil-fidi!  Dan hu s-sigriet tagħha, li bħala omm tixtieq tgħaddi lilna: il-fidi, dik il-fidi ġenwina, tant li biżżejjed farka waħda minnha biex tħarrek il-muntanji!

 

B’dan l-abbandun fiduċjuż, nistgħu naqdu lill-Mulej bil-ferħ u nkunu kullimkien nies li jiżirgħu t-tama.  Niżgurakom li niftakar fikom fit-talb tiegħi u nbierek minn qalbi lilkom ilkoll u lill-komunitajiet tagħkom.  U nitlobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard