Għeżież mistiedna distinti,

 

Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom illejla, lejlet is-sittin anniversarju mill-iffirmar tat-Trattati li bihom twaqqfu l-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika. Nixtieq nesprimi l-affett tas-Santa Sede għal kull wieħed mill-pajjiżi tagħkom u għall-Ewropa sħiħa, li mad-destin tagħhom, b’dispożizzjoni tal-Providenza, hi hekk marbuta b’mod qawwi. Nesprimi l-gratitudni partikulari tagħna lejn l-Onor. Paolo Gentiloni, President tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika Taljana, għall-kelmtejn sbieħ li għamel f’isem kulħadd u għall-impenn li ħadet l-Italja fit-tħejjija għal din il-laqgħa; kif ukoll lill-Onor. Antonio Tajani, President tal-Parlament Ewropew, li ta vuċi lix-xewqat tal-popli tal-Unjoni f’din it-tfakkira tal-lum.

 

Ir-ritorn lejn Ruma sittin sena wara ma jistax ikun biss vjaġġ ta’ tifkiriet, imma pjuttost ix-xewqa li niskopru mill-ġdid il-memorja ħajja ta’ dik il-ġrajja biex nifhmu x’tifsira għandha llum. Irridu nifhmu l-isfidi ta’ dak iż-żmien, biex naffrontaw dawk tal-lum u ta’ għada. Bir-rakkonti tagħha, mimlija tqanqil ta’ ġrajjiet tal-imgħoddi, il-Bibbja toffrilna metodu pedagoġiku fundamentali: ma nistgħux nifhmu ż-żmien li qed ngħixu llum mingħajr l-imgħoddi, mifhum mhux bħala ġabra ta’ fatti mbiegħda, imma bħala dik l-għajn ħajja li ssaqqi l-preżent. Mingħajr dan l-għarfien, ir-realtà titlef l-unità tagħha, l-istorja titlef in-nisġa loġika tagħha, u l-umanità titlef is-sens tal-azzjonijiet tagħha u d-direzzjoni tal-ġejjieni tagħha.

 

Il-25 ta’ Marzu 1957 kien jum mimli xewqat u tamiet, ħeġġa u tregħid, u riedet tkun ġrajja eċċezzjonali, minħabba fil-piż u l-konsegwenzi storiċi tagħha, biex tagħmilha hekk unika fl-istorja. It-tifkira ħajja ta’ dak il-jum tixxierek mat-tamiet tal-lum u max-xewqat tal-popli Ewropej li jitolbu dixxerniment tal-preżent biex nistgħu nkomplu b’ħeġġa u fiduċja mġedda l-mixja li bdejna.

 

Dan kienu jafuh tajjeb il-Missirijiet fundaturi u l-mexxejja li, meta qiegħdu l-firma tagħhom fuq iż-żewġ Trattati, taw il-ħajja lil dik ir-realtà politika, ekonomika, kulturali, imma fuq kollox umana, li llum insejħulha Unjoni Ewropea. Min-naħa l-oħra, kif qal il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Belġju Spaak, dan kollu kien “veru, dwar il-ġid materjali tal-popli tagħna, it-tkabbir tal-ekonomiji tagħna, il-progress soċjali, il-possibbiltajiet industrijali u kummerċjali totalment ġodda, imma fuq kollox […] dwar kunċett partikulari tal-ħajja li jixraq lill-bniedem, fratern u ġust”.[1]

 

Wara s-snin mudlama u mdemmija tat-Tieni Gwerra Dinjija, il-mexxejja ta’ dak iż-żmien emmnu fil-possibbiltà ta’ ġejjieni aħjar, “ma naqashomx il-kuraġġ u ma ħadux passi tard wisq. It-tifkira tal-ġrajjiet koroh tal-passat u tal-ħtijiet tagħhom donnha nebbħithom u mliethom bil-kuraġġ meħtieġ biex jinsew it-tilwim ta’ dari u jaħsbu u jaġixxu b’mod tassew ġdid biex iwettqu l-ikbar bidliet […] tal-Ewropa”.[2]

 

Il-Missirijiet fundaturi jfakkruna li l-Ewropa mhix xi ġabra ta’ regoli li għandhom jiġu osservati, mhix xi manwal ta’ protokolli u proċeduri biex nimxu magħhom. Hija ħajja, mod kif nikkonċepixxu lill-bniedem skont id-dinjità traxxendenti u inaljenabbli tiegħu u mhux biss bħala lista ta’ drittijiet li rridu nħarsu, jew ta’ pretensjonijiet li rridu niddefendu. Fl-għeruq tal-idea tal-Ewropa hemm “il-figura u r-responsabbiltà tal-bniedem, bil-ħeġġa tbaqbaq fih ta’ fraternità evanġelika, […] bir-rieda tiegħu ta’ verità u ta’ ġustizzja imsinna minn esperjenza millenarja”.[3] Ruma, bis-sejħa tagħha għall-universalità,[4] hi s-simbolu ta’ din l-esperjenza u għalhekk ġiet magħżula bħala post fejn jiġu ffirmati t-Trattati, għax hawn – ifakkar il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Olandiż Luns – “issejsu l-bażijiet politiċi, ġuridiċi u soċjali taċ-ċiviltà tagħna”.[5]

 

Jekk kien ċar sa mill-bidu li l-qalb tħabbat tal-proġett politiku Ewropew ma setgħetx ħlief tkun il-bniedem, daqshekk ieħor kien ċar ir-riskju li t-Trattati jibqgħu ittra mejta. Dawn kellhom jimtlew bi spirtu li jagħti l-ħajja. U l-ewwel element tal-vitalità Ewropea hu s-solidarjetà. “Il-Komunità Ekonomika Ewropea”, jafferma l-Prim Ministru tal-Lussemburgu Bech – “tista’ tgħix u jkollha suċċess biss jekk, tul ħajjitha, tibqa’ fidila għall-ispirtu ta’ solidarjetà Ewropea li ħoloqha u jekk ir-rieda komuni tal-Ewropa li qed titwieled hawn tkun iktar b’saħħitha minn dik tar-ridiet nazzjonali”.[6] Dan l-ispirtu hu iżjed meħtieġ minn qatt qabel, quddiem l-isforzi ta’ min irid jitbiegħed minn dan iċ-ċentru kif ukoll it-tentazzjonijiet li nirriduċu l-ideali li fuqhom twaqqfet l-Unjoni għall-ħtiġijiet tal-produzzjoni, ekonomiċi u finanzjarji.

 

Mis-solidarjetà titwieled il-ħila li ninfetħu għall-oħrajn. “Il-pjanijiet tagħna mhumiex ta’ natura egoistika”,[7] kien qal il-Kanċillier Ġermaniż Adenauer. “Bla dubju, il-pajjiżi li se jingħaqdu […] ma jridux jiżolaw ruħhom mill-bqija tad-dinja u jtellgħu madwarhom ħitan għoljin li ħadd ma jista’ jaqbeż”,[8] fakkar il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Franċiż Pineau. F’dinja li kienet taf sew bit-traġedja ta’ ħitan u firdiet, kienet ċara ħafna l-importanza li jaħdmu għal Ewropa magħquda u miftuħa, u r-rieda komuni li jħabirku biex ineħħu dak il-ħajt xejn naturali li mill-Baħar Baltiku għall-Adrijatiku kien qed jaqsam il-kontinent. Kemm tħabtu biex iwaqqgħu dak il-ħajt! U safrattant illum intilfet il-memorja ta’ dak it-taħbit kollu. Intilef ukoll l-għarfien tat-traġedja ta’ familji mifruda, tal-faqar u tal-miżerja li ġabet magħha dik il-qasma. Hemm fejn ġenerazzjonijiet sħaħ ixxennqu li jaraw jiġġarrfu s-sinjali ta’ ġlieda sfurzata, issa qed niddiskutu kif inżommu barra l-“perikli” ta’ żmienna: ibda mil-linja twila ta’ nisa, irġiel u tfal, f’ħarba mill-gwerra u l-faqar, li kulma qed jitolbu hi l-possibbiltà ta’ futur għalihom u għall-għeżież tagħhom.

 

Fil-vojt tal-memorja li jimmarka din l-epoka tagħna, spiss ninsew ukoll rebħa oħra grazzi għas-solidarjetà stabbilita nhar il-25 ta’ Marzu 1957: l-itwal żmien ta’ paċi fl-aħħar sekli. “Popli li mal-medda taż-żmien spiss sabu ruħhom f’kampijiet opposti, jiġġieldu kontra xulxin, […] issa, minflok, sabu ruħhom magħqudin permezz tal-għana tal-aspetti partikulari tan-nazzjonijiet tagħhom”.[9] Il-paċi tinbena dejjem bis-sehem ħieles u konxju ta’ kulħadd. Madankollu, “għal ħafna llum tidher, b’xi mod, ġid ovvju”[10] u għalhekk faċli ħafna li nqisuha bla siwi. Bil-maqlub, il-paċi hi ġid prezzjuż u essenzjali, għax mingħajrha ma nistgħux nibnu ġejjieni għal ħadd u nispiċċaw “ngħixu biss il-ġurnata”.

 

Fil-fatt, l-Ewropa magħquda titwieled minn proġett ċar, maħdum sewwa, maħsub bir-reqqa, anki jekk għall-bidu fi stat embrijunali biss. Kull proġett tajjeb iħares lejn il-futur, u l-futur huma ż-żgħażagħ, li huma msejħa jwettqu l-wegħdiet tal-ġejjieni.[11] Għalhekk fil-moħħ tal-Missirijiet fundaturi kien ċar l-għarfien li huma parti minn opra komuni, li mhux biss tofroq il-konfini tal-Istati, imma anki dawk taż-żmien, u hekk torbot il-ġenerazzjonijiet bejniethom, ilkoll ugwalment parteċipi fil-bini tad-dar komuni.

 

Għeżież mistiedna distinti,

 

Din l-ewwel parti tal-intervent tiegħi ddedikajtha lill-Missirjiet tal-Ewropa, biex inħallu jqanqalna kliemhom, l-attwalità tal-ħsieb tagħhom, l-impenn imqanqal tagħhom għall-ġid komuni li kkaratterizzahom, iċ-ċertezza li kienu parti minn opra ikbar mill-istess persuna tagħhom, u l-ideal għoli li mexxiehom. L-aspett komuni bejniethom kien l-ispirtu ta’ servizz, magħqud mal-passjoni politika, u mal-għarfien li “fl-għeruq taċ-ċiviltà Ewropea hemm il-Kristjaneżmu”,[12] li mingħajru ma nistgħux nifhmu l-valuri tad-dinjità, il-libertà u l-ġustizzja li għandna fil-Punent. “U llum ukoll”, stqarr San Ġwanni Pawlu II, “ir-ruħ tal-Ewropa tibqa’ magħquda, għax, barra mill-għeruq komuni tagħha, tħaddan il-valuri identiċi Nsara u umani, bħalma huma dawk tad-dinjità tal-bniedem, tas-sentiment qawwi tal-ġustizzja u tal-libertà, tax-xogħol, tal-ispirtu ta’ inizjattiva, tal-imħabba għall-familja, tar-rispett lejn il-ħajja, tat-tolleranza, tax-xewqa ta’ koperazzjoni u ta’ paċi, li huma aspetti li jikkaratterizzawha”.[13] Fid-dinja multikulturali tagħna dawn il-valuri jibqgħu jsibu ċittadinanza sħiħa jekk jagħrfu jżommu dik ir-rabta vitali mal-għeruq li nissluhom. Jekk din ir-rabta tibqa’ għammiela, nistgħu nibqgħu nibnu soċjetajiet awtentikament lajċi, ħielsa minn tilwim ideoloġiku, fejn isibu post indaqs kemm in-nies tal-post u kemm dawk li jiġu minn barra, kemm min jemmen u kemm min ma jemminx.

 

Fl-aħħar sittin sena d-dinja nbidlet ħafna. Jekk il-Missirijiet fundaturi, li kienu għaddew minn gwerra tant qerrieda, kienu mmexxija mit-tama f’futur aħjar u determinati bir-rieda li jfittxuh, u għalhekk ħarbu kull tilwim ġdid, żmienna hu iżjed maħkum mill-kunċett ta’ kriżi. Hemm il-kriżi ekonomika, li mmarkat l-aħħar għaxar snin, hemm il-kriżi tal-familja u tal-mudelli soċjali konsolidati, hemm “kriżi tal-istituzzjonijiet” mifruxa sew u l-kriżi tal-immigrazzjoni: tant kriżijiet, li warajhom jostru l-biża’ u l-konfużjoni qawwija fil-qalb tal-bniedem tal-lum, li qed jitlob ermenewtika ġdida għall-futur. Madankollu, it-terminu “kriżi” fih innifsu m’għandux konnotazzjoni negattiva. Ma jurix biss mument ikrah li jrid jiġi megħlub. Il-kelma kriżi ġejja mill-verb Grieg crino (κρίνω), li jfisser tinvestiga, tgħarbel, tiġġudika. Mela dan tagħna hu żmien ta’ dixxerniment, li jistedinna ngħarblu l-essenzjal u nibnu fuqu: mela hu żmien ta’ sfidi u ta’ opportunitajiet.

 

Għalhekk, liema hi l-ermenewtika, iċ-ċavetta ta’ interpretazzjoni li biha nistgħu naqraw id-diffikultajiet tal-preżent u nsibu tweġibiet għall-futur? Ir-riflessjoni tagħna fuq il-ħsieb tal-Missirijiet fundaturi tista’ tkun ħaġa vojta jekk ma turiniex mixja, jekk ma ssirx stimolu għall-ġejjieni u għajn ta’ tama. Kull ġisem li jitlef is-sens tal-mixja tiegħu, li tonqsu din il-ħarsa ’l quddiem, l-ewwel jibda sejjer lura u fit-tul jirriskja li jmut. Mela x’wirt ħallewlna l-Missirijiet fundaturi? X’perspettivi qed juruna biex naffrontaw l-isfidi li hemm jistennewna? Liema tama għall-Ewropa tal-lum u ta’ għada?

 

It-tweġibiet insibuhom sewwasew fil-pilastri li fuqhom huma riedu jibnu l-Komunità Ekonomika Ewropea u li diġà fakkart: iċ-ċentralità tal-bniedem, solidarjetà vera, il-ftuħ għad-dinja, it-tiftix tal-paċi u tal-iżvilupp, il-ftuħ għall-futur. Min jiggverna għandu d-dmir li jiddixxerni t-toroq tat-tama – dan hu dmirkom: tiddixxernu t-toroq tat-tama –, tidentifikaw il-mixjiet konkreti biex il-passi sinifikattivi li twettqu sa issa ma jintilfux, imma jkunu garanzija ta’ mixja twila u li tħalli l-frott.

 

L-Ewropa terġa’ ssib it-tama meta l-bniedem ikun fiċ-ċentru u l-qalba tal-istituzzjonijiet tagħha. Nemmen li dan jitlob atteġġjament ta’ smigħ attent u fiduċjuż kemm tal-persuni individwali, u kemm tas-soċjetajiet u l-popli li jsawru l-Unjoni. B’xorti ħażina, spiss ikollna s-sensazzjoni li teżisti “diskrepanza affettiva” bejn iċ-ċittadini u l-Istituzzjonijiet Ewropej, li spiss jinħassu mbiegħda u mhux attenti għas-sensibbiltajiet diversi li jsawru l-Unjoni. Naffermaw iċ-ċentralità tal-bniedem ifisser ukoll insibu mill-ġdid l-ispirtu ta’ familja, fejn kull wieħed, skont il-ħiliet u t-talenti tiegħu, jagħti sehmu b’mod ħieles b’risq id-dar komuni tagħna. Irridu nżommu quddiem għajnejna li l-Ewropa hi familja ta’ popli[14] u – bħal f’kull familja tajba – hemm sentimenti differenti, imma kulħadd jista’ jikber skont kemm hu magħqud mal-bqija. L-Unjoni Ewropea twieldet bħala għaqda tad-differenzi u għaqda fid-differenzi. Allura l-karatteristiċi partikulari m’għandhomx ibeżżgħu, lanqas nistgħu naħsbu li l-għaqda tinżamm fl-uniformità. Pjuttost hi l-armonija ta’ komunità. Il-Missirijiet fundaturi għażlu proprju dan it-terminu bħala l-fus li fuqu jserrħu l-entitajiet li kienu qed jinħolqu bit-Trattati, u saħqu fuq il-fatt li kienu qed jiddisponu b’mod komuni r-riżorsi u t-talenti ta’ kull wieħed. Illum l-Unjoni Ewropea għandha bżonn terġa’ tiskopri s-sens li hi qabelxejn “komunità” ta’ persuni u ta’ popli li jafu li “l-kollox hu wisq iktar mill-parti, u hu wkoll iktar mill-ġabra tal-partijiet flimkien”[15] u għalhekk “jeħtieġ dejjem inwessgħu ħarsitna biex nagħrfu ġid wisq akbar li jkun ta’ benefiċċju għalina lkoll”.[16] Il-Missirijiet fundaturi fittxew dik l-armonija li fiha l-kollox jinsab f’kull waħda mill-partijiet, u l-partijiet huma – kull waħda bl-oriġinalità tagħha – fil-kollox.

 

L-Ewropa terġa’ ssib it-tama fis-solidarjetà, li hi l-aktar antidotu effikaċi kontra l-populiżmi moderni. Is-solidarjetà ġġib magħha l-għarfien li aħna parti minn ġisem wieħed u fl-istess waqt timplika l-ħila li kull membru “jissimpatizza” mal-ieħor u mal-kollox. Jekk qed ibati wieħed, qed ibatu kollha (ara 1 Kor 12:26). Hekk anki aħna llum nibku mar-Renju Unit għall-vittmi tal-attentat li laqat lil Londra jumejn ilu. Is-solidarjetà mhix biss fehma sabiħa: hi kkaratterizzata mill-fatti u l-ġesti konkreti, li jqarrbuna lejn il-proxxmu, f’kull qagħda li fiha jinsab. Bil-maqlub, il-populiżmi jinbtu sewwasew mill-egoiżmu, li jagħlaq f’ċirku ristrett u li jifga, u li ma jħalliniex negħlbu l-ħsibijiet li jillimitawna biex “naraw lil hemm”. Hemm bżonn nerġgħu nibdew naħsbu b’mod Ewropew, biex nevitaw il-periklu oppost ta’ uniformità griża, jew aħjar, it-trijonf tal-partikulariżmi. Il-politika għandha r-rwol ta’ dan il-leadership ideali, li ma jfittixx li jqanqal l-emozzjonijiet biex jirbaħ il-kunsens, imma pjuttost jelabora, fi spirtu ta’ solidarjetà u sussidjarjetà, għamliet ta’ politika li jgħinu lill-Unjoni kollha kemm hi tikber fi żvilupp armoniku, hekk li min jirnexxielu jiġri l-iżjed jista’ jżomm id min miexi iżjed bil-mod, u min l-iżjed li qed ibati jħossu miġbud biex jilħaq lil min qiegħed quddiem nett.

 

L-Ewropa terġa’ ssib it-tama meta ma tingħalaqx fil-biża’ ta’ ċertezzi foloz. Bil-maqlub, l-istorja tagħha b’qawwa kbira hi determinata mil-laqgħa ma’ popli u kulturi oħra u l-identità tagħha “hi, u minn dejjem kienet, identità dinamika u multikulturali”.[17] Fid-dinja hawn interess fil-proġett Ewropew. Kien hemm mill-bidu nett, bil-folla li ppakkjat il-pjazza tal-Campidoglio u bil-messaġġi ta’ awguri li waslu minn Stati oħra. Illum iżjed u iżjed, ibda minn dawk il-pajjiżi li jitolbu li jissieħbu fl-Unjoni, kif ukoll dawk l-Istati li jirċievu l-għajnuna li, b’ġenerożità sħiħa, tiġi offruta lilhom biex jistgħu jsaqqfu wiċċhom mal-konsegwenzi tal-faqar, tal-mard u tal-gwerer. Il-ftuħ għad-dinja jimplika l-ħila ta’ “djalogu bħala għamla ta’ laqgħa”[18] fuq kull livell, ibda minn dak bejn l-Istati membri u bejn l-Istituzzjonijiet u ċ-ċittadini, u spiċċa f’dak mal-għadd kbir ta’ immigranti li jaslu fuq ix-xtut tal-Unjoni. Ma nistgħux nillimitaw ruħna u l-kriżi gravi ta’ immigrazzjoni ta’ dawn l-aħħar snin inqisuha bħallikieku kienet biss problema ta’ numri, ekonomija u sigurtà. Il-kwistjoni migratorja ġġagħalna nagħmlu mistoqsija iktar profonda, li hi qabelxejn kulturali. Liema kultura qed tipproponi l-Ewropa llum? Fil-fatt, il-biża’ li spiss inħossu għandu l-ikbar kawża tiegħu fit-telfien tal-ideali. Mingħajr perspettiva ideali vera nispiċċaw ninħakmu mill-biża’ li l-ieħor se jisirqilna d-drawwiet li ssaħħaħna fihom, sa jċaħħadna mill-kumditajiet li ksibna, u b’xi mod sa jqiegħed fid-dubju stil ta’ ħajja li spiss hu wisq magħmul mill-ġid materjali. Bil-maqlub, l-għana tal-Ewropa dejjem kien il-ftuħ spiritwali tagħha u l-ħila tagħha li tagħmel lilna nfisha mistoqsijiet fundamentali fuq it-tifsira tal-ħajja. Mal-ftuħ għat-tifsira tal-etern hemm ukoll ftuħ pożittiv għad-dinja, anki jekk mhux nieqes minn tensjonijiet u minn żbalji. Imma l-kumdità tal-ġid li kisbet lill-Ewropa donnha żammitilha ġwenħajha ’l isfel u baxxietilha ħarsitha. L-Ewropa għandha wirt ideali u spiritwali uniku fid-dinja li jixraq li nerġgħu nipproponuh b’passjoni u freskezza mġedda, u li hu l-aħjar rimedju kontra l-vojt tal-valuri fi żmienna, art għammiela għal kull xorta ta’ estremiżmu. Dawn huma l-ideali li għamlu mill-Ewropa dik il-“peninżula tal-Asja” li mill-Urali tasal sal-Atlantiku.

 

L-Ewropa terġa’ ssib it-tama meta tinvesti fl-iżvilupp u fil-paċi. L-iżvilupp ma jiġix minn ġabra ta’ teknoloġiji produttivi. Hu jolqot lill-bniedem sħiħ: id-dinjità tax-xogħol tiegħu, il-kundizzjonijiet ta’ ħajja xierqa, il-possibbiltà li jirċievi l-edukazzjoni u l-kura medika meħtieġa. “L-iżvilupp hu l-isem ġdid għall-paċi”,[19] stqarr Pawlu VI, għax m’hemmx vera paċi meta għandna persuni emarġinati u mġiegħla jgħixu fil-miżerja. M’hemmx paċi fejn jonqos ix-xogħol u l-perspettiva ta’ paga dinjituża. M’hemmx paċi fil-periferiji tal-bliet tagħna, fejn id-droga u l-vjolenza għamlu ħerba.

 

L-Ewropa terġa’ ssib it-tama meta tinfetaħ għall-futur. Meta tinfetaħ għaż-żgħażagħ, toffrilhom perspettivi serji ta’ edukazzjoni, possibbiltajiet veri ta’ inseriment fid-dinja tax-xogħol. Meta tinvesti fil-familja, li hi l-ewwel ċellula fundamentali tas-soċjetà. Meta tirrispetta l-kuxjenza u l-ideali taċ-ċittadini tagħha. Meta tiggarantixxi l-possibbiltà li nġibu l-ulied, bla biża’ li ma nkunux nistgħu ngħajxuhom. Meta tħares il-ħajja fil-qdusija kollha tagħha.

 

Għeżież mistiedna distinti,

 

F’perspettiva ta’ ħajja li dejjem titwal, sittin sena llum huma meqjusa l-età tal-maturità sħiħa. Età kruċjali li fiha għal darb’oħra aħna msejħin ngħarblu lilna nfusna. Anki l-Unjoni Ewropea llum hi msejħa tgħarbel lilha nfisha, tikkura l-uġigħ inevitabbli li jiġi maż-żmien u ssib toroq ġodda biex tibqa’ tterraq bil-mixja tagħha. Imma b’differenza minn bniedem ta’ sittin sena, l-Unjoni Ewropea m’għandhiex quddiemha xjuħija inevitabbli, imma l-possibbiltà ta’ żgħożija ġdida. Is-suċċess tagħha jiddipendi mir-rieda tagħna li naħdmu għal darb’oħra flimkien u mir-rieda li nibnu l-futur tagħna. Intom, bħala mexxejja, għandkom id-dmir li tiddixxernu t-triq lejn “umaniżmu Ewropew ġdid”,[20] magħmul minn ideali u konkretezza. Dan ifisser li ma tibżgħux tieħdu deċiżjonijiet li jħallu l-frott, li jistgħu jwieġbu għall-problemi reali tal-persuni u li jirreżistu l-prova taż-żmien.

 

Min-naħa tiegħi, ma nistax ħlief niżgurakom li s-Santa Sede u l-Knisja hi qrib l-Ewropa kollha, li minn dejjem tat u se tkompli tagħti sehemha għall-bini tagħha, u ssejjaħ fuqha l-barka tal-Mulej, biex iħarisha u jagħtiha s-sliem u l-progress. Għalhekk nagħmel tiegħi l-kliem li lissen Joseph Bech fil-Campidoglio: Ceterum censeo Europam esse ædificandam, mill-bqija naħseb li l-Ewropa jixirqilha ssib min jibniha.

 

Grazzi.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard

 

 

Noti


 

[1] P.H. Spaak, Diskors fl-okkażjoni tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, 25 ta’ Marzu 1957.

[2] Ibid.

[3] A. De Gasperi, La nostra patria Europa. Diskors lill-Konferenza Parlamentari Ewropea, 21 ta’ April 1954, f’Alcide De Gasperi e la politica internazionale, Cinque Lune, Roma 1990, vol. III, 437-440.

[4] Ara P.H. Spaak, Diskors, cit.

[5] J. Luns, Diskors fl-okkażjoni tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, 25 ta’ Marzu 1957.

[6] J. Bech, Diskors fl-okkażjoni tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, 25 ta’ Marzu 1957.

[7] K. Adenauer, Diskors fl-okkażjoni tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, 25 ta’ Marzu 1957.

[8] C. Pineau, Diskors fl-okkażjoni tal-iffirmar tat-Trattati ta’ Ruma, 25 ta’ Marzu 1957.

[9] P.H. Spaak, Diskors, cit.

[10] Diskors lill-membri tal-Korp Diplomatiku akkreditat lis-Santa Sede, 9 ta’ Jannar 2017: L’Osservatore Romano, 9-10 gennaio 2017, p. 4.

[11] Ara P.H. Spaak, Diskors, cit.

[12] A. De Gasperi, La nostra patria Europa, cit.

[13] Att Ewropeistiku, Santiago de Compostela, 9 ta’ Novembru 1982: AAS 75/I (1983), 329.

[14] Ara Diskors lill-Parlament Ewropew, Strasburgu, 25 ta’ Novembru 2014: AAS 106 (2014), 1000.

[15] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 235.

[16] Ibid.

[17] Diskors fl-okkażjoni tal-għoti tal-Premju Karlu Manju, 6 ta’ Mejju 2016: L’Osservatore Romano, 6-7 maggio 2016, p. 4.

[18] Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 239.

[19] Pawlu VI, Ittra enċiklika Populorum progressio, 26 ta’ Marzu 1967, 87: AAS 59 (1967), 299.

[20] Diskors fl-okkażjoni tal-għoti tal-Premju Karlu Manju, 6 ta’ Mejju 2016: L’Osservatore Romano, 6-7 maggio 2016, p. 5.