Għeżież ħuti,

 

Nilqagħkom u nirringrazzja lill-President tagħkom għall-kelmtejn tiegħu. F’dawn il-jiem ninsabu fil-qofol tal-kontemplazzjoni mimlija ferħ tal-misteru ta’ Alla tagħna, li tant iċċappas u sar ħaġa waħda mal-umanità fqira tagħna, li bagħtilna lil Ibnu u permezz tiegħu ħa s-sura dgħajfa tagħna. Ma jistax ikun li ħsieb teoloġiku Kristjan, ikun liema jkun, ma jibdiex dejjem u bla waqfien minn hawn; f’riflessjoni li fiha naraw kemm in-nixxiegħa ħajja tal-Imħabba Divina qatt ma tinħela, tant li ħallietna mmissuha, inħarsu lejha u nduquha fil-maxtura ta’ Betlehem.  

 

Fl-2017, l-Assoċjazzjoni Teoloġika Taljana għalqet nofs seklu. Huwa pjaċir tiegħi li ningħaqad magħkom u flimkien nirringrazzjaw lil Alla għal dawk kollha li ħamsin sena ilu kellhom il-kuraġġ jieħdu l-inizjattiva li jagħtu l-ħajja lill-Assoċjazzjoni Teoloġika Taljana; għal dawk li taw is-sapport tagħhom f’dawn is-snin, billi offrew il-preżenza, l-intelliġenza u l-isforz għal riflessjoni ħielsa u responsabbli; u fuq kollox għall-kontribut li l-Assoċjazzjoni tagħkom tat lill-iżvilupp teoloġiku u lill-ħajja tal-Knisja, b’riċerka li dejjem riedet – bil-mod kritiku li jagħżilha – tkun f’sintonija mal-fażijiet fundamentali u l-isfidi tal-ħajja ekkleżjali Taljana.

 

Ta’ min jinnota li l-Assoċjazzjoni Teoloġika Taljana twieldet, bħalma jgħid l-ewwel artiklu tal-Istatut tagħkom, “fl-ispirtu ta’ servizz u ta’ għaqda li dwaru tkellem il-Konċilju Ekumeniku Vatikan II”. Dan għandu dejjem jinżamm mill-Knisja bħala punt ta’ riferiment. Miegħu bdiet “fażi ġdida ta’ evanġelizzazjoni” (Bolla Misericordiæ vultus, 4), u permezz tiegħu l-Knisja ħadet fuqha r-responsabbiltà li xxandar l-Evanġelju b’mod ġdid, li jadatta ruħu għal dinja u kultura mibdulin mill-qiegħ. M’hemmx dubji li dan l-isforz jitlob mill-Knisja kollha, b’mod partikolari mit-teologi, li jsir f’kuntest ta’ “fidi kreattiva”: fl-għarfien li f’dawn il-ħamsin sena seħħew bidliet oħra u fit-twemmin li l-Evanġelju jista’ jkompli jħalli effett anki fuq il-bnedmin tal-lum. Għalhekk nitlobkom biex fix-xogħol teoloġiku tagħkom tibqgħu fidili u ankrati fil-Konċilju u fil-kapaċità li fih il-Knisja wriet li tħalli lilha nnifisha tiddakkar mit-tiġdid kontinwu tal-Evanġelju ta’ Kristu; kif għamiltu, wara kollox, f’dawn l-aħħar għaxriet ta’ snin. Dan jidher fis-suġġetti magħżula u diskussi minnkom fil-Kungressi u fil-Korsijiet ta’ aġġornament, kif ukoll fil-biċċa xogħol kbira li saret reċentement fuq il-kummentarji għad-Dokumenti kollha tal-Konċilju Vatikan II.

 

B’mod partikolari, huwa riżultat ċar tal-Konċilju, u għana li mhux ta’ min jitilfu, il-fatt li ħassejtu u għadkom tħossu l-bżonn li “taħdmu fuq it-teoloġija, flimkien”, bħala Assoċjazzjoni, li llum tgħodd iktar minn 330 teologu. Dan l-aspett huwa marbut mal-istil, u diġà juri xi ħaġa li hi essenzjali fil-Verità li għas-servizz tagħha qed taħdem it-teoloġija. Fil-fatt, ma tistax taħseb li tista’ taħdem għas-servizz tal-Verità ta’ Alla li huwa Mħabba, komunjoni eterna tal-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu, u li għandu pjan ta’ salvazzjoni li hu l-komunjoni tal-bnedmin miegħu u bejniethom, u dan tagħmlu b’mod individwalista, partikolarista jew, agħar minn hekk, f’loġika ta’ kompetizzjoni. It-teologi m’għandhomx għażla oħra ħlief li jidħlu f’riċerka personali; iżda għandhom ikunu persuni li jaħdmu f’kuntest ta’ komunità teoloġika kemm jista’ jkun kbira, li tagħha jħossuhom u jagħmlu veru parti, involuti f’relazzjonijiet imsejsa fuq is-solidarjetà u anki fuq il-ħbiberija awtentika. Dan mhuwiex aspett ta’ importanza żgħira fil-ministeru teoloġiku.

 

Ministeru li llum għad hemm bżonn kbir tiegħu fil-Knisja. Fil-fatt, huwa veru li biex ikollok fidi awtentika m’hemmx bżonn li tkun attendejt għal korsijiet akkademiċi fit-teoloġija. Hemm sens tar-realtà tal-fidi li huwa tal-poplu kollu ta’ Alla, anki ta’ dawk li m’għandhomx xi għodda intellettwali partikolari biex jesprimuh, u li qed jistenna li nindunaw bih u nisimgħuh – niftakar fil-famuż infallibbli in credendo: irridu mmorru spiss hemm – u hemm persuni, anki sempliċi ħafna, li jafu jberrqu l-“għajnejn tal-fidi”. Kull teologu għandu jħossu parti minn din il-fidi ħajja tal-poplu qaddis li jemmen f’Alla, u minnha għandu jħossu mwieżen, immexxi u mħaddan. Dan iżda ma jfissirx li dejjem hemm bżonn ta’ din il-ħidma teoloġika partikolari li permezz tagħha, bħalma kien jgħid il-qaddis duttur Bonaventura, inkunu nistgħu naslu għall-credibile ut intelligibile, għal dak li nemmnu għaliex nifhmu. Huwa bżonn tal-umanità sħiħa tal-istess fidili, fuq kollox, sabiex il-fidi tagħna tkun umana b’mod sħiħ u ma taħrabx mill-għatx li għandna li nsiru nafu u nifhmu, bl-iktar mod profond u wiesa’ possibbli, dak li nemmnu. U huwa bżonn tal-komunikazzjoni fil-fidi, sabiex jidher dejjem u kullimkien li din mhux biss ma tinqatax minn dak li huwa uman, iżda tiġi ppreżentata dejjem bħala stedina lil-libertà tal-persuni.

 

Huwa fuq kollox fix-xewqa u fil-prospettiva ta’ Knisja li toħroġ b’mod missjunarju li l-ministeru teoloġiku jirriżulta, f’dan iż-żmien tal-istorja, partikolarment importanti u urġenti. Fil-fatt, Knisja li terġa’ taħseb lilha nfisha mill-ġdid b’dan il-mod, bħalma għidt fl-Evangelii gaudium, tara li lill-bnedmin tagħmilhielhom ċara liema huwa ċ-ċentru u n-nukleu fundamentali tal-Evanġelju, jiġifieri li “l-ġmiel tal-imħabba feddejja ta’ Alla deher f’Ġesù Kristu li miet u rxoxta” (n. 36). Xogħol tant essenzjali, fi żmien ta’ kumplessità u ta’ żvilupp fix-xjenza u t-tekonoloġija mingħajr preċedent u f’kultura ddominata, fil-passat, mill-Kristjaneżmu, iżda li fiha jista’ jkun li llum daħlu ideat mgħawġa ta’ x’hemm fil-qalb vera tal-Evanġelju. Minħabba dan, huwa indispensabbli li jsir xogħol teoloġiku kbir. Sabiex il-Knisja tkun tista’ tkompli ssemma’ l-veru fulkru tal-Evanġelju lill-bnedmin tal-lum, sabiex l-Evanġelju jasal tabilħaqq għand il-persuni fis-singolarità tagħhom u sabiex jibdel lis-soċjetà fil-livelli kollha tagħha, ix-xogħol tat-teoloġija huwa essenzjali. Huwa essenzjali l-isforz tagħha biex terġa’ taħseb b’mod ġdid dwar it-temi l-kbar tal-fidi Kristjana fi ħdan kultura mibdula mill-qiegħ.

 

Hemm bżonn ta’ teoloġija li tgħin lil kull Nisrani jxandar u juri, fuq kollox, il-wiċċ feddej ta’ Alla, Alla kollu ħniena, speċjalment fid-dawl ta’ xi sfidi ġodda li magħhom jiltaqa’ l-bniedem: bħal dik tal-kriżi ekoloġika, tal-iżvilupp tan-newroxjenzi jew tat-tekniċi li jistgħu jimmodifikaw lill-bniedem; kif ukoll dik tad-diżugwaljanzi soċjali, li dejjem jikbru, jew tal-migrazzjoni ta’ popli sħaħ; bħal dik tar-relattiviżmu teoriku kif ukoll dak prattiku. Għalhekk, hemm bżonn ta’ teoloġija li, bħalma hi tradizzjoni tal-Assoċjazzjoni Teoloġika Taljana, tkun magħmula minn Insara li ma jaħsbux li qed jitkellmu biss bejniethom, iżda jafu li huma qed jagħtu servizz lill-Knejjes differenti u lill-Knisja; u li jieħdu f’idejhom ix-xogħol li jaħsbu mill-ġdid x’inhi Knisja li tkun konformi mal-Evanġelju li qed ixxandar.

 

Huwa pjaċir għalija li nkun naf li ħafna drabi u b’modi differenti, anki reċentement, dan diġà għamiltuh: billi tkellimtu b’mod ċar dwar is-suġġett tax-xandir tal-Evanġelju u tal-forma Ecclesiæ, tas-sinodalità, tal-preżenza ekkleżjali fil-kuntest tal-lajċi u tad-demokrazija, tal-poter fil-Knisja. Nixtiqilkom għalhekk li r-riċerki tagħhom idakkru u jagħnu lill-poplu kollu ta’ Alla. U nixtieq inżid xi ħsibijiet li ġew f’moħħi xħin kont qed titkellem. Ma nitilfux il-kapaċità li nimmeraviljaw ruħna; nagħmlu t-teoloġija bil-meravilja. Il-meravilja li jwasslilna Kristu, il-laqgħa ma’ Kristu. Hija bħall-arja li fiha ndakkru r-riflessjonijiet tagħna. U nirrepeti wkoll ħaġa oħra li tkellimt dwarha: it-teologu huwa dak li jistudja, jaħseb, jirrifletti, iżda dan jagħmlu għarkupptejh. Nagħmu t-teoloġija għarkupptejna, bħall-Missirijiet il-kbar. Il-Missirijiet il-kbar li kienu jaħsbu, jitolbu, jaduraw, ifaħħru: it-teoloġija b’saħħitha, il-pedament tal-iżvilupp teoloġiku Kristjan kollu. Nixtieq ukoll nirrepeti t-tielet ħaġa li tkellimt dwarha hawnhekk, iżda rrid nirrepetiha għaliex hi importanti: it-teoloġija għandha ssir fil-Knisja, jiġifieri qalb il-poplu qaddis fidil ta’ Alla, li għandu – dan ngħidu bi kliem mhux mislut mit-teoloġija – li għandu “xamma” għall-fidi. Niftakar li darba, waqt il-qrar, kelli konverżazzjoni ma’ anzjana Portugiża li riedet tgħid li għamlet dnubiet li ma jeżistux, iżda tant kienet temmen! Jien għamiltilha xi mistoqsijiet u hi wieġbet tajjeb; u fl-aħħar kelli aptit nistaqsiha: “Imma, għidli ftit, sinjura: inti studjajt fl-Università Gregorjana?” Kienet veru mara sempliċi sempliċi, iżda kellha “x-xamma” għall-fidi, kellha s-sensus fidei, dak li fil-fidi ma jistax jiżbalja. Dan jitkellem dwaru l-Konċilju Vatikan II.

 

Minn qalbi nberikkom u, nitlobkom, tinsewx titolbu għalija.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona