Meqjuma Gran Rabbini ta’ Israel,

Ħuti,

 

Inħossni partikularment ferħan li stajt inkun magħkom il-lum: jien grat lejkom għal-laqgħa sabiħa li tajtuni u għall-kliem ħelu ta’ merħba.

 

Kif tafu, sa minn meta kont Arċisqof ta’ Buenos Aires, stajt inserraħ fuq il-ħbiberija ta’ bosta aħwa Lhud.  Il-lum hawnhekk preżenti hawn żewġ Rabbini ħbieb tiegħi.  Flimkien magħhom organizzajna inizjattivi ta’ laqgħa u djalogu li ħallew il-frott, u magħhom għext anki mumenti sinifikattivi ta’ kondiviżjoni fuq livell spiritwali.  Fl-ewwel xhur ta’ pontifikat stajt nilqa’ għandi għadd ta’ organizzazzjonijiet u esponenti tal-Ġudaiżmu dinji.  Kif kien diġà fi żmien il-predeċessuri tiegħi, dawn it-talbiet biex niltaqgħu kienu bosta.  Magħhom inżid tant inizjattivi li jittieħdu fuq skala nazzjonali jew lokali u dan kollu hu xhieda tax-xewqa reċikopra li nsiru nafu aħjar lil xulxin, li nisimgħu lil xulxin, li nibnu rabtiet ta’ fraternità awtentika.

 

Din il-mixja ta’ ħbiberija tirrappreżenta wieħed mill-frott tal-Konċilju Vatikan II, b’mod partikulari tad-Dikjarazzjoni Nostra ætate, li kellha piż kbir u li s-sena d-dieħla sa nfakkru l-ħamsin anniversarju tagħha.  Fir-realtà, jiena konvint li dak li seħħ fl-aħħar għexieren ta’ snin fir-relazzjoni bejn Lhud u Kattoliċi kien don awtentiku ta’ Alla, waħda mill-meravilji li għamel Hu, li għalihom aħna msejħin inbierku ismu: “Roddu ħajr lis-Sid tas-sidien, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu.  Hu waħdu għamel għeġubijiet kbar, għax għal dejjem it-tjieba tiegħu” (Salm 136:3-4).

 

Don ta’ Alla, li, imma, ma kien qatt jidher li ma kienx għall-impenn ta’ ħafna u ħafna persuni qalbiena u ġenerużi, kemm Lhud u kemm Insara.  Nixtieq b’mod partikulari nsemmi hawn l-importanza li kellu d-djalogu bejn il-Gran Rabbinat ta’ Israel u l-Kummissjoni tas-Santa Sede għar-Relazzjonijiet Reliġjużi mal-Ġudaiżmu.  Djalogu li, imnebbaħ miż-żjara tal-Papa qaddis Ġwanni Pawlu II fl-Art Imqaddsa, beda fl-2002 u issa wasal fit-tnax-il sena tiegħu.  Nieħu gost naħseb, b’riferiment għall-Bar Mitzvah tat-tradizzjoni Lhudija, li issa hu jinsab qrib l-età adulta: għandi fiduċja li jista’ jissokta jkollu futur imdawwal quddiemu.

 

Hawn m’aħniex nitkellmu fuq kif inwaqqfu relazzjonijiet ta’ rispett reċiproku fuq livell uman: aħna msejħin, bħala Nsara u bħala Lhud, nistaqsu b’mod profond dwar it-tifsira spiritwali tar-rabta li tgħaqqadna.  Din hi rabta li ġejja minn fuq, li hi ogħla mir-rieda tagħna u li tibqa’ sħiħa, minkejja d-diffikultajiet kollha ta’ relazzjonijiet li sfortunatament rajna fl-istorja.

 

Min-naħa Kattolika żgur li hemm il-fehma li nifhmu b’mod sħiħ l-għeruq Lhud tal-fidi tagħna.  Nittama, bl-għajnuna tagħkom, li anki min-naħa Lhudija jinżamm, u jekk possibbli jikber, l-interess fl-għarfien tal-Kristjaneżmu, anki f’din l-art imbierka li fiha hu jagħraf il-bidu tiegħu u speċjalment fost il-ġenerazzjonijiet żgħażagħ.

 

L-għarfien reċiproku tal-wirt spiritwali tagħna, l-apprezzament għal dak li għandna komuni bejnietna u anki r-rispett f’dak li jagħmilna differenti, jistgħu jkunu l-gwida tagħna għal żvilupp ikbar fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna fil-ġejjieni, li nafdaw f’idejn il-Mulej.  Flimkien nistgħu nagħtu kontribut kbir għall-kawża tal-paċi; flimkien nistgħu nagħtu xhieda, f’dinja li qed tinbidel b’mod mgħaġġel, tas-sinifikat dejjiemi tal-pjan divin tal-ħolqien; flimkien nistgħu neħduha bil-qawwa kollha kontra kull forma ta’ antisemitiżmu u d-diversi xejriet oħra ta’ diskriminazzjoni.  Il-Mulej jgħinna nimxu b’fiduċja u qalb qawwija fit-toroq tiegħu.  Shalom!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard