“Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (1 Kor 11:24,25).

 

Għal darbtejn l-Appostlu Pawlu, huwa u jikteb lill-komunità ta’ Korintu, ifakkar f’dan l-amar ta’ Ġesù fir-rakkont tat-twaqqif ta’ l-Ewkaristija. Hi l-eqdem xhieda ta’ kliem Kristu fl-Aħħar Ċena.

 

“Agħmlu dan”. Jiġifieri ħudu l-ħobż, roddu ħajr u aqsmuh; ħudu l-kalċi, roddu ħajr u agħtuh. Ġesù jordnalhom jirripetu l-ġest li bih hu waqqaf il-memorjal ta’ l-Għid tiegħu, li permezz tiegħu tana Ġismu u Demmu. U dan il-ġest wasal għandna: aħna “nagħmlu” l-Ewkaristija, li dejjem lil Ġesù għandha bħala suġġett tagħha, imma li titwettaq permezz ta’ l-idejn fqajra tagħna midluka mill-Ispirtu s-Santu.

 

“Agħmlu dan”. Diġà qabel Ġesù kien talab lid-dixxipli biex “jagħmlu”, dak li Hu diġà kellu ċar quddiem għajnejh, f’ubbidjenza għar-rieda tal-Missier. Dan għadna kemm smajnieh ftit ilu fil-Vanġelu. Quddiem il-ġmiegħi għajjenin u mġewħa, Ġesù jgħid hekk lid-dixxipli tiegħu: “Agħtuhom intom x’jieklu” (Lq 9:13). Fir-realtà, hu Ġesù li jbierek u jaqsam il-ħobż sa ma jxebba’ lil dawk in-nies kollha, imma l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet jiġu offruti mid-dixxipli, u Ġesù dan li ried: li, flok jibagħtu lill-folla d-dar, iqiegħdu għad-dispożizzjoni tagħha dak il-ftit li kellhom. U mbagħad hemm ġest ieħor: il-biċċiet tal-ħobż, maqsuma mill-idejn qaddisa u venerabbli tal-Mulej, jgħaddu fl-idejn fqajra tad-dixxipli, li jqassmuhom lin-nies. Anki dan ifisser li flimkien ma’ Ġesù “nagħmlu”, ifisser li flimkien miegħu “nagħtu x’jieklu” lill-oħrajn. Hu ċar li dan il-miraklu mhux biss irid jaqta’ l-ġuħ ta’ ġurnata, imma hu sinjal ta’ dak li Kristu jrid iwettaq għas-salvazzjoni tal-bnedmin kollha billi jagħtihom ġismu u demmu (ara Ġw 6:48-58). U mandakollu xorta waħda hemm bżonn ngħaddu dejjem minn dawk iż-żewġ ġesti ċkejkna: noffru l-ftit ħobżiet u ħutiet li għandna; nirċievu l-ħobż maqsum minn idejn Ġesù u nqassmuh lil kulħadd. Nagħmlu u anki naqsmu!

 

Naqsmu: din hi l-kelma l-oħra li tispjega s-sens ta’ l-“agħmlu dan b’tifkira tiegħi”. Ġesù ġie maqsum, jinqasam għalina. U jitlobna ningħataw, ninqasmu għall-oħrajn. Propju dan il-“qsim tal-ħobż” sar l-ikona, is-sinjal li minnu jintgħaraf Kristu u l-Insara. Biżżejjed niftakru f’Għemmaws: għarfuh “fil-qsim tal-ħobż” (Lq 24:35). Niftakru fl-ewwel komunità ta’ Ġerusalemm: “U kienu jżommu sħiħ […] fil-qsim tal-ħobż” (Atti 2:42). Hi l-Ewkaristija, li sa mill-bidu ssir iċ-ċentru u l-forma tal-ħajja tal-Knisja. Imma naħsbu wkoll fil-qaddisin kollha – famużi u anonimi – li “qasmu” lilhom infushom, ħajjithom stess, biex “jagħtu x’jieklu” lil ħuthom. Kemm ommijiet, kemm missirijiet, flimkien mal-ħobża ta’ kuljum, imqattgħa fuq il-mejda tad-dar, qasmu qalbhom biex rabbew lil uliedhom u rawhom jikbru tajjeb! Kemm Insara, bħala ċittadini responsabbli, qasmu ħajjithom biex jiddefendu d-dinjità ta’ kulħadd, speċjalment ta’ l-iktar foqra, imwarrba u diskriminati! Mnejn iġibuha s-saħħa biex jagħmlu dan kollu? Propju mill-Ewkaristija: fil-qawwa ta’ l-imħabba ta’ Kristu Rxoxt, li anki l-lum jaqsam il-ħobż għalina u jtenni: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi”.

 

Jalla anki l-ġest tal-purċissjoni Ewkaristika, li sa nagħmlu minn hawn u ftit ieħor, iwieġeb għal dan il-mandat ta’ Ġesù. Ġest b’tifkira tiegħu; ġest biex nagħtu tiekol lill-folla tal-lum; ġest biex naqsmu l-fidi tagħna u ħajjitna bħala sinjal ta’ l-imħabba ta’ Kristu għal din il-belt u għad-dinja kollha.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard