Ariel, anki jien kuntent li qiegħed hawn magħkom. Grazzi għall-kliem tiegħek ta’ merħba f’isem dawk kollha li qegħdin hawn. Tassew inħossni grat li nista’ naqsam dan il-ħin magħkom għax kif qed tgħidu (fuq il-poster li hemm hemmhekk) “Qomtu minn fuq is-sufan u lbistu ż-żraben”. Grazzi! Hu importanti ħafna għalija li niltaqgħu u nimxu flimkien; dan jgħinna nħarsu ‘l quddiem! U naħseb li għalikom hu importanti wkoll. Grazzi! 

Jien kuntent li din il-laqgħa qed issir hawn f’Maipú; f’din l-art fejn l-istorja taċ-Ċile bdiet b’ tgħanniqa ta’ aħwa; f’dan is-Santwarju li twaqqaf f’salib it-toroq bejn in-naħa ta’ fuq u t’isfel tal-pajjiż, li jgħaqqad is-silġ u l-baħar, u li huwa dar għas-sema u l-art; dar għaċ-Ċile, dar għalikom, għeżież żgħażagħ, fejn il-Madonna tal-Karmelu tistenniekom u tilqagħkom b’qalb miftuħa. Kif hi akkumpanjat it-twelid ta’ dan in-nazzjon u tant Ċileni matul dawn il-mitejn sena, hekk trid tkompli takkumpanja l-ħolm li Alla jpoġġi fi qlubkom: ħolm ta’ libertà, ħolm ta’ ferħ, ħolm ta’ ġejjieni aħjar; ix-xewqat, kif għidt int Ariel, li “tkunu protagonisti tal-bidla”. Tkunu protagonisti. Jalla l-Verġni tal-Karmelu tkun magħkom ħalli tkunu l-protagonisti għaċ-Ċile kif joħolmu qlubkom. Jien naf li l-qalb taż-żgħażagħ Ċileni toħlom, u toħlom bil-kbir, u dan mhux biss meta tkunu xrobtu xi ftit, le, imma toħolmu dejjem, għax minn dawn l-artijiet twieldu esperjenzi li nfirxu u żdiedu f’diversi pajjiżi tal-kontinent tagħkom. U min ta bidu għal dan? Żgħażagħ bħalkom li għarfu jgħixu l-avventura tal-fidi, għax il-fidi tqanqal fiż-żgħażagħ sentimenti ta’ avventura, li jwassluhom biex jagħmlu vjaġġi li bil-kemm jitwemmnu, li la huma faċli u lanqas trankwilli.... Iżda l-avventuri u l-isfidi lilkom jogħġbukom....barra lil dawk li għadhom ma tqanqlux minn fuq is-sufan. Intom li tafu sew x‘għandkom tagħmlu biex jintlibes iż-żarbun, araw li dawn ukoll iqumu minn fuq is-sufan malajr kemm jista’ jkun! Biex hekk inkunu nistgħu nkomplu........Wara kollox, intom tiddejqu bla sfidi li jċaqalqukom. Tara dan meta jkun hemm xi diżastru naturali: għandkom kapaċità kbira biex timmobiltaw ruħkom, xi ħaġa li tixhed il-ġenerożità kbira tagħkom. Grazzi!  

Bdejt billi semmejt lil art twelidkom, għax il-mixja tagħna ‘l quddiem, il-ħolm li rridu nwettqu b’ħarsitna dejjem lejn ix-xefaq, dan irridu nagħmluh billi nżommu saqajna fl-art, fuq art twelidna. Jekk ma tħobbux lil art twedikom, ma naħsibx li tistgħu tħobbu lil  Ġesù, li tistgħu tħobbu lil Alla. L-imħabba lejn art twelidna hi mħabba għal omm: omm li “tatna isimha”, għax aħna  twelidna f’din l-art. U bħal kull omm, hi stess tgħallimna nimxu, u aħna rridu nieħdu ħsiebha għax hi fdata f’idejna biex ngħadduha lill-ġenerazzjonijiet ta’ warajna. Għalhekk xtaqt nibda billi nsemmi l-omm, l-art twelidna. Jekk m’intomx patrijotti – mhux nazzjonalisti, patrijotti – ma tagħmlu xejn fil-ħajja. Għeżież żgħażagħ, jalla tħobbu lil pajjiżkom; ħobbuh liċ-Ċile  u agħtu l-aħjar li tistgħu għaċ-Ċile tagħkom.

Fil-ħidma tiegħi bħala isqof, stajt niskopri kemm hemm ideat tajbin fil-qlub u l-imħuħ taż-żgħażagħ. Veru li intom m’għandkomx kwiet, li dejjem tfittxu, li intom idealisti; iżda tafu l-problema ta’ min hi?  Tagħna l-adulti, għax meta nisimgħu bl-ideali u l-inkwiet tagħkom iż-żgħażagħ, b’wiċċ ta’ min jaħseb li jaf kollox, ngħidu: “Dawn jaħsbu hekk għax għadhom żgħar; għad iridu  jimmaturaw” jew agħar minn hekk: “għad iridu jikkorrompu ruħhom”.   Ikunu kontra l-entusjażmu u l-ħolm tagħkom, u wara l-kliem “għad iridu jimmaturaw”  ikun hemm moħbi fis-skiet “għad iridu jikkorrompu ruħhom”. Attenti għaliha din il-ħaġa! Timmatura jfisser tikber u jikber il-ħolm u jikbru l-aspirazzjonijiet u mhux titlef il-mira u tinxtara b’żewġ soldi; din mhijiex maturità. Mela, meta aħna l-adulti naħsbuha  b’dan il-mod, tisimgħux minna. Meta aħna l-kbar ngħidu “għad iridu jimmaturaw” biex bħallikieku nagħtukom doċċa kiesħa u tisktu, inkunu qed ninħbew wara l-idea li timmatura tfisser taċċetta l-inġustizzji, temmen li ma jista’ jsir xejn, li l-affarijiet minn dejjem  kienu hekk u allura: “Jekk dejjem kien hekk, għalfejn nibdluhom?” Din hi korruzzjoni. Il-vera maturità tfisser li taħdmu flimkien biex il-ħolm, l-aspirazzjonijiet tagħkom jitwettqu, tfisser li taqsmu l-ideat u tiddiskutuhom bejnietkom, iżda dejjem b’ħarsitkom ‘l quddiem, mingħajr ma titilfu l-mira jew tbigħu l-aspirazzjonijiet tagħkom. Ċar dan? (Iwieġbu: ‘Iva’)

Meta rrealizzajna kemm huma importanti ż-żgħażagħ u l-esperjenza tagħhom.... (Jieqaf għax xi ħadd  ħassu ħażin)... Nistennew ftit sakemm jieħdu ħsieb din oħtna li ħassa ħażin filwaqt li ngħidu talba żgħira għaliha ħalli jgħaddilha malajr...... Xtaqt ngħidilkom li din l-importanza  tagħkom iż-żgħażagħ wasslitni biex insejjaħ Sinodu dwar il-fidi u d-dixxerniment tagħkom; u ser ikun hemm ukoll il-Laqgħa għaż-żgħażagħ. Is-Sinodu nagħmluh aħna  l-isqfijiet biex nirriflettu dwar iż-żgħażagħ; imma jien nibża’ mill-“filtri”, tafux, għax xi drabi l-opinjonijiet tagħkom iż-żgħażagħ jaslu Ruma  wara li jkunu għaddew minn bosta bnadi u l-proposti li tagħmlu jkunu għaddew minn bosta “filtri”, mhux minħabba l-kumpanniji tal-ajru, imma minħabba dawk li jippreżentawhom. Jien nixtieq nisma’ lilkom iż-żgħażagħ u għalhekk hemm din il-Laqgħa għaż-żgħażagħ, li fiha intom tkunu l-protagonisti. Ser jattendu  żgħażagħ mid-dinja kollha, kattoliċi u mhumiex, żgħażagħ insara u  ta’ reliġjonijiet oħra, żgħażagħ li ma jafux jekk jemmnux jew le, biex nismagħhom, biex nisma’ lilkom direttament, għax importanti li intom titkellmu, li ma tħallux lil min isikkitkom.  Aħna rridu ngħinukom tkunu koerenti ma’ dak li tgħidu; dan hu li rridu nagħmlu biex ngħinukom; iżda jekk intom ma titkellmux, kif nistgħu ngħinukom? Tkellmu b’kuraġġ, għidu dak li taħsbu. Dan tkunu tistgħu tagħmluh fil-ġimgħa ta’ laqgħat li ser issir qabel Ħadd il-Palm, meta delegazzjonijiet ta’ żgħażagħ mid-dinja kollha jiġu Ruma biex jgħinuna, biex jgħinu lill-Knisja jkollha wiċċ żgħażugħ.

Dan l-aħħar, persuna qaltli: “Ma nafx jekk għandix nitkellem dwar Ommna l-Knisja Mqaddsa – kienet qed titkellem dwar post speċifiku – jew dwar in-Nanna Knisja Mqaddsa”.  Le, il-Knisja jrid ikollha wiċċ żagħżugħ, u intom tridu tgħinuna f’dan. Iżda, naturalment, irid ikun wiċċ żagħżugħ veru, mimli ħajja, mhux wiċċ midluk bil-make-up biex jidher żagħżugħ. Dan ma jiswiex; il-Knisja jrid ikollha wiċċ żagħżugħ għax fil-fond ta’ qalbha tkun lesta li tilqa’ l-mistoqsijiet. Dan hu li Ommna l-Knisja Mqaddsa għandha bżonn mingħandkom illum: li intom tagħmlulha l-mistoqsijiet. Imbagħad ħejju ruħkom għat-tweġiba; iżda hemm  bżonn li intom tagħmlulna l-mistoqsijiet; il-Knisja għandha bżonn li intom tikbru spiritwalment, u li jkollkom il-kuraġġ tgħidulna: “Dan jogħġobni; naħseb li din hi t-triq li rridu ngħaddu minnha; dan mhux tajjeb; dan mhux pont imma ħajt” u l-bqija. Għidulna dak li tħossu, dak li taħsbu; elaboraw dan bejnietkom fil-gruppi ta’ din il-laqgħa u mbagħad dan imur fis-Sinodu, fejn żgur li ser ikun hemm rappreżentanza tagħkom. Għalhekk ħejju ruħkom għal din il-laqgħa u agħtu l-ideat; għidu dak kollu li qed tistennew u dak kollu li tħossu f’qalbkom lil dawk li ser jkunu preżenti. Kemm għandha bżonnkom il-Knisja, u l-Knisja fiċ-Ċile,  biex “iċċaqalquna” u tgħinuna nkunu aktar qrib ta’ Ġesù! Dan hu li nitolbukom: ċaqalquna jekk m’aħniex niċċaqalqu, għinuna nkunu aktar qrib ta’ Ġesù. Il-mistoqsijiet tagħkom, il-fatt li tixtiequ tkunu tafu, li tridu tkunu ġenerużi, jitlob minna li nkunu aktar qrib ta’ Ġesù.  Jekk attività, pjan pastorali, jekk din il-laqgħa ma jgħinuniex inkunu aktar qrib ta’ Ġesù, allura nkunu ħlejna l-ħin, ħlejna nofstanhar u s-siegħat li għamilna biex nippreparaw. Għinuna nkunu qrib ta’ Ġesù, u ejjew nitolbu lil min jista’ jmexxina minn idejna. Ejjew inħarsu lejn Ommna (iħares lejn l-istatwa tal-Madonna), li kienet l-ewwel dixxiplu, u kull wieħed minna f’qalbu u bi kliemu jgħidilha tgħinna nkunu qrib ta’ Ġesù. Nagħmlu dan personalment b’qalbna kollha. 

Ippermettuli nirrakkuntalkom xi ħaġa. Darba kont qed nitkellem ma’ żagħżugħ u staqsejtu x’inhu dak li jdejqu; għidtlu: “X’iwasslek għal burdata ħażina?” – konna qed nitkellmu f’kuntest li stajt nagħmilha din il-mistoqsija. Qalli: “Meta l-mobile jispiċċa bla batterija jew meta nitlef is-sinjal tal-internet”.  U staqsejtu: “Għaliex?”. Weġibni: “Father, sempliċi ħafna: inkun qed nitlef dak kollu li jkun qed jiġri, inkun maqtugħ mid-dinja.  Allura mmur niġri infittex charger jew infittex wifi u password biex nerġa’ nkun f’kuntatt”.

Din it-tweġiba għallmitni u wasslitni biex naħseb li din l-istess ħaġa tista’ tiġri fil-fidi tagħna. Aħna lkoll entużjasti, il-fidi tiġġedded – b’irtir, priedka, laqgħa, żjara tal-Papa – il-fidi tikber. Iżda wara li nkunu ilna xi ftit f’din il-mixja, jiġu mumenti meta mingħajr ma nindunaw nibdew inbattu u bil-mod il-mod nibdew nitilfu l-entusjażmu, ix-xewqa li nkunu qrib Ġesù.  Niġu bla batterija u nitilfu l-kuntatt u allura nibdew inħossuna f’burdata ħażina, sfiduċjati, imdejqa, bla forza u nibdew naraw kollox negattiv. Meta nkunu bla  dak “il-kuntatt” li jagħti l-ħajja lill-ħolm tagħna, il-qalb tibda’ tiddgħajjef, u tispiċċa l-ħeġġa. Kif tgħid dik is-song: “Il-ħsejjes ta’ madwarna u s-solitudni tal-belt jaqtgħuna minn kollox. Id-dinja  tinqaleb, tfittex li tgħaddasni fiha u tgħarraq l-ideat tiegħi”. (1) Qatt ġralkom hekk? Kull wieħed iwieġeb f’qalbu... ma rridx nimbarazza lil min ma ġralux hekk. Lili ġrali.

Mingħajr kuntatt, mingħajr kuntatt ma’ Ġesù, nispiċċaw biex ngħarrqu l-ideat tagħna, il-ħolm tagħna, il-fidi tagħna u allura niffrustaw ruħna u niddejqu. Minn protagonisti – li aħna u rridu nkunu – naslu biex naħsbu li tagħmel xi ħaġa jew ma tagħmilhiex hu l-istess. “Għalfejn taħli ż-żmien?” – jgħid iż-żagħżugħ pessimist – “ixxala, toqgħodx tħabbel rasek, nafu kif  jispiċċaw dawn l-affarijiet; id-dinja ma tinbidilx, ħu l-affarijiet kif jiġu  u ibqa’ miexi....”. U nibdew inħossuna maqtugħa mir-realtà u minn dak li jkun qed jiġri fid-dinja.  Nibqgħu “’l barra mid-dinja”; nibqa’ magħluq fid-dinja żgħira tiegħi, trankwill bilqiegħa fuq is-sufan.... .

Ninkwieta meta nara, li ħafna minn dawk li jitilfu “l-kuntatt” jibdew jaħsbu li m’għandhom xejn x’jagħtu u jħossuhom mitlufin. Int għandek x’tagħti! Kulħadd għandu xi ħaġa x’jagħti.  “Le, hawn diżastru....; infittex li nistudja, li jkolli diploma, li niżżewweġ  u daqshekk; ma rridx problemi, intant kollox jispiċċa ħażin....” - dan hu li jiġri meta titlef il-kuntatt. Qatt m’għandek taħseb li m’għandek xejn x’tagħti  jew li m’għandek bżonn ħadd.  Kun af li ħafna nies għandhom bżonnok. Kull wieħed jgħid  f’qalbu: ħafna nies għandhom bżonni. Il-ħsieb: “Ħadd m’għandu bżonni” hu “parir tax-xitan”, kif kien iħobb jgħid Hurtado. Ix-xitan irid iwasslek  temmen li int ma tiswa għalxejn.... biex l-affarijiet jibqgħu kif inhuma. Iridek taħseb li ma tiswa għalxejn biex ma jinbidel xejn, għax l-uniku wieħed li jista’ jġib bidla fis-soċjetà huwa ż-żagħżugħ, kull wieħed minnkom. Aħna ġa ninsabu fuq “in-naħa l-oħra”... (żagħżugħ ieħor iħossu ħażin). Grazzi, għax il-ħass ħażin ta’ dawn iż-żgħażagħ juri dak li qed iħossu ħafna minnkom... Kemm ilkom hawn, għiduli? (xi wħud iwieġbu). Grazzi!

 Kont qed ngħid li  aħna lkoll importanti u lkoll għandna xi ħaġa x’nagħtu... Nagħmlu mument ta’ skiet u kull wieħed minnkom jistaqsu lilu nnifsu bis-serjetà: “X’għandi x’nagħti jien fil-ħajja?” Ikun hemm minnkom min jgħid: “Ma nafx”.  Ma tafx x’tista’ toffri?  Dak li tista’ toffri jinsab fik u int ma tindunax bih. Ipprova sib dak li għandek biex tkun tista’ tagħtih. Id-dinja għandha bżonnok, pajjiżek għandu bżonnok, is-soċjetà għandha bżonnok, int għandek x’tagħti; titlifx il-kuntatt.

Iż-żgħażagħ tal-Evanġelju li smajna llum rieduh dak il-“kuntatt’; bdew ifittxu dak li jgħinhom iżommu n-nar jaqbad fi qlubhom. Dawk iż-żgħażagħ li kienu ma’ Ġwanni l-Battista, riedu jafu kif ser iżommu l-batterija ta’ qlubhom iċċarġjata. Indri u d-dixxiplu l-ieħor - li l-Evanġelju ma jgħidilniex min kien u allura nistgħu ngħidu li dak id-dixxiplu jista’ jkun kull wieħed minna – kienu qed ifittxu l-password biex jagħmlu kuntatt ma’ Dak li hu “it-Triq, is-Sewwa u l-Ħajja” (Ġw 14, 6). Ġwanni l-Battista wriehom it-triq. U naħseb li intom għandkom qaddis kbir li jista’ jggwidakom, qaddis li kien ikanta b’ħajtu: “Jien kuntent, Mulej, jien kuntent”. Hurtado kellu regola tad-deheb, regola li biha kien ikebbes il-qlub b’dak in-nar li jżomm ħaj il-ferħ. Ġesù hu dak in-nar li kull min jersaq lejh jitkebbes.

Il-password ta’ Hurtado biex jinżamm il-kuntatt kienet sempliċi ħafna...Tgħid ma ġibtuhx magħkom il-mobile ....ħa naraw! Nixtieq li żżommu din il-password fuq il-mobile tagħkom. Ħa ngħidilkom x’kienet: Hurtado kien jistaqsi lilu nnifsu – u din kienet il-password tiegħu – “X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki?”. Min irid jista’ jniżżilha fuq il-mobile tiegħu: “X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki?”. X’kien jagħmel Kristu minfloki fl-iskola, l-università, fit-triq, id-dar, mal-ħbieb, fuq ix-xogħol, meta xi ħadd iniggiżni: “X’kien jagħmel Kristu lil kieku kien minfloki?” Meta tmorru tiżfnu, fl-isport jew meta tmorru l-grawnd: “X’kien jagħmel Kristu lil kieku kien minfloki?” Din hi l-password. Din hi l-batterija li tixgħel qlubna, il-fidi tagħna, għajnejna.  Jalla ma tisparixxix. Dan ifisser inkunu protagonisti fl-istorja. Għajnejna jleqqu għax skoprejna li Ġesù hu l-għajn tal-ħajja u tal-ferħ. Protagonisti tal-istorja, għax nixtiequ ngħaddu dan in-nar li tant qlub kiesħa u mitfija, li nsew xi tfisser tama; lil ħafna li huma bierda u qed jistennew li xi ħadd jqanqalhom għal xi ħaġa li tiswa tassew. Inkunu protagonisti jfisser  li nagħmlu dak li għamel Ġesu’. Hemm fejn tkun qiegħed, ma’ min issib ruħek, f’kull ħin: “X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki?” Tiftakruha l-password? (Iwieġbu ‘iva’). L-uniku mod biex ma tinsewhiex  hu li tużawha, inkella tafu x’jiġrilna – naturalment aktar għal dawk tal-eta’  tiegħi, mhux tagħkom, imma ngħidilkom biex tkunu tafu – jiġri kif  ġralhom dawk it-tlieta bla moħħ f’dak il-film: dawn marru biex jagħmlu serqa, studjaw sew dak kollu li riedu jagħmlu, is-sejf u l-affarijiet l-oħra....meta waslu hemm sabu li kienu nsew il-combination biex jiftħu s-sejf, insew iċ-ċavetta.   Jekk ma tużawx il-password tinsewha. Ftakruha f’qalbkom! X’inhi l-password? (Iwieġbu:”X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki?”)..... Mhux qed nismagħha sew bl-Ispanjol....X’inhi?  (Jirrepetuha). Din hi l-password. Irrepetuha, imma użawha! X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki? Użawha kuljum! Jasal il-waqt meta ssiru tafuha bl-amment; u tasal il-ġurnata, meta bla ma tindunaw, il-qalb tagħkom tibda tħabbat bħall-qalb ta’ Ġesù.

It-tagħlim reliġjuż jew tad-duttrina mhux biżżejjed; dak li rridu nagħmlu hu li ngħixu kif għex Ġesù. X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki. Ġesù jrid isir ħajti. Kien għalhekk li kif smajna ftit ilu dawk iż-żgħżagħ tal-Evanġelju staqsewh:“Fejn toqgħod, Mgħallem?”(2) Kif tgħix? Jien nistaqsi dan lil Ġesù? Irridu ngħixu bħal Ġesù u dan hu li jċaqlaq qlubna.Iċaqlaq qlubna u jwassalna biex nirriskjaw! Iwassalna biex nieħdu r-riskju. Għeżież ħbieb, kunu kuraġġużi, morru ltaqgħu ma’ ħbiebkom, ma’ dawk li ma tafuhomx, jew dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli. U morru bil-wegħda waħdanija li għandna: inkunu fejn inkunu: fid-deżert, fit-triq, fl-avventura, dejjem ser ikollna “l-kuntatt”, dejjem ser ikun hemm “iċ-charger”. Ma nkunux waħidna. Dejjem ser ingawdu l-kumpannija ta’ Ġesù, ta’ Ommu u ta’ komunità. Żgur li komunità mhix perfetta, imma dan ma jfissirx li m’għandhiex ħafna  xi tħobb u x’toffri lill-oħrajn. X’kienet il-password? (Iwieġbu: X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki?). Tajjeb, għadkom tiftakruha.

Għeżież ħbieb, għeżież żgħażagħ,”Nitlobkom: kunu intom is-Samaritani żgħażagħ li ma tħallu lil ħadd mitluq fl-art. Mistoqsija oħra f’qalbkom: Ħallejt xi darbi lil xi ħadd mitluq fl-art? lil xi ħadd jiġi minni, lil xi ħabib jew ħabiba.....? Kunu Sammaritani, qatt tħallu lil ħadd mitluq fl-art. Kunu żgħażagħ Ċirinej li tgħinu lil Kristu jerfa’ s-salib u taqsmu t-tbatija tal-oħrajn. Kunu bħal Żakkew li bidel l-ispiritwalità nana  tiegħu f’kobor u ħalla lil Ġesù jibdillu l-qalb materjalista tiegħu f’qalb solidali. Kunu bħaż-żagħżugħa Maddalena, li tant fittxet l-imħabba u f’Ġesù sabet it-tweġiba  li kellha bżonn. Jalla jkollkom il-qalb ta’ Pietru biex tħallu x-xbieki tagħkom fuq ix-xatt. Jalla jkollkom l-imħabba ta’ Ġwanni, biex tpoġġu l-imħabbiet tagħkom kollha f’Ġesù. Jalla jkollkom id-disponibbiltà ta’ Ommna, l-ewwel dixxiplu, biex tkantaw bil-ferħ u tagħmlu r-rieda t’Alla”.(3) 

Għeżież ħbieb, nixtieq nibqa’ aktar magħkom. Dawk li għandhom il-mobile, iżommuh f’idejhom: dan huwa sinjal biex ma ninsewx il-password. X’inhi l-password? (Iwieġbu: X’kien jagħmel Kristu kieku kien minfloki?”). Hekk dejjem ikollkom il-kuntatt  u  tibqux mingħajru. Nixtieq nibqa’ aktar magħkom. Grazzi ta’ din il-laqgħa u tal-ferħ tagħkom. Grazzi! U nitlobkom, jekk jogħġobkom, tinsewnix fit-talb tagħkom.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard

 

 

[1] La Ley, Aquí.

[2] Gv 1,38.

[3] Card. Raúl Silva Henríquez, Mensaje a los jóvenes (7 ottobre 1979).