Sur Gran Kanċillier, Kardinal Ricardo Ezzati,
Ħuti fl-Episkopat,
Sur Rettur, Dr Ignacio Sánchez,
distinti awtoritajiet universitarji,
għeżież professuri, uffiċjali,
ħaddiema tal-Università,
għeżież studenti!

 

Jien kuntent li ninsab magħkom f’din id-dar ta’ studju, li matul il-kważi 130 sena ta’ ħajja, tat servizz li ma jitqiesx lill-pajjiż.  Nirringrazzja lis-Sur Rettur għall-kliem ta’ merħba f’isimkom ilkoll.  U, minbarra hekk, nirringrazzja lilek, Sur Rettur, għall-ġid li tagħmel bl-istil “sapjenzjali” tiegħek fit-tmexxija tal-Università u għal kemm tiddefendi bil-kuraġġ l-identità tal-univeristà Kattolika.  Grazzi!

L-istorja ta’ din l-università, f’ċertu sens, tintiseġ mal-istorja taċ-Ċili.  Eluf ta’ rġiel u nisa li ffurmaw ruħhom hawnhekk qdew rwoli importanti fl-iżvilupp tal-patrija.  Irrid infakkar b’mod partikolari lil San Alberto Hurtado, f’dis-sena li timmarka ċ-ċentinarju minn mindu hu beda l-istudji tiegħu hawnhekk.  Il-ħajja ssir xhieda ta’ kif l-inteliġenza, l-eċċellenza akkademika u l-professjonalità fl-operat, f’armonija mal-fidi, mal-ġustizzja u mal-karità, aktar milli jnaqqsu, fil-fatt jiksbu qawwa li hi profezija, bil-ħila li twessa’ l-ixqfa u ddawwal it-triq, speċjalment għal min hu mogħti l-ġenb mis-soċjetà, aktar u aktar illum, meta tiddomina dil-kultura tal-iskart.

Dwar dan, nixtieq nikkwota kliemek, Sur Rettur, meta għidt: “Għandna sfidi importanti għall-patrija tagħna li huma marbutin mal-konvivenza nazzjonali u mal-ħila li nikbru bħala komunità.


 

 

1. Konvivenza nazzjonali

Nitkellmu dwar sfidi u nammettu li jeżistu sitwazzjonijiet li waslu f’punt li jeħtieġ ikunu riveduti.  Dak li sal-biereaħ kien jidher li seta kien fattur ta’ għaqda u rabta, illum jeħtieġ tweġibiet ġodda.  Ir-ritmu bla nifs u t-tnedija ta’ xi proċessi u tibdil li qed jiddettaw l-istil tal-ħajja tas-soċjetajiet tagħna jistednuna biex bis-serenità, imma minnufih, nagħmlu riflessjoni li ma tkunx inġenwa, idealista żżejjed u anqas u anqas mibnija biss fuq il-volontarjat.  Li ma jfissirx li għandna rrażżnu l-iżvilupp tal-għarfien, imma li nagħmlu l-università spazju privileġġjat  “biex fih titħaddem il-grammatika tad-djalogu li jsawwar il-laqgħa” (1).  Għaliex “il-veru għerf huwa frott tar-riflessjoni, tad-djalogu u tad-djalogu tal-laqgħa ġeneruża bejn il-persuni” (2).

il-konvivenza nazzjonali hi possibbli – fost l-oħrajn – fil-qies li bih aħna nagħtu ħajja lill-proċessi edukattivi li jittrasformaw, inklussivi u (li jiffavorixxu) l-konvivenza.  L-edukazzjoni għall-konvivenza ma tfissirx biss li nżidu l-valur lill-ħidma edukattiva, imma li tkun iġġenerata dinamika ta’ konvivenza fis-sistema edulattiva nfisha.  Mhix tant kwistjoni ta’ kontenut, imma li ngħallmu kif naħsbu u nirraġunaw b’mod integrattiv.  Dak li l-klassiċi kienu jsejħulu forma mentis.

U biex nilħqu dan l-għan jeħtieġ niżviluppaw alfabetiżżazzjoni integrali, li tagħraf taddatta l-proċessi ta’ trasformazzjoni li jseħħu fi ħdan is-soċjetà.

Dal-proċess ta’ alfabetiżżazzjoni jitlob fl-istess ħin ħidma għall-integrazzjoni tad-diversi lingwi li jsawruna bħala persuni, jew aħjar, edukazzjoni (alfabetiżżazzjoni) li tintegra u tarmoniżża l-intellett, l-affetti u l-azzjoni, jew aħjar il-moħħ, il-qalb u l-idejn.  Dan joffri lill-istudenti, u jippermettilhom, jikbru b’manjiera armonika mhux biss fuq livell personali, imma fl-istess waqt, fuq livell soċjali wkoll.  Huwa urġenti li jinħolqu spazji li fihom il-frammentazzjoni ma tkunx l-iskema dominanti, lanqas tal-ħsieb; għaldqastant hu meħtieġ ngħallmu kif wieħed jaseb dwar dak li jħoss li hu u li jagħmel; biex iħoss dak li hu u li jagħmel; biex iwettaq dak li jħoss li hu u li jagħmel.  Dinamiżmu li jnissel ħila għas-servizz tal-persuna u tas-soċjetà.

L-alfabetiżżazzjoni mibnija fuq l-integrazzjoni tal-lingwaġġi differenti li jiffurmawna, tiġbed lejha lill-istudenti fil-proċess edukattiv tagħhom, proċess quddiem l-isfidi li se jippreżentalhom il-futur mhux bogħod.  “Id-divorzju” bejn l-għarfien u l-lingwaġġi, l-analfabetiżmu dwar kif nintegraw id-dimensjonijiet differenti tal-ħajja, ma jġib xejn aktar ħlief frammentazzjoni u tkissir soċjali.

F’dis-soċjetà mgħaxxa(3) u superfiċjali(4), kif iddeskrivewha xi ħassieba, qed jgħibu l-punti ta’ riferiment, ibda minn dawk li meta l-persuni jħarsu lejhom  ikunu jistgħu jinbnew individwalment u soċjalment.  Illum donnu jidher li “s-sħab” hu l-post il-ġdid tal-laqgħa, ikkaratteriżżat min-nuqqas ta’ stabbiltà għax kollox isir duħħan u b’hekk jiltef il-konsistenza.

U dan-nuqqas ta’ konsistenza jista jkun waħda mir-raġunijiet għala tlifna l-għarfien tal-ispazju pubbliku.  Spazju li jitlob minimu ta’ traxxendenza dwar l-interessi privati (ħajja itwal u aħjar), biex nibnu fuq sisien li jiżvelaw dik id-dimensjoni importanti tal-ħajja tagħna li hi “aħna”.  Mingħajr dik il-konsapevolezza, imma fuq kollox mingħajr dak is-sentiment, u għalhekk mingħajr dik l-esperjenza huwa, u se jkun aktar diffiċli, jinbena nazzjon, u għalhekk donnu jidher li hu importanti u validu dak biss li jolqot lill-individwu, filwaqt li dak kollu li jibqa’ ‘l barra minn dil-għalqa jitqies li “għadda żmienu”.  Kultura bħal din tkun tilfet il-memorja, tilfet ir-rabtiet li jsostnu u jagħmlu l-ħajja possibbli.  Mingħajr l-”aħna” tal-poplu, tal-familja, tan-nazzjon, u fl-istess waqt mingħajr l-”aħna” tal-futur, tat-tfal u ta’ għada; mingħajr l-”aħna” ta’ belt li tiżboq “lili” u tittraxxendi l-għana tal-interessi individwali, il-ħajja, mhux biss tkun dejjem aktar frammentata iżda wkoll aktar konflittwali u vjolenta.

F’das-sens, l-università, tgħix l-isfida li tiġġenera, fl-ambitu tagħha stess, id-dinamiċi l-ġodda li jegħlbu kull frammentazzjoni tal-għerf u jistimulaw universitas awtentika.

 

2. Progress bħala komunità

Minn hawn joħroġ it-tieni element importanti ħafna għal din id-dar tal-istudju: il-ħila li tagħmel progress bħala komunità.

Ħadt pjaċir insir naf bl-isforzi għall-evanġeliżżazzjoni u bil-vitalità ferrieħa tal-pastorali universitarja tagħkom, sinjal ta’ Knisja żgħażugħa, ħajja u “li toħroġ”.  Il-missjonijiet li intom twettqu kull sena f’diversi nħawi tal-pajjiż huma punt qawwi li jagħnikom ħafna.  F’dawn l-okkażjonijiet, intom jirnexxielkom twessgħu x-xefaq ta’ ħarsitkom u tidħlu f’kuntatt mas-sitwazzjonijiet varji, li lil hinn mill-avveniment speċifiku, jagħmilkom aktar ħawtiela.  Infatti l-missjunarju – fis-sens etimoloġiku tal-kelma – qatt ma jerġa’ lura mill-missjoni l-istess bħal meta mar; iħoss li għadda Alla fil-laqgħa ma’ tant uċuħ li ma kienx jafhom, li ma kienx familjari magħhom jew inkella li kienu bogħod minnu.

Dawn l-esperjenzi ma jistgħux jibqgħu maqtugħin mill-itinerarju universitarju.  Il-metodi tar-riċerka klassiċi fihom ċerti limiti, aktar u aktar meta fin-nofs hemm kultura bħal tagħna li tistimula l-parteċipazzjoni diretta u minnufih tas-suġġett.  Il-kultura attwali titlob minna għamliet ġodda bil-ħila li jinkludu lill-atturi kollha li jagħtu ħajja lir-realtà soċjali, u allura dik edukattiva.  Minn hawn toħroġ l-importanza li nwessgħu l-kunċett tal-komunità edukattiva.

Il-komunità trid tiffaċċja l-isfida li ma tibqax maqtugħa mill-għamliet (ġodda) tal-għarfien; kif ukoll li ma tibnix għarfien maqtugħ minn min suppost għandu jibbenefika minnu.  Meħtieġ illi l-kisba tal-għarfien ikollha ħila tiġġenera interazzjoni bejn l-awla u l-għerf tal-popli li jiffurmaw din l-art imbierka.  Għerf miżgħud bl-intuwizzjonijiet, “bix-xamm”, li ma jistawx ikunu injorati meta wieħed jaħseb fiċ-Ċili.  B’hekk tinħoloq dik is-sinerġija li tgħani bil-bosta, bejn il-preċiżjoni xjentifika u l-intwizzjoni popolari.  In-nisġa sfiqa u reċiproka ma tippermettix li jkun hemm divorzju bejn ir-raġuni u l-azzjoni, bejn il-ħsieb u l-ħass, bejn l-għarfien u l-għejxien, bejn il-professjoni u s-servizz.  L-għarfien għandu dejjem iħoss lilu nnifsu bħala servizz lill-ħajja u għandu jikkonfronta ruħu magħha biex ikun jista’ jibqa’ jagħmel progress.  Bħala konsegwenza, il-komunità edukattiva ma tistax tillimita ruħha biss għall-awli u l-biblikoteki, imma għandha dejjem tmil lejn il-parteċipazzjoni.  Djalogu bħal dan jista’ jsir biss minn episteme li jkollha ħila tassumi loġika pluralistika, jiġifieri dik li tagħmel tagħha l-inter-dixxiplinarjetà u l-inter-dipendenza tal-għerf.  F’das-sens, huwa indispensabbli li tingħata attenzjoni speċjali lill-komunitajiet aboriġini bit-tradizzjonijiet kulturali tagħhom u ma jitqiesux sempliċiment minoranza fost oħrajn, imma pjuttost, dawn għandhom isiru l-interlokuturi prinċipali, l-aktar fil mument li fih għaddejjin proġetti kbar li jolqtu l-ispazji tagħhom (5).

il-komunità edukattiva għandha fiha nfisha għadd bla qjies ta’ possibiltajiet u potenzjali meta tħalli lill-atturi kollha li jiffurmaw ir-realtà edukattiva, jgħanuha u jinterpellawha.  Dan jitlob sforz akbar f’termini ta’ kwalità u integrazzjoni. Infatti, is-servizz universitarju għandu dejjem jimmira li jkun ta’ kwalità u ta’ eċċellenza mqegħedin għas-servizz tal-konvivenza nazzjonali.  Nistgħu nigħdu li l-università ssir laboratorju għall-futur tal-pajjiż, għax tagħraf tassorbi fiha l-ħajja u l-mixja tal-poplu billi tegħleb kull loġika ta’ antagoniżmu u elitiżmu tal-għerf.

Tradizzjoni mistika antika tirrakkonta li l-oriġini tal-ħażen jinsab fil-qasma li l-essri uman ġab b’idejh meta kiel mis-siġra tal-għerf u tal-ħażen.  B’hekk, l-għarfien kiseb primat fuq il-Ħolqien, u ssottomettih għall-iskemi u x-xewqat personali (6).  Tista’ tkun it-tentazzjoni moħbija f’kull ambitu akkademiku, dik li l-Ħolqien tirriduċih għal xi skemi interpretattivi u tneżżgħu mill-Misteru intrinsiku tiegħu li mbotta ġenerazzjonijiet sħaħ biex ifittxu dak li hu ġust, tajjeb, sabiħ u veru.  U meta l-professur, minħabba l-għerf li għandu, jsir “mgħallem”, allura jikseb il-ħila li jqajjem mill-ġdid il-ħila fl-istudenti tagħna, li jistgħaġbu.  Stagħġib quddiem dinja u univers li rridu niskopruhom!

Illum, il-missjoni li ġiet afdata lilkom hija waħda profetika.  Intom imsejħin sabiex tiġġeneraw proċessi li jdawlu l-kultura attwali billi jipproponu umaneżmu mġedded li jevita li jaqa f’kull tip ta’ riduzzjoniżmu hu ta’ liema kwalità hu.  U dil-profezija li qed tintalab lilna timbuttana biex infittxu spazji dejjem ġodda ta’ djalogu, aktar milli ta’ konfront; spazji ta’ laqgħa aktar milli ta’ firda; toroq ta’ nuqqas ta’ qbil fil-ħbiberija, għax jagħmluna differenti bir-rispett lejn il-persuni li mexjin biex bil-lealtà jfittxu li jimxu ‘l quddiem f’komunità lejn konvivenza nazzjonali mġedda.

U jekk titolbuh, m’għandi ebda dubju li l-Ispirtu s-Santu jmexxi l-passi tagħkom sabiex din id-Dar tkompli tagħti l-frott għall-ġid tal-poplu taċ-Ċili u għall-glorja t’Alla.

Nirringrazzjakom mill-ġdid għal dil-laqgħa, u nitlobkom biex, jekk jogħġobkom, ma tinsewx titolbu għalija.

 

[1] Disckors fil-laqgħa plenarja tal-Kongregazzjoni għall-Edukazzjoni Kattolika

[2] Enċiklika Laudato si’, 47.

[3] Cfr Zygmunt Bauman, Modernidad líquida, 1999.

[4] Cfr Gilles Lipovetsky, De la ligereza, 2016.

[5] Enċiklika Laudato si’, 146.

[6] Cfr Gershom Scholem, La mystique juive, Paris 1985, 86.

 

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber