Għeżież ħuti, il-lejla t-tajba,

Kuntent li ser naqsam magħkom din il-laqgħa. Għoġobni l-mod kif il-Kardinal Ezzati ppreżentakom: “Hawn huma l-irġiel u nisa kkonsagrati, il-presbiteri, id-djakni u s-seminaristi...” . Hawn huma. Dan fakkarni fil-ġurnata tal-ordinazzjoni jew konsagrazzjoni tagħna, meta wara l-preżentazzjoni għidna: “Hawn jien, Mulej, biex nagħmel ir-rieda tiegħek”. F’din il-laqgħa nixtiequ ngħidu lill-Mulej: “Hawn aħna”, biex inġeddu “l-iva” tagħna. Inġeddu flimkien it-tweġiba għal dik is-sejħa li jum wieħed ċaqalqet il-qalb tagħna.

Nemmen li biex nagħmlu dan tista’ tgħinna s-silta tal-Evanġelju li smajna, u naqsmu flimkien tliet waqtiet fil-ħajja ta’ Pietru u l-ewwel komunità: Pietru u l-komunità’ b’qalb maqtugħa, Pietru u l-komunità li rċevew il-maħfra, u Pietru u l-komunità li fihom seħħet bidla. Qed nuża dawn iż-żewġ kelmiet flimkien - Pietru u komunità - għax l-esperjenza tal-appostli dejjem kellha dan l-aspett doppju, dak personali u dak komunitarju. Dawn iż-żewġ affarijiet imorru flimkien u ma nistgħux nifirduhom. Iva, aħna msejħin individwalment, imma biex nagħmlu parti minn grupp aktar kbir. Ma jeżistix “selfie vokazzjonali”. Il-vokazzjoni titlob li r-ritratt tiegħek jieħdu ħaddieħor: x’nistgħu nagħmlu? L-affarijiet hekk huma.

1. Pietru b’qalbu maqtugħa u l-komunità b’qalbha maqtugħa

L-istil tal-Evanġelju minn dejjem għoġobni; la jżejjen il-ġrajjiet, la jagħmilhom aktar ħelwin, u lanqas ipinġihom sbieħ. Jippreżentalna l-ħajja kif inhi u mhux kif għandha tkun. L-Evanġelju ma jibżax jurina l-waqtiet diffiċli, u jurina saħansitra l-waqtiet ta’ kunflitt li għaddew minnhom id-dixxipli.

Ejjew nikkomponu x-xena. Kienu qatlu lil Ġesù; xi nisa qalu li kien ħaj (ara Lq 24, 22-24). Anki jekk dawn kienu raw lil Ġesù li qam mill-mewt, iżda din il-ġrajja tant kienet qawwija li d-dixxipli riedu ż-żmien biex jifhmu x’kien ġara. Luqa jgħid: “Il-ferħ kien tant kbir li bil-kemm stajna nemmnu”. Kellhom bżonn taż-żmien biex jifhmu dak li kien ġara. Fehmu f’Pentekoste, meta l-Ispirtu s-Santu niżel fuqhom. L-azzjoni qawwija tal-Irxoxt ħadet iż-żmien biex niżlet fil-qalb ta’ dawk li kienu tiegħu.

Id-dixxipli marru lura fejn kienu jgħammru. Marru biex iwettqu dak li kienu jafu jagħmlu: jistadu. Ma kinux ilkoll; kien hemm biss xi wħud minnhom. Kienu mifrudin?  Ma nafux. L-Iskrittura tgħidilna li dawk li kienu hemm u marru jistadu, ma  qabdu xejn. Ix-xbieki tagħhom baqgħu vojta.

Iżda kien hemm vojt ieħor li inkonxjament kien qed itaqqalhom: kienu mifxulin u mdejqin minħabba l-mewt tal-Imgħallem tagħhom. Ma kienx magħhom; kienu sallbuh. U mhux lilu biss sallbu, iżda lilhom ukoll, għax il-mewt ta’ Ġesù ġabet bosta kunflitti fil-qalb ta’ ħbiebu. Pietru ċaħdu, Ġuda ttradih, l-oħrajn ħarbu jew marru jistaħbew. Kien baqa’ biss ftit nisa u d-dixxiplu l-maħbub. Il-bqija telqu. Kwistjoni ta’ ftit ġranet u ġġarraf kollox. Huma waqtiet fil-ħajja tad-dixxiplu meta jħossu mifxul u mdejjaq. “Meta l-ġrajjiet storiċi u kulturali jżidu s-sħab iswed tal-persekuzzjonijiet, tat-tribulazzjonijiet, tad-dubji u l-bqija,  ma jkunx faċli ssib it-triq li għandek tgħaddi minnha. Hemm diversi tentazzjonijiet li jinbtu f’waqtiet bħal dawn: jiġik li tiddiskuti ideat, li ma tagħtix l-attenzjoni li jmiss lil dak li jkun qed jiġri, tiffissa wisq fuq dawk li jkunu qed jippersegwitawk....,iżda nemmen li l-agħar tentazzjoni hi li toqgħod thewden fuq id-deżolazzjoni”.(1) Iva li toqgħod titħasseb fuq id-deżolazzjoni. Hekk ġralhom id-dixxipli.

Kif qalina l-Kardinal Ezzati: “Il-ħajja tal-presbiteru u tal-ikkonsagrat fiċ-Ċile għaddiet u għaddejja minn żmien diffiċli ta’ taħwid u sfidi, li ma nistgħux ma nikkunsidrawhomx. Flimkien mal-fedeltà tal-maġġoranza l-kbira, kibret ukoll is-sikrana tal-ħażen li ġabet magħha skandlu u diżerzjoni”.

Mument ta’ taħwid: Nifhem it-tbatija li jfissru l-każijiet ta’ abbuż tal-minorenni;  qed insegwi b’attenzjoni dak kollu li qed tagħmlu biex tegħlbu dan il-ħażen gravi u li jweġġa’. Iweġġa’  minħabba l-ħsara li saret lill-vittmi u lill-familji tagħhom, li ħassewhom ittraduti  fil-fiduċja li kellhom fil-ministri tal-Knisja. Iweġġa’ minħabba fit-tbatija tal-komunitajiet ekkleżjali; u jweġġa’ anki lilkom, ħuti, għax barra l-ħidma li jkollkom tiddedikaw, tridu wkoll tiffaċċaw id-dannu tas-suspetti u ta’ nuqqas ta’ fiduċja, li f’xi wħud jew f’ħafna jista’ jdeffes id-dubju, il-biża’ u l-isfiduċja.  Naf li xi drabi insultawkom meta kontu fl-undergound jew mexjin fit-triq, u li f’ħafna żoni wieħed qed ikollu jħallas qares biex jilbes il-libsa ta’ qassis. Għalhekk nistedinkom titolbu lil Alla jagħtina d-dawl biex niffaċċaw din ir-realtà, il-kuraġġ biex nitolbu maħfra u l-ħila biex nitgħallmu nisimgħu dak li l-Mulej ikun qed jgħidilna, u biex ma nifqux fuq id-deżolazzjoni.

Nixtieq inżid aspett importanti ieħor. Is-soċjetajiet tagħna qed jinbidlu. Iċ-Ċile tal-lum hu differenti ħafna minn dak li kont naf jien fiż-żgħożija tiegħi meta kont qed nirċievi l-formazzjoni. Qed jitwieldu diversi forom kulturali ġodda li m’għandhomx x’jaqsmu ma’ dak li  konna nafu qabel. Hemm bżonn nammettu li ħafna drabi ma nafux kif ninserixxu ruħna f’dawn is-sitwazzjonijiet ġodda. Spiss noħolmu dwar “il-basal tal-Eġittu” u ninsew li l-art imwiegħda qiegħda quddiem u mhux wara; li l-wegħda saret il-bieraħ, imma hi għal għada. Allura nistgħu naqgħu fit-tentazzjoni li ningħalqu fina nfusna jew  niżolaw ruħna biex niddefendu l-pożizzjonijiet tagħna li jispiċċaw li jkunu biss monologi sbieħ. Jista’ jkollna t-tentazzjoni naħsbu li kollox sejjer ħażin, u minflok nistqarru ‘l-aħbar it-tajba’, nistqarru  apatija u diżillużjoni. U allura nagħlqu għajnejna quddiem l-isfidi pastorali u naħsbu li l-Ispirtu s-Santu m’għandu xejn x’jgħidilna. Ninsew li l-Evanġelju hu mixja ta’ konverżjoni, mhux biss “għall-oħrajn”, imma għalina wkoll.

Irridu jew ma rridux, ikollna naffrontaw ir-realtà kif inhi. Ir-realtà personali, komunitarja u soċjali. Id-dixxipli qalu li x-xbieki tagħhom kienu vojta, u nistgħu nifhmu x’ħassew minħabba f’hekk. Marru lura d-dar bla xejn x’jirrakkuntaw, b’idejhom vojta; marru lura d-dar mifluġin.

X’baqa’ minn dawk id-dixxipli qalbiena, mimlija ħajja li kienu jħossuhom magħżula u li ħallew kollox biex imorru wara Ġesù (ara Mk 1,16-20)? X’sar minnhom dawk id-dixxipli ċerti minnhom infushom, lesti li jmorru l-ħabs u jagħtu anki ħajjithom għall-Imgħallem tagħhom (ara Lq 22,33), u li biex jiddefenduh riedu n-nar jinżel mis-sema (ara Lk 9,54), u  jiġġieldu u jagħtu bis-sejf (ara Lq 22,49-51)? X’sar minnu Pietru li beda jlum lill-Imgħallem tiegħu dwar dak li kellu jiġri f’ħajtu, dwar il-programm tiegħu ta’ fidwai? Id-deżolazzjoni.

2. Pietru li rċieva l-maħfrail-komunità li rċviet il-maħfra

Kienet waslet is-siegħa tal-verità fil-ħajja tal-ewwel komunità. Waslet is-siegħa meta Pietru ġie wiċċ’imb wiċċ miegħu nnifsu, ma’ parti mill-verità dwaru stess li ħafna drabi ma riedx jaraha. Għamel esperjenza tal-limiti tiegħu, tad-dgħufija tiegħu, tal-fatt li kien midneb. Pietru l-istintiv, kap u salvatur impulsiv, b’doża tajba ta’ awtosuffiċjenza u fiduċja kbira fih innifsu u f’dak li seta’ jagħmel, kellu jbaxxi rasu għad-dgħufija u d-dnub tiegħu. Kien midneb bħall-oħrajn, kien fil-bżonn bħall-oħrajn, kien dgħajjef daqs l-oħrajn. Pietru naqas lil Dak li kien ħaliflu l-ħarsien. Kienet siegħa kruċjali fil-ħajja ta’ Pietru.

Bħala dixxipli, bħala Knisja, jista’ jiġrilna l-istess: jiġu l-waqtiet li fihom insibu ruħna quddiem id-dgħufija tagħna u mhux quddiem l-mumenti ta’ glorja. Waqtiet kruċjali fil-ħajja tad-dixxipli; iżda din tkun is-siegħa li fiha jitwieled l-appostlu. Ejjew inħallu l-Evanġelju jiggwidana.

 “Wara li kielu xi ħaġa, Ġesù qal lil Xmun Pietru: ‘Xmun bin Ġwanni,tħobbni int aktar minn dawn?” (Ġw 21, 15)

Wara li kielu, Ġesù stieden lil Pietru jagħmel żewġ passi u l-unika kelma li qallu kienet mistoqsija, mistoqsija ta’ mħabba: Tħobbni? Ġesù la ċanfar lil Pietru u lanqas ikkundannah. Ried biss isalvah; isalvah mill-periklu li jibqa’ magħluq fid-dnub tiegħu u  jibqa’ “jogħmod” id-deżolazzjoni frott tal-limiti tiegħu. Ried isalvah mill-periklu li jitlef dak it-tajjeb kollu li kien għex ma’ Ġesù. Ried isalvah mill-għeluq u l-iżolament. Ried isalvah minn dak l-attaġġament li jkissrek għax iwasslek biex tħossok vittma jew li tgħid “mhux xorta” u hekk tispiċċa taqa’ fir-relattiviżmu li tant jagħmel ħsara. Ried jeħilsu milli jara għadu f’kull min jopponih, u milli ma jaċċettax il-kritika u l-kontradizzjonijiet b’serenità. Ried jeħilsu mis-swied il-qalb u speċjalment mill-burdati ħżiena. B’dik il-mistoqsija, Ġesù stieden lil Pietru jisma’ sew lil qalbu stess u jitgħallem jiddixxerni. Għax “mhux minn Alla li tiddefendi l-verità akkost tal-karità, lanqas il-karità akkost tal-verità, lanqas l-ekwilibrju akkost tat-tnejn. Hemm bżonn niddixxernu. Ġesù ried jevita li Pietru jsir xi ħadd li jiddistruġġi f’isem is-sewwa jew li jagħmel karita’ falza, jew li jkun xi paralizzat imħawwad” (2), kif jista’ jiġri lilna f’dawn is-sitwazzjonijiet.    

Ġesù staqsa lil Pietru  dwar l-imħabba u insista miegħu sakemm tah tweġiba realistika: “Mulej, inti taf kollox; inti taf li nħobbok” (Ġw 21,17). Hekk Ġesù kkonfermah fil-missjoni tiegħu;  wasslu biex ikun tassew appostlu tiegħu.

X’kien li saħħaħ lil Pietru bħala appostlu? Xi jżommna lilna bħala appostli?  Ħaġa waħda biss: il-ħniena (ara 1Tim 1, 12-16). Ġejna ttrattati bil-ħniena. “Ġesù ra dnubietna, ra l-limiti u l-miżerji tagħna, il-waqgħat tagħna, resaq lejna, tana idejh u ħenn għalina. Kull wieħed minna jista’ jgħid dan meta niftakru f’dawk id-drabi li l-Mulej rana, ħares lejna, resaq lejna u wriena l-ħniena” (3). Nistedinkom tiftakruh dan. M’aħniex qegħdin hawn għax aħna aħjar mill-oħrajn. M’aħniex xi supereroj neżlin mis-sema biex niltaqgħu  ma’ dawk li huma “mortali”.  Aħna mibgħuta u nafu li aħna nisa u rġiel li rċevejna l-maħfra. Din hija l-għajn li minnha jnexxi l-ferħ għalina. Aħna kkonsagrati, rgħajja bi stil ta’ ħajja bħal dik ta’ Ġesù miġruħ, li miet u rxoxta. L-ikkonsagrat – u meta ngħid ikkonsagrat qed ngħid għal dawk kollha li qegħdin hawn – huwa dak jew dik li fil-feriti tagħhom jiltaqgħu mas-sinjali tal-Qawmien, li jirnexxilhom jaraw l-qawwa tal-Qawmien fil-feriti tad-dinja; li bħal Ġesù ma jmorrux jiltaqgħu ma’ ħuthom biex iċanfruhom jew  biex jikkundannawhom.

Ġesù Kristu ma jurix lilu nnifsu bla pjagi lil dawk li huma tiegħu. Tumas seta’ jistqarr il-fidi propju meta ra l-pjagi. Aħna mistiedna biex la ngħattu u lanqas naħbu l-pjagi tagħna. Knisja li għandha l-pjagi hi kapaċi tifhem il-pjagi tad-dinja, tagħmilhom tagħha, tbati għalihom, takkumpanjahom u tfittex il-fejqan tagħhom. Knisja li għandha l-pjagi ma tpoġġix lilha nnifisha fiċ-ċentru, ma taħsibx li hi perfetta, imma tqiegħed fiċ-ċentru lill-uniku wieħed li  jista’ jfejjaq il-feriti, u li għandu isem: Ġesù Kristu.

Meta nagħrfu li għandna l-pjagi ninħelsu; iva ninħelsu milli nsiru awtoreferenzjali, milli naħsbu li aħna superjuri. Ninħelsu minn dik it-tendenza “prometeika ta’ dawk li jafdaw biss fis-saħħa tagħhom infushom u jħossuhom ‘l fuq mill-oħrajn għax josservaw ċerti normi preċiżi jew għax huma fidili b’mod sħiħ lejn ċertu stil Kattoliku li hu tal-imgħoddi” (4).

F’Ġesù, il-pjagi tagħna jsibu l-qawmien. Jagħmluna solidali; jgħinuna nġarrfu l-ħitan ta’ mġiba elitista li tjassarna u nibnu rabtiet ma’ dawk li huma bil-għatx għall-imħabba kollha ħniena li Kristu biss jista’ joffrilna. “Kemm drabi noħolmu bi pjanijiet appostoliċi ta’ espansjoni, metikolużi u mirquma tajjeb, tipiċi ta’ ġenerali mirbuħa! Hekk inkunu niċħdu l-istorja tagħna ta’ Knisja, li hi glorjuża daqskemm hi storja ta’ sagrifiċċji, ta’ tama, ta’ ġlieda ta’ kuljum, ta’ ħajja kkunsmata fis-servizz, ta’ perseveranza fil-ħidma iebsa, għax kull ħidma hi għaraq ta’ ġbinna” (5). Nitħasseb meta nara li hemm komunitajiet li moħħhom aktar biex jidhru u jagħmlu figura milli biex ixammru l-kmiem u jmissu b’idejhom it-tbatijiet tal-poplu tagħna.

Kemm iġġiegħelna naħsbu r-riflessjoni ta’ dak il-qaddis Ċilen li wissa: “Huma  kollha metodi foloz dawk imposti għall-uniformità; dawk li taparsi jressquna  lejn Alla filwaqt li jnessuna lil ħutna l-bnedmin; dawk li jagħlqu għajnejna għad-dinja ta’ madwarna minflok jgħallmuna niftħuhom biex ngħollu kollox lejn il-Ħallieq; dawk  li jagħmluna egoisti u jwassluna biex naħsbu biss fina nfusna” (6).   

Il-Poplu t’Alla la jistenna u lanqas għandu bżonn lilna bħala supereroj, imma jistenna rgħajja, rġiel u nisa kkonsagrati, li jafu jħennu, li jafu jnewlu idejhom, li jiefqu quddiem min jaqa’, u, bħal Ġesù, jgħinu li dak li jkun joħroġ miċ-ċirku vizzjuż tad-deżolazzjoni, li hu velenu għar-ruħ.

3. Pietru li jinbidel il-komunità li tinbidel

Ġesù stieden lil Pietru jiddixxerni u hekk ħafna ġrajjiet f’ħajtu bdew jieħdu l-qawwa, bħalma naraw fil-ġest profetiku tal-ħasil tar-riġlejn. Pietru, li ma riedx iħalli lil Ġesù jaħsillu riġlejh, beda jifhem li l-kobor tassew iseħħ meta wieħed jiċċekken u jaqdi. (7)

X’pedagoġija hi dik tal-Mulej tagħna! Mill-ġest profetiku ta’ Ġesù għall-Knisja profetika, li maħsula mid-dnub tagħha, ma tibżax tmur taqdi umanità miġruħa.

Pietru ħass fuq ġildu stess mhux biss il-ferita tad-dnub, imma anki dik tal-limiti u d-dgħufija tiegħu. Iżda skopra li f’Ġesù l-ġrieħi tiegħu setgħu jkunu triq ta’ Qawmien. Il-bidla li seħħet f’Pietru hi stedina biex minn Knisja ta’ nies mifluġa u deżolati nsiru Knisja li taqdi lill-ħafna li huma mifluġa u jinsabu qrib tagħna. Insiru Knisja kapaċi taqdi lill-Mulej f’min hu bil-ġuħ,  fil-ħabs, bil-għatx, bla saqaf, għarwien, marid.... (ara Mt 25,35). U nagħtu servizz li la hu assistenzjaliżmu u lanqas paternaliżmu, imma servizz ġej mill-konverżjoni tal-qalb.  Il-problema ma tinsabx filli nagħtu ikel lil min hu bil-ġuħ, li nlibbsu lill-għarwien, li ngħinu lill-marid, imma filli nikkunsidraw li min hu fqir, għarwien, marid, ħabsi,  bla saqaf fuq rasu għandu d-dinjità li joqgħod bilqiegħda magħna għall-ikel, li jħossu ta’ ġewwa,  li jħossu fil-familja. Dan hu sinjal li s-Saltna ta’ Alla hi fostna. Hu sinjal ta’ Knisja li kienet miġruħa minħabba fid-dnub tagħha, li faret bil-ħniena tal-Mulej, u li fiha seħħet konverżjoni fil-mod kif tkun profetika.

  Inġeddu l-profezija jfisser inġeddu l-impenn tagħna li ma noqogħdux nistennew dinja ideali, komunità ideali, dixxipli ideali biex ngħixu u nevanġelizzaw, imma li noħolqu l-kundizzjonijiet biex kull persuna mifluġa tista’ tiltaqa’ ma’ Ġesù. Mhux is-sitwazzjonijiet jew il-komunitajiet ideali rridu nħobbu, imma lill-persuni.

Ir-rikonoxximent sinċier tal-limiti tagħna, li jġiegħelna nbatu u nitolbu, mhux talli ma jifridniex mill-Mulej, imma joħodna lura għandu għax nafu li “Hu bil-ġdid tiegħu dejjem jista’ iġedded ħajjitna u l-komunità tagħna, u anki jekk ikollha tterraq qalb żmenijiet mudlama u dgħufijiet ekkleżjali, il-proposta nisranija ma tixjieħ qatt. (...) Kull darba li nfittxu li nerġgħu lura għall-għajn biex insibu mill-ġdid il-freskezza oriġinali tal-Vanġelu, jitfaċċaw toroq u metodi kreattivi ġodda, xejriet oħra ta’ espressjoni, sinjali iżjed elokwenti, kliem mimli b’tifsira mġedda għad-dinja tal-lum”.(8) Kemm jagħmlilna tajjeb li nħallu lil Ġesù  jġedded lil qlubna!

Fil-bidu ta’ din il-laqgħa għidtilkom li ġejna biex inġeddu l-‘iva’ tagħna b’impenn u mħabba kbira. Irridu nġedduha din l-‘iva’ tagħna, imma b’mod realistiku, għax nibbażawha fuq il-ħarsa ta’ Ġesù. Nistedinkom biex meta tmorru d-dar tħejju f’qalbkom speċi ta’ testment spiritwali, li tfassluh fuq dak tal-Kardinal Raúl Silva Henríquez. Hemm dik it-talba sabiħa tiegħu li tibda billi tgħid hekk:

«Il-Knisja li nħobb hija l-Knisja ta’ kull żmien....il-Knisja tiegħek, tiegħi, il-Knisja Qaddisa ta’ kull żmien.....

Ġesù, il-Vanġelu, il-ħobż, l-Ewkaristija, il-Ġisem ta’ Kristu umli ta’ kuljum. Bl-uċuħ tal-foqra u l-uċuħ ta’ rġiel u nisa  li jkantaw, jissieltu, jbatu. Il-Knisja Qaddisa ta’ kull żmien».

Nistaqsik: Kif inhi l-Knisja li tħobb int? Tħobbha lil din il-Knisja miġruħa li ssib il-ħajja fil-pjagi ta’ Ġesù?

Grazzi ta’ din il-laqgħa. Grazzi tal-opportunità  li nġedded l-iva tiegħi magħkom. Jalla l-Verġni tal-Karmelu żżomkom taħt il-mant tagħha.

U jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Grazzi.

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard


[1] Jorge M. Bergoglio, Las cartas de la tribulación, 9, Ed. Diego de Torres, Buenos Aires 1987.

[2] Cfr ibid.

[3]Videomessaggio al CELAM in occasione del Giubileo straordinario della Misericordia nel Continente americano, 27 agosto 2016.

[4] Esort. ap. Evangelii gaudium, 94.

[5]Ibid., 96.

[6] San Alberto Hurtado, Discurso a jóvenes de la Acción Católica, 1943.

[7] «Se uno vuole essere il primo, sia l’ultimo di tutti e il servitore di tutti» (Mc 9,35).

[8] Esort. ap. Evangelii gaudium, 11.