“Kif ra l-folol” (Mt 5:1). F’dawn l-ewwel kelmiet tal-Vanġelu li għadna kemm smajna nsibu l-atteġġjament li bih Ġesù jrid jiġi jiltaqa’ magħna, l-istess atteġġjament li bih Alla dejjem issorprenda lill-poplu tiegħu (ara Eż 3:7). L-ewwel atteġġjament ta’ Ġesù hu li jara, iħares lejn l-uċuħ ta’ dawk li huma tiegħu. Dawk l-uċuħ iqanqlu l-imħabba ġewwenija ta’ Alla. Ma kinux ideat jew kunċetti li ċaqilqu lil Ġesù… kienu l-uċuħ, il-persuni; hi l-ħajja li tgħajjat lill-Ħajja li l-Missier irid jagħtina.

 

Meta jara l-folol, Ġesù jiltaqa’ mal-uċuħ tan-nies li kienu mexjin warajh u l-isbaħ ħaġa hi li naraw kif in-nies, min-naħa tagħha, f’ħarset Ġesù tiltaqa’ mal-eku tat-tiftix u x-xewqat tagħha. Minn din il-laqgħa toħroġ din il-lista ta’ beatitudnijiet li huma x-xefaq li lejh aħna mistiedna u sfidati nimxu. Il-beatitudnijiet ma jinbtux minn atteġġjament passiv quddiem ir-realtà, wisq inqas jistgħu jitnisslu minn spettatur li jsir awtur kiebi ta’ statistiċi fuq dak li qed jiġri. Ma jinbtux mill-profeti tal-isfortuna li biżżejjed għalihom jiżirgħu d-delużjonijiet. Lanqas minn illużjonijiet li jwegħduna l-kuntentizza b’“għafsa”, b’teptipa ta’ għajn. Bil-maqlub, il-beatitudnijiet jitnisslu mill-qalb ħanina ta’ Ġesù li tiltaqa’ mal-qalb kollha ħniena u fil-bżonn tal-ħniena ta’ dawk il-bnedmin li jixtiequ u jixxennqu għal ħajja hienja; ta’ bnedmin li jafu x’inhi t-tbatija, li jafu x’inhuma d-dubji u l-uġigħ li jitnisslu meta “l-art titriegħed taħt saqajk” jew “il-ħolm jisfa midfun” u l-ħidma ta’ ħajja sħiħa tispiċċa tinkines; imma li wisq iżjed jafu x’inhuma l-kuraġġ u t-taqbida biex jibqgħu mexijn; iżjed u iżjed jafu kif jerġgħu jibnu u jibdew mill-ġdid.

 

Kemm hi esperta l-qalb Ċilena fil-bini mill-ġdid u l-bidu ġdid! Kemm intom esperti f’li terġgħu tqumu fuq saqajkom wara tant krolli! Din hi l-qalb li lejha jdur Ġesù; għax din il-qalb lesta tilqa’ l-beatitudnijiet!

 

Il-beatitudnijiet ma jitnisslux minn atteġġjamenti ta’ kritika faċli u lanqas mid-“diskorsi vojta u rħas” ta’ min jaħseb li jaf kollox imma ma jrid jimpenja ruħu ma’ xejn u ma’ ħadd, u hekk jispiċċaw biex jimblukkaw kull possibbiltà li jiġġeneraw proċessi ta’ trasformazzjoni u ta’ bini mill-ġdid fil-komunitajiet tagħna, fil-ħajja tagħna. Il-beatitudnijiet jitwieldu mill-qalb ħanina li ma tegħja qatt tittama. U dduq kif it-tama “hi l-jum ġdid, fejn ninqalgħu mill-waqfien tagħna, niċċaqilqu minn qagħda negattiva” (Pablo Neruda, El habitante y su esperanza, 5).

 

Meta Ġesù jsejjaħ hieni lill-fqir, lil min beka, lill-maħqur, lill-batut, lil min ħafer…, jiġi jaqla’ mill-waqfien paralizzanti lil min jemmen li l-affarijiet ma jistgħux jinbidlu, lil min waqaf jemmen fis-setgħa ta’ Alla l-Missier li tista’ tbiddel kollox, kif ukoll f’ħutu, speċjalment f’ħutu l-iżjed dgħajfa, f’ħutu mormija. Meta jxandar il-beatitudnijiet, Ġesù jiġi jċaqlaqna minn dik il-qagħda negattiva msejħa rassenjazzjoni li ġġagħalna nemmnu li nistgħu ngħixu aħjar jekk naħarbu l-problemi, jekk naħarbu mill-oħrajn, jekk ninħbew jew ningħalqu fil-kumditajiet tagħna, jekk jeħodna n-ngħas tal-konsumiżmu trankwilizzanti (ara Eżortazzjoni appostolika Evangelii gaudium, 2). Dik ir-rassenjazzjoni li twassalna biex niżolaw ruħna minn kulħadd, biex ninqasmu, biex ninfirdu, biex nagħlqu għajnejna quddiem il-ħajja u quddiem it-tbatija tal-oħrajn.

 

Il-beatitudnijiet huma dak il-jum ġdid għal dawk kollha li jkomplu jirriskjaw għall-futur tagħhom, li jkomplu joħolmu, li jkomplu jħallu lill-Ispirtu s-Santu jmisshom u jimbuttahom.

 

Kemm nagħmlu sew naħsbu li Ġesù miċ-Cerro Renca jew minn Puntilla jiġi jgħidilna: “Henjin…”. Iva, hieni int u int, kull wieħed u waħda minnkom. Henjin intom li qed tittieħdu mill-Ispirtu s-Santu u titqabdu u tħabirku għal dan il-jum ġdid, għal dan iċ-Ċilì ġdid, għax tagħkom hija s-Saltna tas-smewwiet. “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla” (Mt 5:9).

 

U quddiem ir-rassenjazzjoni li bħal tħammim konfuż thedded ir-rabtiet li jagħtuna l-ħajja u ġġib il-firda bejnietna, Ġesù jgħidilna: henjin dawk li jħabirku għar-rikonċiljazzjoni. Henjin dawk li kapaċi jħammġu jdejhom u jaħdmu biex oħrajn jgħixu fil-paċi. Henjin dawk li jagħmlu sforz biex ma jiżirgħux firda. B’dan il-mod, il-beatitudni tagħmilna bennejja tal-paċi; tistedinna nħabirku biex l-ispirtu tar-rikonċiljazzjoni jsib spazju fostna. Trid il-ferħ? Trid l-hena? Henjin dawk li jħabirku biex oħrajn jista’ jkollhoma ħajja hienja. Trid il-paċi? Ħabrek għall-paċi.

 

Ma nistax ħlief nevoka lil dak ir-Ragħaj kbir li kellu Santiago, li f’Te Deum kien qal: “‘Jekk trid il-paċi, ħabrek għall-ġustizzja’ [] U jekk xi ħadd jistaqsina: ‘X’inhi l-ġustizzja?’, jew jekk forsi taħsbu li tikkonsisti biss f’‘la tisraqx’, ngħidulhom li teżisti ġustizzja oħra: dik li tesiġi li kull bniedem jiġi ttrattat bħala bniedem” (il-Kardinal Raúl Silva Henríquez, Omelija fit-Te Deum Ekumeniku, 18 ta’ Settembru 1977).

 

Niżirgħu l-paċi billi nkunu proxxmu, inkunu qrib! Billi noħorġu mid-dar u nosservaw l-uċuħ, noħorġu niltaqgħu ma’ min jinsab f’diffikultà, ma’ min ma ġiex ittrattat bħala persuna, bħala iben denn ta’ din l-art. Dan hu l-uniku mod li għandna biex ninsġu futur ta’ sliem, biex ninsġu mill-ġdid realtà li taf tiġi fix-xejn. Il-bennej tal-paċi jaf li ħafna drabi trid tegħleb mentalitajiet foqra u ambizzjonijiet kbar jew sottili, li jiġu mill-pretensjoni li wieħed jikber u “jagħmel isem”, li jikseb prestiġju minn fuq dahar ħaddieħor. Il-bennej tal-paċi jaf li mhux biżżejjed tgħid: ma nagħmel ħsara lil ħadd, għax, kif kien jgħid San Albertu Hurtado: ‘Tajjeb ħafna li ma tagħmilx deni, imma ħażin ħafna li ma tagħmilx it-tajjeb” (Meditación radial, abril 1944).

 

Il-bini tal-paċi hu proċess li jiġborna mill-ġdid flimkien u jqanqal il-kreattività tagħna biex inwettqu relazzjonijiet li kapaċi jaraw f’min hu qrib tagħna mhux xi ħadd barrani, li ma jafu ħadd, imma iben ta’ din l-art.

 

Nafdaw f’idejn il-Verġni Immakulata li miċ-Cerro San Cristóbal tħares u ssieħeb lil din il-belt. Ħa tgħinna hi ngħixu u nixtiequ l-ispirtu tal-beatitudnijiet; sakemm fl-irkejjen kollha ta’ din il-belt tinstema’ bħal kelma minn taħt l-ilsien: “Henjin dawk li jġibu l-paċi, għax huma jissejħu wlied Alla”.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard