Għeżież ħuti,

Irrodd ħajr għall-kliem li ndirizzali l-President tal-Konferenza Episkopali, f’isimkom ilkoll.

Qabel xejn nixtieq insellem lill-Mons Bernardino Piñera Carvallo, li dis-sena jagħlaq 60 sena tal-episkopat tiegħu (huwa l-Isqof l-aktar anzjan fid-dinja kemm fl-età u wkoll fl-episkopat) u li ħa sehem f’erba’ sessjonijiet tal-Konċilju Vatikan II.  Memorja sabiħa li għada ħajja!

Ftit ieħor tkunu ilkom sena li għamiltu ż-żjara ad limina: issa miss lili niġi nżurkom u jien kuntent li dil-laqgħa qed issir wara dik li kelli mad-“dinja konsagrata”.  Għax waħda mill-ħidmiet importanti tagħna hi propju dik li nkunu qrib il-persuni konsagrati tagħna, il-presbiteri tagħna.  Jekk ir-ragħaj jibda’ jimraħ ‘l hawn u ‘l hinn, in-nagħaġ ukoll jixterdu u jintemmu priża għal kull lupu.  Ħuti, il-paternità tal-Isqof mas-saċerdoti tiegħu, mal-presbiterju tiegħu!  Paternità li mhix paternaliżmu u lanqas abbuż tal-awtorità.  Huwa don li għandna nitlolbuh.  Kunu qrib tas-saċerdoti tagħkom fuq il-mudell ta’ San Ġużepp.  Paternità li tgħin it-tkabbir u l-iżvilupp tal-kariżmi li bihom l-Ispirtu għoġbu jżejjen lill-presbiteri rispettivi tagħkom.

Naf li konna ftehemna li nagħtu ftit ħin (għal dil-laqgħa) għaliex diġà waqt iż-żewġ sessjonijeit twal taż-żjara ad limina, konna ddiskutejna bosta temi.  Għaldaqstant f’din “it-tislima” nixtieq nerġa’ naqbad xi punt minn dawk li konna ddiskutejna f’Ruma, u nista niġbor kollox f’dis-sentenza: l-għarfien li aħna poplu, li aħna Poplu t’Alla.

Waħda mill-problemi li s-soċjetajiet tagħna jiffaċċjaw fil-ġurnata tal-lum hi s-sentiment li jħossuhom orfni, jiġifieri li jħossu li m’huma ta’ ħadd.  Dan is-sentiment “postmodern” jista’ jirkeb lilna u lill-kleru tagħna; imbagħad nibdew naħsbu li aħna m’aħna ta’ ħadd, ninsew li aħna parti mill-Poplu qaddis, Fidil ta’ Alla, u l-Knisja mhix u lanqas qatt għandha tkun “élite” ta’ persuni konsagrati, saċerdoti u isqfijiet.  Ma nistgħux immantnu ħajjitna, il-vokazzjoni tagħna jew il-ministeru mingħajr dan l-għarfien, dil-kuxjenza, li aħna Poplu.  Jekk ninsewh, dan – kif għidt meta kont qed nindirizza lill-Kummissjoni tal-Amerika-Latina – iġib miegħu ħafna riskji u jiddeforma l-istess esperjenza tagħna, kemm personali kif ukoll komunitarja, tal-ministeru li afdatilna l-Knisja (1).  In-nuqqas ta’ kuxjenza li aħna nagħmlu parti mill-Poplu fidil ta’ Alla bħala qaddejja, u mhux bħala sidjien, jista jressaqna lejn waħda mill-akbar tentazzjonijiet li jagħmlu ħsara lid-dinamiżmu missjunarju li aħna msejħin biex immexxu ‘l quddiem: il-klerikaliżmu, li huwa karikatura tal-vokazzjoni li rċevejna.

Meta nonqsu li nagħrfu l-fatt li l-missjoni hi tal-Knisja kollha u mhux tas-saċerdot jew tal-isqof, jidjieqilna x-xefaq u, agħar minn hekk, ixekkel l-inizjattivi li l-Ispirtu jista’ jqanqal fostna.  Ngħiduha kif inhi, il-lajċi mhumiex il-qaddejja tagħna, lanqas huma l-impjegati tagħna. M’għandhomx jirrepetu bħall-“pappagalli” dak li ngħidu aħna.  «Il-klerikaliżmu, aktar milli jagħti lok għall-kontribuzzjonijiet diversi u l-proposti, jibda’ jitfi naqra naqra n-nar profetiku li l-Knisja kollha kemm hi hija msejħa biex tagħti xhieda tiegħu fil-qalb tal-popli tagħha.  Il-klerikaliżmu jinsa li l-viżibbiltà u s-sagramentalità tal-Knisja huma tal-Poplu fidil ta’ Alla kollu kemm hu (cfr Lumen gentium, 9-14) u mhux ta xi ftit magħżulin u mdawwla» (2).

Ejjew nishru, jekk jogħġobkom, kontra dit-tentazzjoni, speċjalment fis-seminarji u matul il-proċess formattiv kollu.  Nistqarr magħkom, il-formazzjoni tas-seminaristi hi ta’ tħassib għalija: jalla jkunu rgħajja għas-servizz tal-Poplu t’Alla; kif għandu jkun ragħaj, bid-duttrina, bid-dixxiplina, bis-Sagramenti, bil-qrubija, bl-opri tal-karità, imma jkollhom dinil-kuxjenza ta’ Poplu.  Is-seminarji għandhom iqiegħdu enfasi fuq il-fatt li s-saċerdoti futuri jkollhom ħila jkunu qaddejja tal-Poplu qaddis ta’ Alla, billi jagħrfu d-diversità tal-kulturi u jirrifjutaw it-tentazzjoni ta’ kull għamla ta’ klerikaliżmu.  Is-saċerdot hu ministru ta’ Kristu, li Hu l-protagonist u li huwa preżenti fil-Poplu t’Alla kollu.  Is-saċerdoti ta’ għada għandhom ikunu ffurmati b’ħarsithom fuq għada: il-ministeru tagħhom se jitwettaq f’dinja sekulariżżata li għalhekk titlob minna r-rgħajja li niddixxernu kif inħejjuhom ħalli jaqdu l-missjoni tagħhom f’dax-xenarju konkret u mhux “fid-dinjiet jew fl-istati ideali” tagħna.  Missjoni li titwettaq f’għaqda fraterna mal-Poplu t’Alla kollu.  Spalla ma’ spalla, billi tagħti impuls u tistimola lill-lajkat fi klima ta’ dixxerniment u sinodalità, żewġ karatteristiċi essenzjali tas-saċerdot ta’ għada.  Le għall-klerikaliżmu jew għal dinjiet ideali li kienu jinsabu biss fil-pjanijiet tagħna imma li ma jmissu mal-ħajja ta’ ħadd.

U hawnhekk nitolbu lill-Ispirtu s-Santu id-don li noħolmu; jekk jogħġobkom, tieqfux toħolmu, toħolmu u taħdmu għal għażla missjunarja u profetika bil-ħila li tittrasforma kollox, sabiex id-drawwiet, l-istili, it-“time-tables”, il-lingwaġġ u kull struttura ekkleżjali jsiru strumenti addattati għall-evanġeliżżazzjoni taċ-Ċili aktar milli jkunu “awtokonservazzjoni” ekkleżjastika.  Ma nibżgħux nitneżżgħu minn dak li jbegħedna mill-mandat missjunarju tagħna (3).

Ħuti, dan kelli x’ngħidlkom bħala sinteżi tal-punti prinċipali li tkellimna dwarhom waqt iż-żjara ad limina.  Nintelqu taħt il-protezzjoni ta’ Marija, Omm iċ-Ċili.  Nitolbu flimkien għall-presbiteri tagħna, għall-persuni konsagrati tagħna; nitolbu għall-Poplu qaddis ta’ Alla, li aħna nagħmlu parti minnu.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber

[1] Ittra lill-Kardinal Marc Ouellet, President tal-Kummissjoni Pontifiċja għall-Amerika-Latina (19 ta’ Marzu, 2016).

[2] Ibid.

[3] Cfr Eż. App. Evangelii gaudium, 27