Għeżież ħuti,

Grazzi. Grazzi għal dak li għamiltu, u nirringrazzjakom għall-opportunità li qegħdin tagħtuni biex inkun nista’ nżurkom: għalija huwa importanti li naqsam dan iż-żmien magħkom u nkunu iktar qrib lejn tant aħwa tagħna li llum huma mċaħħdin mil-libertà. Grazzi Sister Nelly għall-kliem tiegħek u speċjalment għax-xhieda li l-ħajja dejjem tittrijonfa fuq il-mewt. Dejjem. Grazzi Janeth tal-kuraġġ li kellek sabiex taqsam magħna d-dwejjaq tiegħek kollha u għal dik it-talba kuraġġuża għall-maħfra. Kemm għandna x’nitgħallmu mill-imġieba tiegħek mimlija kuraġġ u umiltà! Nuża l-kliem tiegħek: "Aħna nitolbu maħfra lil dawk kollha li aħna drabna bid-delitti li wettaqna". Grazzi talli qed tfakkarna f’din l-attitudni għaliex mingħajrha aħna ma nibqgħux umani. Aħna lkoll għandna nitolbu maħfra, nibda minni, kulħadd. Dan jagħmilna umani. Mingħajr din l-attitudni li titlob maħfra, nitilfu l-għarfien li aħna żbaljajna u li kull jum aħna msejħin sabiex nibdew mill-ġdid, b'xi mod jew ieħor.

 

F'dan il-mument, il-qalb tfakkarni wkoll fil-frażi ta’ Ġesù: "Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla" (Jn 8, 7) [il-Papa jisma’ li xi priġunieri jgħidu miegħu dawn il-kliem] ... tafuha tajjeb! U tafu dak xi ngħid ta’ spiss fl-omeliji tiegħi meta nitkellem dwar il-fatt li aħna lkoll għandna xi ħaġa ġewwa fina, jew minħabba d-dgħufija, jew għaliex dejjem naqgħu, u li aħna ħbejniha kemm stajna? Jien ngħid lin-nies: "Aħna lkoll midinbin, aħna lkoll għandna dnubiet. Ma nafx: hawn xi ħadd hawn li m'għandux dnubiet? Għolli idek ... ". Ħadd m'għandu l-kuraġġ li jgħolli idejh! Qed jistedinna - Ġesù - biex nabbandunaw il-loġika simplistika li tiddividi r-realtà f'tajbin u ħżiena, biex nidħlu f’dinamika oħra li kapaċi tassumi l-fraġilità, il-limiti u anke d-dnub, sabiex tgħinna ħalli nimxu ’l quddiem.

 

Meta dħalt, l-ommijiet kienu qed jistennewni bit-tfal tagħhom. Kienu huma li tawni l-merħba, li tista’ tiġi espressa f'żewġ kelmiet: omm w ulied.

 

Omm: ħafna minnkom huma ommijiet u jafu x’jiġifieri tagħti l-ħajja. Kontu tafu kif għandkom “iġġorru” ħajja fil-ġuf tagħkom u twellduha. Il-maternità qatt ma kienet problema, hija rigal, wieħed mir-rigali l-iżjed meraviljużi li jista’ jkollkom. Illum għandkom quddiem wiċċkom sfida simili ħafna: din hija għal darb’oħra (sfida) li tiġġenera ħajja. Illum intom mitluba li tagħtu dawl lill-ġejjieni. Li tkabbruh, li tgħinuh jiżviluppa. Mhux biss għalikom, iżda għal uliedkom u għas-soċjetà kollha kemm hi. Intom, in-nisa, għandkom kapaċità inkredibbli li tadattaw ruħkom għal kull sitwazzjoni u timxu ’l quddiem. Nixtieq illum nappella għall- kapaċità li tiġġenera l-ġejjieni. Dik il-kapaċità li tiġġenera l-ġejjieni li tgħammar f'kull waħda minnkom. Dik il- kapaċità li tippermettilkom li tiġġieldu kontra tant determiniżmi "cosificatori" (joħolqu affarijiet), jiġifieri li tbiddel lin-nies fl-affarijiet, li jispiċċaw biex joqtlu t-tama. Ħadd minna m’hu xi ħaġa: aħna lkoll persuni, u bħala persuni aħna għandna din id-dimensjoni tat-tama. Ma nħallux lilna nfusna niġu "kosifikati" (nkunu xi ħaġa). Aħna m’aħniex numru, jien m’inix il-priġunier numru X, jien Tizju jew Gaju li jġorr ġo fih it-tama u jrid iwelled it-tama.

Li tkun imċaħħad mil-libertà, kif qaltilna tajjeb Janeth, ma tfissirx it-telfien ta’ kull ħolma u kull tama. Huwa veru, hija iebsa ħafna, toħloq tbatija, iżda ma jfissirx li titlef it-tama. Dan ma jfissirx li tieqaf toħlom. Li tkun imċaħħad mil-libertà mhix l-istess bħal meta tkun imċaħħad mid-dinjità, le, mhux l-istess ħaġa. Id- dinjità ma tintmessx, ħadd m’għandu jkun imċaħħad minnha. Għandha tiġi kkurata, mgħassa, ikkarezzata. Ħadd m’għandu jiġi mċaħħad mid-dinjità. Intom imċaħħdin mil-libertà. Minn hawn isegwi li għandna noħduha kontra kull tip ta’ cliché, kull tikketta li tgħid li ma tistax tinbidel, jew li ma jiswa xejn li tinbidel, jew li r-riżultat huwa dejjem l-istess. Kif jgħid it-tango Arġentin: "Ejja, kompli kif int, kollox huwa l-istess, se nerġgħu niltaqgħu fl-infern ...". Le, mhux kollox l-istess. Għeżież ħuti nisa, le! Mhux veru li r-riżultat huwa dejjem l-istess. Kull sforz li jsir fit-tqabida sabiex għada jkun aħjar - anke jekk ħafna drabi jista’ jidher li kollu għalxejn - dejjem se jagħti l-frott u intom titħallsu tiegħu

It-tieni kelma hija ulied: huma saħħa, huma tama, huma stimolu. Jiena l-memorja ħajja li l-ħajja tinbena billi wieħed iħares 'l quddiem u mhux lura. Illum intom imċaħħdin mil-libertà, iżda dan ma jfissirx li din is-sitwazzjoni ma tinbidilx. Xejn affattu. Dejjem għandek tħares lejn l-orizzont, ’il quddiem, li għad tidħlu mill-ġdid fil-ħajja ordinarja tas-soċjetà. Piena mingħajr futur, kundanna mingħajr futur, mhijiex kundanna umana: hija tortura. Kull piena li persuna qed tiskonta biex tħallas id-dejn mas-soċjetà, għandu jkollha orizzont, orizzont sabiex nerġa’ nidħol mill-ġdid u għaldaqstant inħejji ruħi għad-dħul mill ġdid fis-soċjeta. Dan itolbuh bil-qawwa, minnkom infuskom u mis-soċjetà. Ħarsu dejjem lejn l-orizzont, ħarsu dejjem ’il quddiem għad-dħul mill-ġdid fil-ħajja ordinarja tas-soċjetà. Għaldaqstant, napprezza u nistedinkom biex tintensifikaw l-isforzi kollha possibbli sabiex proġetti bħal "Espacio Mandela" u "Fundación Mujer levántate" jistgħu jikbru u jissaħħu.

 

L-isem ta’ din il-Fondazzjoni tfakkarni f’dak il-passaġġ tal-Evanġelju li fih kienu bosta fost dawk li riedu jgħaddu biż-żmien lil Ġesù għax qal li bint il-kap tas-sinagoga ma kenitx mejta, imma rieqda. Daħqu bih għax qal hekk. Quddiem dan id-daħq, l-attitudni ta' Ġesù hija paradigmatika (i.e. eżemplari): daħal fejn kienet it-tfajla, qabdilha idha u qalilha: “Tfajla, qiegħed ngħidlek, qum” (Mk 5:41). Għal kulħadd kienet mejta, għal Ġesù le. Dan it-tip ta’ inizjattiva huwa sinjal ħaj ta' Ġesù li jidħol fil-ħajja ta’ kull wieħed u waħda minna, li jisboq kull tmaqdir, li ma jqisx il-battalja digà mitlufa, jaqbdilna idejna u jistedinna biex inqumu. Kemm hi ħaġa sabiħa li hawn Insara u nies ta’ rieda tajba, li hawn nies ta’ kull twemmin, ta’ kwalunkwe għażla reliġjuża fil-ħajja, u wkoll mhux reliġjuża, iżda ta' rieda tajba, li jsegwu l-passi ta 'Ġesù, li għandhom il-kuraġġ li jidħlu u jkunu sinjal ta’ dik l-id ħierġa sabiex tqajjem bilwieqfa. Nitlobkom: qumu! Erġgħu qumu dejjem

Aħna lkoll nafu li ħafna drabi, sfortunatament, il-piena ta’ priġunerija tirriduċi ruħha f’kastig, mingħajr ma toffri strumenti adegwati biex jiċċaqilqu l-proċessi. Huwa dak li għidt dwar it-tama: tħares ’l quddiem, toriġina proċessi ta' integrazzjoni mill-ġdid. Din għandha tkun il-ħolma tiegħek: ir-riintegrazzjoni. U jekk tkun twila din il-mixja ’l quddiem, isir kulma hu possibbli biex tkun iqsar. Imma dejjem ir-riintegrazzjoni. Is-soċjetà għandha l-obbligu - l-obbligu! – li terġa’ taċċettakom fostha ikoll kemm intom. Meta ngħid "terġa’ ddaħħalkom lilkom ilkoll," inkun qed ngħid għandha tiġi mdaħħla ġdid kulll waħda minnkom,  kull waħda bi proċess personali ta' integrazzjoni mill-ġdid: waħda tagħmel mixja, waħd’oħra tagħmel mixja wkoll, waħda għal żmien twil, oħra tieħu żmien iqsar; iżda persuna li tkun fi triqitha lejn l-integrazzjoni mill-ġdid. Dan għandkom iddaħħlu f’raskom u għandkom tesiġuh. U dan ifisser li tiġġenera proċess, li proċess jingħata l-ħajja. U dawn l-ispazji li jippromwovu programmi ta’ appprendistat fix-xogħol u li jżommu kumpanija biex jerġgħu jinħolqu rabtiet, huma sinjal ta’ tama għall-futur. Ejjew naħdmu sabiex dawn jikbru. Is-sigurtà pubblika m'għandhiex tkun limitata biss għal miżuri ta’ iktar kontroll, iżda fuq kollox għandha tkun mibnija fuq il-prevenzjoni, permezz ta' xogħol, l-edukazzjoni u l-ħajja komunitarja..

B'dawn il-ħsibijiet nixtieq nbierek lilkom ilkoll kif ukoll lill-ħaddiema pastorali, il-voluntiera, l-istaff u, b'mod speċjali, l-uffiċjali tal-Ġendarmerija u l-familji tagħhom. Nitlob għalikom. Intom għandkom xogħol delikat u kumpless, u għal dan nispera li l-Awtoritajiet jistgħu wkoll jiżgurawlkom il-kundizzjonijiet meħtieġa biex twettqu x-xogħolkom b'dinjità. Dinjità li ġġib magħha d-dinjità. Id-dinjità tittieħed, tittieħed iktar mill-influwenza; id-dinjità tittieħed. Id-dinjità ġġib magħha dinjità.

Lil Marija, li hija Omm u għaliha aħna wlied - u intom uliedha -, nitolbuha biex tinterċedi għalikom, għal kull wieħed/waħda minn uliedkom, għal dawk il-persuni fil-qalb tagħkom, u sabiex tgħattikom bil-mant tagħha. U, jekk jogħġbok, nitlobkom biex titolbu għalija, għaliex għandi bżonn. Grazzi.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Louis Spiteri