Sinjura Presidenta,
Membri
tal-Gvern tar-Repubblika u tal-Korp Diplomatiku,
Rappreżentanti
tas-soċjetà ċivili,
Awtoritajiet Distinti,
S
injuri,

Hu ta’ ferħ għalija li nerġa’ ninsab fuq art latino-amerikana biex nibda ż-żjara f’din l-art għażiża taċ-Ċili, li laqgħetni u ffurmatni fi żmien żgħożiti; nixtieq li dal-ħin magħkom ikun ukoll ħin ta’ gratitudni għal tant ġid li rċevejt.  Qed terġa’ tiġini f’moħħi l-istrofa li smajt ftit ħin ilu, tal-innu nazzjonali tagħkom: “Pur, o Ċili, hu s-sema kaħlani tiegħek / u żiffiet helwin jgħaddu minn fuqek / u l-kampanja tiegħek irrakkmata bil-fjuri / hi kopja hienja tal-Għeden: veru kant ta’ tifħir għall-art li tgħixu fiha, miżgħuda b’wegħdiet u sfidi, imma fuq kollox, mgħobbija bil-futur.  F’ċertu sens hu dak li qalet is-Sinjura Presidenta.

Grazzi, Sinjura Presidenta, għall-kliem ta’ merħba li ndirizzajtli.  Fil-persuna tiegħek nixtieq insellem u nħaddan lill-poplu Ċilen, mit-tarf estrem tat-tramuntana tar-reġjun ta’ Arica u Parinacota sal-arċipelagu tan-nofsinhar «hekk kif jinfetah f’peniżoli u kanali» (1).  Id-diversità u r-rikkezza ġjografika tagħkom ittina ċans naraw l-għana tal-polifonija kulturali karatteristika tagħkom.

Nirringrazzja lill-membri tal-Gvern tal-preżenza tagħhom, lill-Presidenti tas-Senat, tal-Kamra tar-Rappreżentanti u tal-Qorti Superjuri, kif ukoll lill-Awtoritajiet l-oħra tal-Istat u l-kollaboraturi tagħhom.  Insellem lill-President-elett li jinsab hawn, is-Sur Sebastián Piñera Echenique, li rċieva l-mandat mingħand il-poplu Ċilen ftit żmien ilu biex imexxi d-destin tal-pajjiż fl-erba’ snin li ġejjin.

Matul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin, iċ-Ċili iddistingwa ruħu minħabba l-iżvilupp ta’ demokrazija li permezz tagħha kiseb progress importanti ħafna.  L-elezzjonijiet politiċi li saru ftit ilu kienu turija tal-livell ta’ solidità u maturità ċivika milħuqa, u dan għandu tifsir partikolari propju din is-sena li fiha qed ikunu ċċelebrati l-200 sena mid-dikjarazzjoni tal-indipendenza.  Waqt partikolarment importanti, għax kien immarka d-destin tagħkom bħala poplu, imsejjes fuq il-libertà u d-dritt, li kien imsejjaħ ukoll biex jaffronta perjodi ta’ taqlib u rnexxielu – mhux mingħajr tbatija – jegħlibhom.  B’dal-mod intom irnexxilkom tikkonsolidaw u ssaħħu l-ħolma tal-missirijiet fundaturi tagħkom..

F’das-sens infakkar il-kliem emblematiku tal-Kardinal Silva Henríquez meta waqt Te Deum kien afferma: »Aħna - ilkoll kemm aħna – bennejja tal-isbaħ opra: il-patrija.  Il-patrija tal-art li tixbah u tħejji għall-patrija mingħajr fruntieri.  Dil-patrija ma bdietx illum, bina; madankollu ma tistax tikber u tagħti frott mingħajrna.  Għalhekk nilqugħha bir-rispett, bil-gratitudni, bħala biċċa xogħol mibdija snin ilu, bħala wirt li jtina sens ta’ kburija imma li fl-istess waqt jimpenjana» (2).

Kull ġenerazzjoni trid tagħmel tagħha t-taqbid u l-kisbiet tal-ġenerazzjonijiet ta’ qabilha u tmexxihom lejn għanijiet aktar għolja.  Hija l-mixja.  Il-ġid, kif ukoll l-imħabba, il-ġustizzja u s-solidarjetà, mhumiex ħaġa li tintlaħaq darba għal dejjem; iridu jibqgħu jinkisbu kuljum.  Mhux possibbli li nserrħu rasna b’dak li diġà ksibna fl-imgħoddi u nieqfu ngawduh b’tali mod li sitwazzjoni bħal din twassalna biex ma ngħarfux li ħafna minn ħutna għadhom isofru minn sitwazzjonijiet ta’ inġustizzja li lilna lkoll jinterpellawna.

Għaldaqstant intom għandkom sfida kbira u appassjonanti quddiemkom: li tkomplu taħdmu biex id-demokrazija, il-ħolma ta’ missirijietkom, lil hinn mill-aspetti formali, tkun verament imkien ta’ laqgħa għal kulħadd.  Jalla tkun imkien fejn kulħadd, mingħajr eċċezzjoni, iħossu msejjaħ biex jibni d-dar, il-familja u n-nazzjon.  Post, dar, familja, imsejħa Ċili: ġeneruż, akkoljenti. Li jħobb l-istorja tiegħu, li jaħdem għall-konvivenza tal-preżent u ħares lejn il-futur bit-tama.  Hawnhekk jagħmlilna tajjeb niftakru fi kliem San Alberto Hurtado: «Aktar milli lejn il-fruntieri tiegħu, aktar milli lejn artu, il-ktajjen tal-muntanji tiegħu, l-ibħra tiegħu, aktar mill-lingwa tiegħu jew it-radizzjonijeit tiegħu, in-nazzjon hu missjoni li trid titwettaq» (3).  Huwa l-futur.  U dak il-futur, fil-biċċa l-kbira tiegħu jistrieħ fuq il-ħila tas-smigħ li għandu l-poplu u l-awtoritajiet tiegħu.

Din il-ħila li tisma’ tikseb valur kbir f’dan-Nazzjon, fejn il-pluralità etnika, kulturali u storika titlob li tkun imħarsa minn kull attentat ta’ parzjalità jew supremazija u li fin-nofs hemm il-ħila li jintesew id-dogmi li jeskludu, favur ftuh lejn il-ġid komuni (li jekk ma jkollux karattru komunitarju qatt ma jista’ jkun ġid).  Is-smigħ huwa indispensabbli: isimgħu lin-nies bla xogħol, li ma jistgħux ikampaw fil-preżent u anqas u anqas jagħtu futur lill-familji tagħhom; isimgħu lill-popli indiġeni, spiss minsijin, li għandha tingħata attenzjoni għad-drittijiet tagħhom u li l-kultura tagħhom tkun imħarsa, inkella tintilef parti mill-identità u r-rikkezza ta’ dan in-nazzjon.  Isimgħu lill-migranti li jħabbtu fuq bibien dal-pajjiż biex ifittxu ħajja aħjar, u, min-naħa tagħhom, bil-forza u t-tama li jibnu futur aħjar għal kulħadd.  Isimgħu liż-żgħażagħ, xewqana li jkollhom opportunitajiet akbar, speċjalment fuq il-livell edukattiv, biex b’hekk iħossu li huma protagonisti taċ-Ċili li joħolmu bih, billi nħarsuhom mill-flaġell tad-droga li tisirqilhom l-aħjar ta’ ħajjithom.  Isimgħu lill-anzjani, bl-għaqal tagħhom tant meħtieġ u bil-piż tad-dgħufija tagħhom.  Ma nistgħux nabbandunawhom.  Isimgħu lit-tfal, li qed jidhru fid-dinja b’għajnejhom mimlijin stagħġib u innoċenza huma u jistennew mingħandna tweġibiet reali għall-futur ta’ dinjità.  U hawnhekk ma nistax ma nesprimix in-niket tiegħi u l-mistħija, mistħija li nħossha quddiem il-ħsara irreparabbli li ssir fuq it-tfal minn ministri tal-Knisja.  Nixtieq ningħaqad ma’ ħuti fl-episkopat, għax hu ġust nitolbu maħfra u nappoġġjaw bil-qawwa kollha lill-vittmi, filwaqt li għandna nimpenjaw ruħna biex dan ma jerġax jiġri.

B’dil-ħila li nisimgħu aħna mistednin – illum b’mod speċjali – biex nagħu attenzjoni preferenzjali lid-dar komuni tagħna.  Nisimgħu lid-dar komuni tagħna: inkabbru kultura li tagħraf tieħu ħsieb l-art u għal dan il-għan ma nikkuntentawx biss li nagħtu tweġibiet speċifiċi quddiem il-problemi ekoloġiċi u ambjentali gravi li għandna quddiemna; għal dan il-għan huwa mitlub minna li jkollna l-kuraġġ noffru «mod differenti kif inħarsu lejn l-affarijiet, ħsieb, politika, programm edukattiv, stil ta’ ħajja u spiritwalità li flimkien joffru reżistenza quddiem l-avvanz tal-mudell teknokratiku» (4) li jagħżel favur l-indħil tas-setgħa ekonomika fil-konfront tal-ekosistemi naturali, u bħala konsegwenza, tal-ġid komuni tal-popli tagħna.  L-għaqal tal-popli indiġeni jista’ joffri kontribut kbir.  Mingħandhom nistgħu nitgħallmu li mhemmx żvilupp veru f'poplu li jagħti dahru lill-art u lil dak kollu u dawk kollha li jinsabu madwarha.  Fl-għeruq tiegħu ċ-Ċili għandu għaqal bil-ħila li jgħin illi jmur ‘l hinn mill-kunċett esklussivament konsumistiku tal-ħajja biex jikseb atteġġjament sapjenzjali quddiem il-futur.

Ir-ruħ tal-karattru Ċilen –il-Presidenta qalet li hi xettika – ir-ruħ tal-karattru Ċilen hija vokazzjoni biex “ikun”, dik ir-rieda stinata li jeżisiti (5).  Vokazzjoni li għaliha hu msejjaħ kulħadd, u li fil-konfont tagħha ħadd m’għandu jħossu eskluż jew żejjed.  Vokazzjoni li titlob għażla radikali favur il-ħajja, speċjalment fl-għamliet kollha li fihom tinsab mhedda.

Grazzi mill-ġdid tal-istedina li minħabba fiha stajt niġi niltaqa’ magħkom, mar-ruħ ta’ dal-poplu; u nitlob biex il-Verġni tal-Karmelu, Omm u Reġina taċ-Ċili, tkompli takkumpanja u tkattar il-ħolm ta’ dan-nazzjon imbierek.  Grazzi!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber


[1] Gabriela Mistral, Elogios de la tierra de Chile.

[2] Omelia fit-Te Deum Ekumeniku (4 ta’ Novembru, 1970).

[3] Te Deum (Settembru 1948).

[4] Lett. enc. Laudato si’, 111.

[5] Cfr Gabriela Mistral, Breve descripción de Chile, in Anales de la Universidad de Chile (14), 1934.