Għeżież ħuti!

Irroddilkom ħajr għal-laqgħa li tajtuni u nsellmilkom minn qiegħ qalbi, ibda mill-Isqof tagħkom Monsinjur Douglas Regattieri.  Il-preżenza tiegħi fostkom illum hi qabel kollox espressjoni ta’ qrubija lejn l-impenn ta’ evanġeliżżazzjoni tagħkom.  Din hi l-missjoni prinċipali tad-dixxipli ta’ Kristu: it-tħabbir u x-xhieda ferrieħa tal-Evanġelju.

L-evanġeliżżazzjoni hija aktar effikaċi meta kulħadd ikun fehema waħda u jkun hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn ir-realtajiet ekkleżjali differenti u bejn id-diversi temi pastorali, li fl-Isqof isibu l-punt ta’ riferiment u koeżjoni l-aktar żgur.  Korresponsabbiltà: dil-kelma hi l-muftiħ kemm biex il-ħidma komuni tibqa’ miexja ‘l quddiem fil-qasam tal-katekeżi, tal-edukazzjoni Kattolika, tal-promozzjoni umana u tal-karità, kif ukoll biex bil-kuraġġ infittxu għamliet ġodda ta’ koperazzjoni u preżenza ekkleżjali fit-territorju, quddiem l-isfidi pastorali u soċjali.  Diġà hu xhieda effikaċi tal-fidi l-fatt fih innifsu li tara Knisja li qed tagħmel ħilitha kollha biex timxi bil-fraternità u bl-għaqda.  Meta dawn huma nieqsin, l-affarijiet l-oħra ma jiswew xejn.  Meta l-imħabba ta’ Kristu titqiegħed fuq kollox, anki fuq l-esiġenzi partikolari leġittimi, allura jibda’ jkollna ħila noħorġu minna nfusna, niddeċentraw fuq livell kemm personali kif ukoll tal-grupp, u, dejjem fi Kristu, immorru nitlaqgħu ma’ ħutna.

Il-pjagi ta’ Ġesù għadhom jidhru f’tant irġiel u nisa li jgħejxu fil-ġenb tas-soċjetà, tfal ukoll: immarkati bit-tbatija, bl-iskumdità, l-abbunadun u l-faqar.  Persuni miġurgħa mill-provi iebsin tal-ħajja, li jisfaw umiljati, li jinsabu fil-ħabs jew fl-isptar.  Meta nersqu qrib u nikkuraw dawn il-pjagi bit-tenerezza, pjagi li spiss mhumiex biss tal-ġisem imma spiritwali wkoll, jiswielna biex nissaffew aħna wkoll u nkunu trasformati mill-ħniena ta’ Alla.  U flimkien, rgħajja u fidili lajċi, iħossu l-grazzja  li jkunu umli u li, bil-ġenerożità, jwasslu d-dawl u l-qawwa tal-Evanġelju.  Dwar dan, bi pajċir niftakar f’dan l-ewwel dmir tad-djakonija mal-foqra, bl-eżempju ta’ San Vinċenz de Paoli, li fi Franza 400 sena ilu, beda “rivoluzzjoni vera” tal-karità. Illum ukoll aħna msejħin biex b’ħeġġa appostolika ngħumu fil-baħar miftuh tal-faqar ta’ żmienna, iżda bl-għarfien li waħedna ma nistgħu nagħmlu xejn.  «Jekk il-Mulej ma jibnix id-dar, għalxejn jitħabtu l-bennejja» (Salm 127, 1).

Għaldaqstant hu meħtieġ li nħallu biżżejjed spazju għat-talb u l-meditazzjoni tal-Kelma t’Alla: it-talb hu l-qawwa tal-missjoni tagħna – kif m’ilux wisq żmien urietna wkoll Santa Tereża ta’ Kalkutta.  Il-laqgħa kostanti mal-Mulej fit-talb hija indispensabbli kemm għas-saċerdoti u l-persuni konsagrati, kif ukoll għall-operaturi pastorali, li għandhom is-sejħa biex joħorġu “mill-ġnejna” tagħhom u jmorru lejn il-periferiji eżistenzjali.  Filwaqt li l-ħeġġa appostolika timbuttana biex noħorġu – imma dejjem noħorġu ma’ Ġesù – inħossu fina l-ħtieġa profonda li nibqgħu magħqudin sfiq maċ-ċentru tal-fidi u l-missjoni: il-qalb ta’ Kristu, mimli ħniena u mħabba.  Fil-laqgħa miegħu, aħna nitniġġsu minn ħarstu, dik il-ħarsa mimlija kompassjoni li Hu kien jagħti lill-persuni li kien jiltaqa’ magħhom fit-toroq tal-Galileja.   Ifisser lil niksbu mill-ġdid il-ħila li “nħarsu”, il-ħila li naraw!  Bis-saħħa tal-mezzi tal-komunikazzjoni llum nistgħu naraw tant uċuħ. Iżda hemm ir-riskju li nħarsu dejjem anqas direttament f’għajnejn l-oħrajn.  Huwa meta aħna nħarsu bir-rispett u l-imħabba lejn il-persuni li aħna wkoll niksbu l-ħila li nagħmlu r-rivoluzzjoni tat-tenerezza.   U jien nistedinkom biex tagħmluha, biex tagħmlu dir-rivoluzzjoni tat-tenerezza.

Fost dawk li l-aktar għandhom bżonn iħossu din l-imħabba ta’ Ġesù, hemm iż-żgħażagħ.  Bil-grazzja ta’ Alla, iż-żgħażagħ huma parti ħajja tal-knisja – l-Assemblea tas-Sinodu tal-isqfijiet li jmiss, tmiss lilhom direttament – u jistgħu jwasslu lil ta’ mparhom ix-xhieda tagħhom: żgħażagħ appostli taż-żgħażagħ, kif kiteb il-Beatu Pawlu VI fl-Eżortazzjoni Appostolika  Evangelii nuntiandi (cfr n. 72).  Il-Knisja torbot ħafna fuqhom u tagħraf ir-riżorsi kbar li huma għandhom, l-attitudni tagħhom biex jagħmlu dak li hu tajjeb, sabiħ, il-libertà awtentika tagħhom u l-ħerqa tagħhom għall-ġustizzja.  Għandhom bżonn ikunu megħjuna biex jiskopru d-doni li tahom il-Mulej quddiem l-isfidi l-kbar tal-lum.  Għaldaqstant inħeġġiġkom biex tiltaqgħu magħhom, tisimgħuhom, timxu magħhom ħalli jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ Kristu u mal-messaġġ ħellies ta’ mħabbtu.  Fl-Evanġelju u fix-xhieda koerenti tal-Knisja, iż-żgħażagħ jistgħu jsibu l-perspettiva tal-ħajja li tgħinhom jegħlbu l-kundizzjonament tal-kultura suġġettivistika li teżalta l-“jiena” sakemm tagħmlu idolu – dawk in-nies isimhom imissu jkun “jien, għalija, miegħi, għalija u dejjem miegħi” – u minflok, tiddisponiehom għal proposti u proġetti ta’ solidarjetà.  U biex inċaqalqu liż-żgħażagħ hemm bżonn li nġeddu d-djalogu bejn iż-żgħażagħ u l-anzjani, iż-żgħażagħ u n-nanniet.  Nifhmu li n-nanniet huma pensjonanti, imma l-vokazzjoni tagħhom ma tasalx għall-pensjoni, u huma għandhom jagħtu lillna lkoll, speċjalment liż-żgħażagħ, l-għerf tal-ħajja.  Għandna nitgħallmu kif iż-żgħażagħ jagħrfu kif jitkellmu mal-anzjani u jmorru jfittxuhom.  Il-Profeta Ġoel għandu sentenza sabiħa fit-tielet kapitlu vers 1: “Ix-xjuħ tagħkom ikollhom ħolm, iż-żgħażagħ tagħkom jaraw viżjonijiet”.  Din hi r-riċetta rivoluzzjonarja tal-lum.  Jalla x-xjuħ ma jiddakkrux minn dak l-atteġġjament li jgħid: “Imma dan għaddha żmienu, kollox imsaddad...” le, oħlom!  Oħlom!  U l-ħolma tax-xiħ timbotta liż-żgħażugħ biex jimxi ‘l quddiem, jimtela bl-entużjażmu, ikun profeta.  Imma jkun propju ż-żgħażugħ li jħallem lil-anzjan u mbagħad dal-ħolm isarrfu.  Nirrikmandalkom, intom, fil-komunitajiet tagħkom, fil-parroċċi tagħkom, fil-gruppi tagħkom, araw li jkun hemm dan id-djalogu.  Dan id-djalogu għad jagħmel il-mirakli.

Knisja li tkun attenta għaż-żgħażagħ hi Knisja ta’ familja ta’ familji.  Ninkuraġġixxi l-ħidma tagħkom mal-familji u għall-familja, li intom impenjati biha matul dis-sena pastorali bir-riflessjoni li qed tagħmlu dwar edukazzjoni għall-affettività u għall-imħabba.  U ndur lura dwar l-argument fuq ix-xjuħ għax huwa għal qalbi ħafna.  Żagħażugħ li ma tgħallimx, li ma jafx iħaddan anzjan, għandu xi ħaġa nieqsa.  U anzjan li m’għandux paċenzja jisma’ liż-żgħażagħ, għandu xi ħaġa nieqsa.  It-tnejn għandhom jgħinu lil xulxin biex jimxu ‘l quddiem flimkien.  L-edukazzjonni għall-affettività u għall-imħabba.  Hi ħidma li l-Mulej qed jitlobna nagħmlu f’daż-żmien, b’mod partikolari, żmien diffiċli kemm għall-familja li hi ċ-ċellula bażika tas-soċjetà, kif ukoll għall-familji konkreti li jġorru biċċa kbira mill-piż tal-kriżi soċjo/ekonomika, mingħajr ma jingħataw lura ebda għajnuna.  Imma propju meta s-sitwazzjoni tkun diffiċli, Alla jara li aħna nħossu l-qrubija tiegħu, inħossu l-grazzja tiegħu, il-qawwa profetika ta’ kelmtu.  U aħna msejħin biex inkunu xhieda, medjaturi ta’ dil-qrubija lejn il-familji, u ta’ dil-forza profetika għall-familja.  U hawn se nieqaf fuq xi ħaġ’oħra.  Meta nkun inqarar u raġel żgħażugħ, mara żagħugħa jiġu jgħiduli li jħossuhom għajjenin, li qed jitilfu l-paċenzja anki ma’ wliedhom għax għandhom wisq x’jagħmlu, l-ewwel mistoqsija li nagħmilhom jien tkun: “Kemm għandek tfal?”, u jweġbuni, tnejn, tlieta...  Imbagħad nagħmlilhom mistoqsija oħra: “Inti tilgħab ma’ wliedek?” U bosta drabi smajt ġenituri, speċjalment il-missirijiet: “Padre, meta jien noħroġ mid-dar, huma jkunu għadhom reqdin, u meta nasal lura jkunu diġà fis-sodda”.  Dis-sitwazzjoni soċjo/ekonomika qed toħnoq ir-relazzjoni sabiħa ta’ bejn il-ġenituri u t-tfal.  Jeħtieġ naħdmu biex dan ma jsirx, biex il-ġenituri jkunu jistgħu jitilfu ż-żmien jilgħabu ma’ wliedhom.  Dan huwa importanti!

Għeżież saċerdoti... intom m’għandkomx tfal.... iva, hemm wieħed hemmhekk, Greco/Kattoliku li għandu; imma intom m’għandkomx, u jingħad li meta Alla ma jagħtix ulied, ix-xitan jagħti n-neputijiet!  Għeżież saċerdoti, f’idejkom, b’mod speċjali, għandkom afdat il-ministeru tal-laqgħa ma’ Kristu; u dan jitlob minnkom li tiltaqgħu miegħu kuljum, intom tgħejxu fiH.  Nawguralkom li f’kull stadju tal-mixja tagħkom personali u ministerjali, tiskopru bla taqtgħu l-ferħ li intom patrijiet/qassisin.  Titilfuhx dal-ferħ!  Titilfuhx!  Forsi jkun ta’ għajnuna għalikom jekk taqraw l-aħħar erba’ paragrafi tal-Evangelii Nuntiandi tal-Beatu Pawlu VI: jitkellmu dwar dan.  Il-ferħ.  Titilfux il-ferħ.  Bosta drabi n-nies isibu quddiemhom saċerdoti mdejqin, bil-geddum, b’wiċċ imqarras daqs il-ħall, u jien kultant itini li naħseb: imma int x’ħadt għall-kolazzjon ta’ filgħodu?  Kafè bil-ħalib hew ħall?  Le.  Il-ferħ, il-ferħ!  U jekk inti issib ‘il-Mulej, tkun ferħan.  Il-ferħ li aħna saċerdoti, li aħna msejħin mill-Mulej biex nimxu warajh biex inwasslu l-kelma tiegħu, il-maħfra tiegħu, il-grazzja tiegħu.  Il-ferħ li ntemmu l-ġurnata għajjenin: dan hu sabiħ!  U mhemmx bżonn ta’ pilloli biex torqod.  Tkun għajjien, tmur fis-sodda u torqod.  Hi sejħa li qatt ma theda tħallina mistgħaġbin, is-sejħa tal-Mulej.  Din tiġġedded fina kuljum fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija u -laqgħa mal-poplu t’Alla li aħna mistednin għaliha.  Jalla l-Mulej jgħinkom taħdmu bil-ferħ l-għalqa tad-dwieli tiegħu bħala ħaddiema akkoljenti, paċenzjużi u, fuq kollox, ta’ ħniena.  Kif kien Ġesù.  U jalla intom “tinfettaw” bi spirtu missjunarju lill-persuni u lill-komunitajiet.

Għeżież ħuti tad-djoċesi ta’ Cesena-Sarsina, taqtgħux qalbkom quddiem id-diffikultajiet.  Żommu iebes fix-xhieda li tagħtu tal-Evanġelju billi timxu flimkien: saċerdoti, persuni konsagrati, djakni u fidili lajċi.  Kultant se jinqala’ n-nuqqas ta’ ftehim, imma meta jkun hemm in-nuqqas ta’ ftehim tkellmu dwaru, kellmu lill-kappillan biex jgħinkom.  Imma qatt it-tqassis!  Is-seksik ikisser il-komunità: komunità reliġjuża, komunità parrokkjali, komunità djoċesana, komunità presbiterali.  It-tqassis hu att “terroristiku”.  Iva, li tqassas, is-seksik hu terroriżmu, għax int tmur, titfa’ kelma – li hi bomba – tkisser lill-ieħor, u titlaq ‘l hemm kuntent.  Dan hu s-seksik.  Asbu ftit dwar dan.  X’jgħid Ġesù? “Jekk għandek xi ħaġa kontra ħuk, mur u għidlu f’wiċċu” (cfr iMt 18.15).  Kun kuraġġuż, kun kuraġġuża.  U jekk m’għandekx il-kuraġġ li titkellem, igdem ilsienek.  U hekk kollox ikun sew.  Fil-mixja tagħkom ħossu dejjem li intom sostnuti u akkumpanjati mill-wegħda tal-Mulej, jiġifieri, il-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.  Nirringrazzjakom minn qalbi għal dil-laqgħa u nafda kull wieħed u waħda minnkom, u l-komunitajiet tagħkom, il-proġetti u t-tamiet, f’idejn il-Verġni Mqaddsa, li intom issejħulha bl-isem sabiħ ta’: “Madonna tal-poplu” – mhux populista!, hija omm il-poplu, hi brava ħafna.  Inberikkom minn qalbi u nitlobkom, jekk jogħġobkom, biex titolbu għalija.  Issa se ntikom il-barka.

 [Barka]


Tislima quddiem il-Katidral

Nawguralkom il-Ħadd it-tajjeb!  Insellem lill-kor: ikantaw tajjeb ħafna; kif ukoll il-kor li kien hemm ġol-katidral.  Insellmilkom it-tnejn.  Grazzi ħafna.

U hawnhekk hawn iż-żgħażagħ: it-tfal u ż-żgħażagħ jgħollu jdejhom!  X’għandhom jagħmlu ż-żgħażagħ?  Smajtu x’għidt fid-diskors li għamilt (fil-katidral)?  X’għandhom jagħmlu?  Jitkellmu ma’?...... (Iwieġbu: “Jitkellmu mal-anzjani”).  Jitkellmu mal-anzjani.  Jisimgħu, jitkellmu mal-anzjani.  B’hekk issiru rivoluzzjonarji.

Ciao! Grazzi u l-Mulej iberikkom!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber