Għeżież ħbieb,

Nagħti merħba lilkom ilkoll li nġbartu hawnhekk għall-Konferenza Internazzjonali Annwali tal-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice. F’dan il-25 anniversarju tat-twaqqif tal-kostituzzjoni tal-Fondazzjoni minn San Ġwanni Pawlu II, nixtieq b’mod partikulari nesprimi l-gratitudni tiegħi għall-ħidma tagħkom biex l-għerf tad-Duttrina Soċjali tal-Knisja jinxtered fost dawk involuti fid-dinja tal-business u fis-setturi ekonomiċi tas-soċjetà ċivili. Wara kwart ta’ seklu, din il-ħidma hi meħtieġa aktar minn qatt qabel għax l-isfidi soċjali u finanzjarji li l-komunità internazzjonali qed ikollha tħabbat wiċċha magħhom qed isiru dejjem aktar kumplessi u relatati bejniethom.

Id-diffikultajiet u l-kriżijiet attwali fis-sistema ekonomika għandhom dimensjoni etika li ħadd ma jista’ jiċħadha: għandhom rabta ma’ mentalità egoistika  u  ta’ esklużjoni li nisslet kultura tal-iskart, li hi għamja fejn jidħol ir-rispett lejn id-dinjità umana ta’ dawk l-aktar vulnerabbli. Dan narawh fil-“globalizzazzjoni tal-indifferenza” quddiem l-isfidi morali li l-familja tal-bnedmin  qed ikollha tiffaċċa, xi ħaġa li qiegħda dejjem tikber. Jiġi f’moħħi b’mod speċjali l-ħafna tfixkil  kontra l-iżvilupp uman sħiħ ta’ bosta minn ħutna l-bnedmin, mhux biss fil-pajjiżi fejn hemm il-faqar materjali, iżda li qed jiżdied ukoll fejn hemm il-ġid tad-dinja żviluppata. Jiġu f’moħħi wkoll il-kwistjonijiet urġenti etiċi marbuta maċ-ċaqliq globali migratorju.

Il-Fondazzjoni tagħkom għandha rwol importanti xi twettaq għax trid twassal id-dawl tal-messaġġ tal-Evanġelju f’dawn is-sitwazzjonijiet fejn hemm ħtieġa umanitarja kbira u trid tgħin lill-Knisja twettaq dan l-aspett essenzjali fil-missjoni tagħha. Bl-impenn kontinwu tagħkom mal-mexxejja fl-oqsma tal-ekonomija u l-finanzi, kif ukoll mad-diriġenti tat-trade unions u oħrajn f’setturi pubbliċi, intom tagħmlu ħilitkom biex id-dimensjoni soċjali intrinsika  ta’ kull attività ekonomika tkun imħarsa tajjeb u titmexxa b’mod effettiv.

Spiss insibu li żviluppat dikotomija traġika u falza – li għandha xebh mal-firda artifiċjali bejn xjenza u fidi – bejn id-duttrina etika tat-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna u l-interessi prattiċi tal-komunità tal-business illum. Iżda hemm ċirkularità naturali bejn il-profitt u r-responsabbiltà soċjali. Fil-fatt hemm  “konnessjoni li ma tinħallx (...) bejn l-etika li tirrispetta l-persuni u l-ġid komuni u l-funzjonalità ta’ kull sistema ekonomika u finanzjarja” (Oeconomicae et pecuniariae quaestiones, 17 ta’ Mejju 2018, 23). F’kelma waħda, id-dimensjoni etika tar-rabtiet soċjali u ekonomiċi ma tistax tidħol fil-ħajja u l-attività soċjali  minn barra, imma trid toħroġ minn ġewwa. Naturalment, dan hu objettiv li jieħu fit-tul  u  jitlob impenn minn kull persuna u kull istituzzjoni fi ħdan is-soċjetà.

Is-suġġett magħżul għall-Konferenza tagħkom  ta’ din is-sena hu “Politika ġdida u stili ġodda  ta’ ħajja fl-era digitali”. Waħda mill-isfidi marbuta ma’ dan is-suġġett hi t-theddida li l-familji qed ikollhom jiffaċċaw kawża tal-inċertezzi  fl-opportunitajiet tax-xogħol u l-impatt tar-rivoluzzjoni tal-kultura diġitali. Kif ħareġ mill-ħidma ta’ tħejjija għas-Sinodu dwar iż-żgħażagħ li ser isir din is-sena, dan hu qasam deċiżiv li fih is-solidarjetà  tal-Knisja hi tassew meħtieġa. Il-kontribut tagħkom hu espressjoni privileġġata tal-attenzjoni tal-Knisja għall-ġejjieni taż-żgħażagħ u tal-familji. Barra minn hekk, din hi attività li fiha l-kollaborazzjoni ekumenika għandha importanza speċjali u l-preżenza tal-Patrijarka Bartolomeo ta’ Kostantinopli fil-Konferenza tagħkom hi sinjal elokwenti ta’ din ir-responsabbiltà komuni.

Għeżież ħbieb, filwaqt li taqsmu dak li tafu u li tgħixu fil-ħajja tagħkom u tittrażmettu d-Duttrina soċjali tal-Knisja, intom tfittxu li tiffurmaw il-kuxjenzi tal-mexxejja fl-oqsma politiċi, soċjali u ekonomiċi. Inħeġġiġkom tkomplu b’dan l-impenn li jikkontribwixxi biex tinbena kultura globali ta’ ġustizzja ekonomika, ta’ ugwaljanza u ta’ inklużjoni. Filwaqt li nħossni grat u napprezza dak kollu li ġa wettaqtu, nitlob u nafda  l-impenn futur tagħkom f’idejn il-providenza t’Alla. Minn qalbi nitlob abbundanza ta’ barkiet tal-Mulej fuqkom, fuq il-kollegi tagħkom u fuq il-familji tagħhom.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard.