Immiraw fl-għoli, afdaw f'Ġesù, miegħu kollox jinbidel: l-istedina li għamel il-Papa liż-żgħażagħ ta' Sardinja

 

L-aħħar laqgħa ta' festa li kellu l-Papa Franġisku waqt iż-żjara pastorali li għamel f'Cagliari kienet miż-żgħażagħ fi Pjazza Carlo Felice.  Franġisku intlaqa' b'entużjżamu kbir u beda biex qalilhom li meta jħares lejhom jiġih f'moħħu l-Jum Dinji ta' Rio de Janeiro.

“Forsi xi wħud minnkom kienu hemm, imma żgur li ħafna segwew l-avveniment bit-televixin jew l-internet.

Dik kienet esperjenza sabiħa ħafna, festa ta' fidi u ta' fraternità, li timlik bil-ferħ.  L-istess ferħ li qed inħossu llum.  Inroddu ħajr lill-Mulej u lill-Verġni Marija, Sidtna ta' Bonaria; kienet hi li laqqgħetna hawn.  Itolbuha spiss, hija omm tajba, niżgurakom!”.

Il-Papa beda r-riflessjoni b'riferiment għall-Vanġelu tal-ġurnata, li kienet saret meditazzjoni dwaru miż-żgħażagħ u li jirrakkonta l-prodiġju li seħħ fuq ix-xtajta tal-Għadira tal-Galilea fejn kienu jgħixu u jaħdmu Xmun (li wara, Kristu tah l-isem ta' Pietru) u ħuh Indrì, flimkien ma' Ġakbu u Ġwanni, anki dawn aħwa, li lkoll kienu sajjieda.

Franġisku qal li Ġesù x'ħin ra lil dawk is-sajjieda ħdejn id-dgħajjes tagħhom mehdijin inaddfu x-xbieki, kien imdawwar mill-folla li riedet tisma' kelmtu.  Jitla' fuq id-dagħjsa ta' Xmun u jitolbu jaqdef ftit 'il barra mix-xatt.  Hekk, bilqegħda fuq id-dagħjsa kellem lill-folla.  Ġesù minn fuq idagħajsa jitkellem mal-folla.  Meta jispiċċa, jgħid lil Xmun biex jitbiegħed aktar mix-xatt u jkala x-xbiek.  Din hi prova għal-Xmun: isimgħuni tajjeb – prova, għax hu flimkien ma' sħabu kienu għadhom kif daħlu mil-lejl li fih is-sajda marret ħażin.

Xmun hu bniedem prattiku u sinċier u mill-ewwel jgħid lil Ġesù: Mgħallem, tħabatna lejl sħiħ u ma qbadna xejn.

Dan hu l-ewwel punt, afferma Franġisku: l-esperjenza tal-falliment.  Fil-mistoqsijiet tagħkom, kien hemm din l-esperjenza: is-Sagrament tal-Ġriżma – kif insejħulu dan is-Sagrament?  Il-Griżma? ....Le!... inbidel l-isem!...... Sagrament tal-addio, eh?  Jagħmlu dan is-Sagrament u jgħibu mill-Knisja, minnu jew mhux minnu?  Dik hi esperjenza ta' falliment. L-esperjenza ta' falliment l-oħra hi ż-żgħażagħ li huma neqsin mill-parroċċa: tkellimtu dwar dan intom.  Din l-esperjenza ta' falliment, xi ħaġa li sejra ħażin, delużjoni.... Tul iż-żgħożija aħna nkunu nħarsu dejjem 'il quddiem imma xi drabi jkollna l-falliment, frustrazzjoni: hija prova u hi importanti!.
Il-Papa mbagħad qal liż-żgħażagħ biex jaħsbu dwar xi esperjenza ta' falliment li huma għaddew minnha.  Ċertament ilkoll kemm aħna għandna minn dawn l-esperjenzi.  Fil-Knisja jkollna dawn l-esperejnzi bosta drabi: is-saċerdoti, il-katekisti, l-animaturi jgħejjew ħafna, jużaw tant enerġija, jagħmlu ħilithom kollha u fl-aħħar isibu li l-impenn kbir tagħhom jissarraf f'riżultat li ma jikkorrispondix mal-isforzi tagħhom.

Dan qaluh anki dawk li tkellmu f'isimkom fl-ewwel żewġ mistoqsijiet.  Huma kienu qed jirreferu għall-komunitajiet fejn il-fidi tidher għajjiena, fejn ftit fidili jieħdu sehem attiv fil-ħajja tal-Knisja, fejn l-Insara xi minn daqqiet jidhru għajjenin u qalbhom sewda u fejn ħafna żgħażagħ, wara li jirċievu l-Griżma, jitilqu: is-Sagrament tat-tislima, tal-addio, kif għedt qabel jiena.

Hija esperejnza ta' falliment, esperejnza li tħallilna vojt fina, taqtgħalna qalbna.  Minnu jew le?  (Iż-żgħażagħ għajtu: Iva).  Minnu jew mhux minnu?  (Mill-ġdid iż-żgħażagħ tennew: Iva).
Quddiem din ir-realtà, kompla l-Papa, għandkom raġun tistaqsu: x'nistgħu nagħmlu?  Żgur li ħaġa li m'għandiex issir hi li nħallu l-pessimiżmu u l-isfiduċja jegħlbuna.  Insara pessimisti: kerha din.  Intom iż-żgħażagħ ma tistgħux tinfatmu mit-tama, ma tistgħux tibqgħu mingħajrha.  It-tama hi mwaħħda magħkom.  Żgħażugħ mingħajr tama mhux żgħażugħ, xjaħ kmieni wisq!  It-tama hi biċċa miż-żgħożgħija tagħkom.  Jekk fikom m'għandkomx tama aħsbu sew fuq dan, aħsbu serjament.
Żgħażugħ mingħajr ferħ u tama hu ta' tħassib: mhux żgħażugħ.  U meta żgħażugħ m'għandux ferħ fih, meta jħossu qalbu maqtugħa mill-ħajja, meta jitlef it-tama, fejn se jsib ftit tas-serħan, ftit paċi?  Mingħajr fiduċja, mingħajr tama, mingħajr ferħ?  Intom tafu li dawn in-negozjanti tal-mewt, dawk li jbiegħu l-mewt, joffrulek triq  għal meta tkunu mdejqin, mingħajr tama, mingħajr fiduċja, mingħajr kuraġġ!  Jekk jogħġobkom tbiegħux żgħożgħitkom lil dawk li jbiegħu l-mewt!  Intom tifhmuni, tafu dwar xiex qed nitkellem!  Ilkoll qed tifhmuni: tinbiegħux!

Il-Papa mbagħad reġa' qabad jitkellem dwar il-Vanġelu:  Pietru, f'dak il-mument jilgħab lilu nnifsu.  X'seta' jagħmel?  Seta' ċeda quddiem l-għejja u l-isfiduċja u jaħseb li jkun aħjar jirtira u jmur lura d-dar.  X'jagħmel minflok?  Bil-kuraġġ joħroġ minnu nnifsu u jagħżel li jafda f'Ġesù.  Jgħid: tajjeb, fuq il-kelma tiegħek jien se nerġa' nkala x-xbiek.

Attenzjoni! Ma jgħidx: bis-saħħa tiegħi, kif qed nikkalkola jien, mill-esperjenza li għandi ta' sajjied espert, imma “Fuq il-kelma tiegħek”, fuq il-kelma ta' Ġesù!  U r-riżultat kien sajda inkredibbli, ix-xbiek imtlew tant li kienu se jinqasmu.

Dan hu t-tieni punt: il-fiduċja f'Ġesù.  Il-fiduċja f'Ġesù.  U meta qed ngħid dan, irrid inkun sinċier u ngħidilkom: jien ma ġejtx hawn biex inbiegħelkom l-illużjoni.  Jien ġejt hawn biex ngħidilkom: hemm Persuna li tista' tmexxikom 'il quddiem: afdaw fiha!  Dan hu Ġesù! Afdaw f'Ġesù!  U Ġesù mhux illużjoni! Afdaw fih!
Il-Mulej dejjem magħkom – kompla l-Papa – jiġi fuq xatt il-baħar ta' ħajjitkom, jersaq qrib il-fallimenti tagħna, qrib il-fraġiltà tagħna, dnubietna, biex jibdilhomlna!  Tieqfu qatt terġgħu tippruvaw bħalma jagħmlu l-isportivi tajbin - uħud minnkom jafu dan mill-esperjenza – li jafu kif jiffaċċjaw it-tbatija tat-taħriġ biex jiksbu r-riżultati!  M'għandkomx tibżgħu mid-diffikultajiet, imma għandkom tagħmlu l-kuraġġ u timxu 'l quddiem.  Ħossu l-kliem ta' Ġesù qiesu qed jgħidu lilkom: Oħorġu 'l-barra u itfgħu x-xbiek, żgħażagħ ta' Sardinja!  Oħorġu 'l-barra!  Kunu dejjem aktar miftuħin għall-kelma tal-Mulej: huwa Bih, huwa b'Kelmtu, bis-sekwela tiegħu li l-impenn tax-xhieda tagħkom jagħti l-frott.

Meta l-isforzi biex terġgħu tqajjmu l-fidi fost sħabkom jidhru inutli, bħalma kienet it-tbatija tas-sajjieda tul il-lejl, ftakru li ma' Ġesù kollox jinbidel.  Il-Kelma tal-Mulej imliet ix-xbiek,  u l-Kelma tal-Mulej tagħmel il-ħidma missjunarja tad-dixxipli, effikaċi.
Is-sekwela ta' Ġesù hija impenjattiva, jfisser li wieħed m'għandux jikkuntenta ruħu b'affarijiet żgħar, b'xi qadfa żgħira għan-niżla, imma li jimmira fl-għoli bil-kuraġġ!  Mhux tajjeb, mhux tajjeb li nieqfu ngħidu “ma qbadna xejn”, imma rridu mmoru 'l hinn u ngħidu lilna nfusna u nirrepetu “oħroġ 'il-barra u itfa' x-xbiek”, mingħajr ma ngħejjew!

Ġesù qed jgħid dan lil kull wieħed u waħda minnkom.  Huwa hu li jagħti l-qawwa!  Hemm it-theddida tat-tgergir, tal-ilment, tar-rassenjazzjoni.  Dawn inħalluhom għal dawk li jimxu wara l-”alla tat-tgergir”!  Eh?  U intom timxu wara l-”alla tat-tgergir”?  Tilmentaw il-ħin kollu qieskom f'xi velja funebri?  Le: iż-żgħażagħ ma jistgħux jagħmlu dan!  L-”alla tat-tgemgim” huwa ingann: iġegħelek taqbad it-triq il-ħażina.  Meta kollox jidher wieqaf u staġnat – kompla l-Papa Franġisku – meta nkunu mtaqqlin bil-problemi personali, meta l-uġigħ soċjali ma jsibx it-tweġibiet meħtieġa, mhux sew li nċedu l-armi.

It-triq hi Ġesù: inrikkbuh fuq id-dagħjsa tagħna u naqdfu 'l barra miegħu!  Hu l-Mulej! Hu jibdel il-perspettiva tal-ħajja.  Il-fidi f'Ġesù twassal għal tama li tmur ' hinn, twassal għal ċertezza li ma tkun mibnija biss fuq il-ħiliet u l-kwaliatjiet tagħna, imma fuq il-Kelma t'Alla, fuq l-istedina li tiġi minnu.  Mingħajr ħafna kalkoli u mingħajr taħbil il-moħħ biex tivverifikaw jekk ir-realtà ta' madwarkom taqbilx maċ-ċertezzi tagħkom.  Oħorġu 'l barra.  Noħorġu minna nfusna, mid-dinja żgħira personali u ninfetħu għal Alla, biex b'hekk ninfetħu wkoll għal ħutna.  Meta ninfetħu għal Alla ninfetħu wkoll għall-oħrajn!  Ninfetħu għal Alla jfisser li ninfetħu għall-proxxmu!

Nagħmlu pass aktar il-bogħod: passi żgħar imma nagħmluhom.  Passi żgħar li joħorġukom minnkom infuskom u jressqukom lejn Alla u lejn l-oħrajn, jiftħulkom qlubkom għall-fraternità, għall-ħbiberija, għas-solidarjetà.

Fl-aħħar il-Papa tkellem dwar it-tielet punt: Itfgħu x-xbieki għas-sajda (vers 4).

Għeżież żgħażagħ ta' Sardinja, it-tielet ħaġa li nixtieq ngħidilkom, u b'hekk inwieġeb għaż-żewġ mistoqsijiet l-oħra hi, li anki intom imsejħin biex issiru sajjieda tal-bnedmin.  Toqgħdux taħsbuha biex  ħajjitkom tgħixuha bħala xhieda ferħanin tal-Evanġelju, speċjalment fost dawk ta' mparkom.

Il-Papa hawnhekk irrakkonta esperjenza personali u qal: ilbieraħ għalaqt 60 sena mill-jum li fih smajt il-leħen ta' Ġesù f'qalbi.  Imma dan, osserva l-Papa bi tbissima waqt li kien qed jirċievi applaws, qed ngħidu mhux biex tagħmluli kejk hawnhekk, le: mhux qed ngħidu għalhekk.  Imma hija tifkira: 60 sena minn dak il-jum.  Ma ninsieh qatt.  Il-Mulej kien gagħalni nħoss bil-qawwa li riedni ngħaddi minn dit-triq.  Kelli 17-il sena.  Għaddew ftit tas-snin qabel ma din id-deċiżjoni, din l-istedina saret definittiva u konkreta.

Wara għaddew snin oħra b'xi suċċessi, bil-ferħ imma wkoll tant snin ta' fallimenti, fraġilità, dnubiet... 60 sena fit-triq tal-Mulej, warajh, ħdejh, dejjem miegħu!  Ngħidilkom dan biss: ma ddispjaċinix!  Ma ddispjaċinix!  Imma għaliex?  Għax jien inħossni bħal Tarzan u għandi l-forza biex nimxi 'l quddiem?  Le.. ma ddispjaċinix għax dejjem, anki fil-waqtiet l-aktar mudlama, fil-mumenti tad-dnub, fil-mumenti tal-fraġiltà, fil-mumenti tal-falliment, ħarist lejn Ġesù u fdajt fih, u hu ma ħallinix waħdi.

Afdaw f'Ġesù: hu dejjem pass qabilna, jimxi magħna!  Imma isimgħu: Hu qatt ma jqarraq.  Hu fidil, kumpanija fidila.  Aħsbu ftit.  Din hi t-testimonjanza tiegħi.  Jien kuntent b'das-60 sena mal-Mulej.  Imma ħaġ'oħra:  imxu 'l quddiem.
Nibqgħu magħqudin bit-talb – eżorta l-Papa – u f'dil-ħajja nimxu ma' Ġesù: hekk għamlu l-qaddisin.  Hekk huma l-qaddisin: ma tweldux perfetti, qaddisin bil-lest!  Saru qaddisin għax, bħal Xmun Pietru afdaw fil-kelma tal-Mulej u qadfu 'l barra.

Artkom tat ħafna xhieda ta' dan, anki riċenti: il-Beati Antonia Messina, Gabriella Sagheddu, Giusppina Nicoli, is-Servi t'Alla Edvige Carboni, Simonetta Tronci u Don Antonio Loi.   Dawn huma bnedmin komuni, li minflok qagħdu jilmentaw, tefgħu x-xbiek għas-sajda.  Imitaw l-eżempju tagħhom, afdaw fl-interċessjoni tagħhom, u kunu dejjem irġiel u nisa ta' tama! Mingħajr tgemgim!  Mingħajr qtigħ il-qalb!  La ddendlux gdiedem, la tixtrux il-faraġ bil-mewt, xejn minn dan!  Imxu 'l quddiema ma' Ġesù!  Hu qatt ma jiżbalja, hu fidil! Itolbu għalija.  Il-Madonna tkun dejjem magħkom.

 

Rapport miġjub għall-Malti minn Joe Huber.