Għeżież ħuti, il-Ħadd it-tajjeb!

Insellem lilkom ilkoll li tagħmlu parti mid-dinja tax-xogħol, fl-espressjonijiet varji tiegħu.  Fost dawn, bi sfortuna, hemm ukoll l-aspett negattiv, jiġifieri s-sitwazzjoni diffiċli, kultant ta’ swied il-qalb, tan-nuqqas ta’ xogħol.  Grazzi tal-laqgħa li qed ittuni!

Intom tirrappreżentaw taqsimiet soċjali differenti, li kultant ikollhom xi jgħidu bejniethom bil-kbir, imma tgħallimtu wkoll li hu biss meta tkunu flimkien li tistgħu toħorġu mill-kriżi u tibnu l-futur.  Hu biss id-djalogu, kull naħa bil-kompetenzi tagħha, li jippermetti li jinstabu soluzzjonijiet effikaċi u innovattivi għal kulħadd, anki dwar il-kwalità tax-xogħol, partikolarment il welfare li hu tant indispensabbli.  Din hi sistema li xi wħud isejħulha “sistema Emilia”.  Fittxu li tibqgħu tmexxuha ‘l quddiem.  Hemm ħtieġa ta’ soluzzjonijiet stabbli bil-ħila li jgħinu u jħarsu lejn il-futur biex iwieġbu għall-ħtiġijiet tal-persuni u tal-familji.

Ilu ħafna żmien li fit-territorju tagħkom żviluppat l-esperjenza tal-koperattiva, li tinbet mill-valur fundamentali tas-solidarjetà.  Din għandha ħafna x’toffri llum ukoll, anki biex tgħin lil bosta li jinsabu f’diffikultà u għandhom bżonn dak “il-lift soċjali” li, skont xi wħud, m’għadu jservi għal xejn.  Qatt m’għandna nħallu l-loġika tal-profitt tiddomina fuq is-solidarjetà, ukoll għax b’hekk inkunu qed inneħħu – nista’ ngħid, nisirqu – mingħand l-aktar dgħajfa li għandhom tant ħtiġijiet.  Mhux ħolma tal-passat li nfittxu li jkollna soċjetà aktar ġusta, imma huwa mpenn, ħidma, li llum teħtieġ il-kollaborazzjoni ta’ kulħadd.

Is-sitwazzjoni tal-qagħad fost iż-żgħażagħ u dik tal-bosta li tilfu x-xogħol u mhux jirnexxilhom jerġu isibu jaħdmu, huma realtajiet li ma nistgħux “nidrawhom” u nittrattawhom qieshom biss statistika.  Din hi t-tentazzjoni.

L-akkoljenza u l-ġlieda kontra l-faqar, fil-biċċa l-kbira tagħhom huma marbutin max-xogħol.  Ma nistgħux noffru għajnuna vera lill-foqra jekk dawn ma jkunux jistgħu jsibu x-xogħol u d-dinjità.  Din hi l-isfida appassjonata, bħalma kien hemm fi żmien ir-rikostruzzjoni ta’ wara l-gwerra, li kienet ħalliet warajha tant faqar.  Il-“Patt tax-xogħol” li ġie ffirmat m’ilux, li ġab flimkien il-partijiet soċjali kollha u lill-Knisja wkoll, hu mpenn komuni  biex kulħadd jgħin lil kulħadd ħalli jinstabu risposti stabbli, mhux tal-karità.  Dan hu metodu importanti li nawgura għad jagħti l-frott soċjali mixtieq.

Id-dimensjoni tal-kriżi ekonomika hi Ewropeja u globali; u, kif nafu, hija wkoll kriżi etika, spiritwali u umana.  Fl-għeruq tagħha hemm it-tradiment tal-ġid komuni, kemm min-naħa tal-persuni singoli kif ukoll min-naħa tal-gruppi tal-poter.  Jeħtieġ għalhekk li l-liġi tal-profitt ma tibqax ċentrali u minflokha titqiegħed il-persuna u l-ġid komuni.  Imma biex din iċ-ċentralità tibqa’ reali, effettiva, u mhux biss mistqarra bil-kliem, hemm bżonn li jitkattru l-opportunitajiet tax-xogħol dinjituż.  Dan hu obbligu tas-soċjetà kollha kemm hi; f’dil-fażi, b’mod partikolari, is-soċjetà kollha, kulħadd skont il-kompetenzi tiegħu, hi msejħa biex tagħmel kull sforz ħalli x-xogħol, li hu fattur primarju tad-dinjità, ikun il-preokkupazzjoni ewlenija.

Hawnhekk ninsabu quddiem (il-knisja) San Petronio, li hu mfakkar bħala Pater et Protector (Missier u Protettur)  u huwa dejjem raffigurat bil-belt fuq il-pala t’idu.  Minn hawn naraw fiżikament tliet aspetti li jiffurmaw beltkom: il-Knisja, il-Comune (Kunsill Lokali) u l-Università.  Meta huma jiddjalogaw u jikkollaboraw bejniethom, jissaħħaħ l-umaneżmu prezzjuż li huma jesprimu, u l-belt – biex ngħidu hekk – “tieħu n-nifs”, ikollha xefaq, u ma tibżax taffronta l-isfidi li ssib quddiemha.  Inħeġġiġkom biex dan l-umaneżmu li hu tagħkom, ittuħ valur biex tifttxu soluzzjonijiet għaqlin u li jħarsu ‘l bogħod għall-problemi ta’ żmienna, imma wkoll biex ikunu opportunitajiet ta’ tkabbir u titjib.  U dan li qed ngħid jgħodd għall-Italja kollha u għall-Ewropa kollha kemm hi wkoll.

Għeżież ħbieb, jien qiegħed qribkom b’mod partikolari, u nħalli f’idejn il-Mulej u l-Madonna ta’ San Luqa, l-ansjetajiet u t-tħassib tagħkom kollu.  Lejha, tant meqjuma min-nies ta’ Bologna, issa nduru bit-talba tal-Angelus.

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber