ŻJARA PASTORALI LI  TAL-PAPA FRANĠISKU F’CESENA

FL-OKKAŻJONI TAT-TIELET ĊENTINARJU MIT-TWELID TAL-PAPA PIJU VI, U F’BOLOGNA, FL-GĦELUQ TAL-KUNGRESS EWKARISTIKU DJOĊESAN.

 L-1 T’OTTUBRU 2017

Matul dan id-diskors, il-Papa wieġeb żewġ mistoqsijiet: waħda minn saċerdot djoċeżan u oħra minn saċerdot reliġjuż.

 

Il-Papa Franġisku beda b’dan il-kliem:

“Il-wara nofsinhar it-tajjeb! Il-lejla t-tajba! Bona sera.

Nirringrazzjakom għall-preżenza tagħkom. Għalija hija konsolazzjoni li nkun fost il-persuni kkonsagrati, fost is-saċerdoti u mad-djakni jiġifieri ma’ dawk li qegħdin imexxu ‘l quddiem - parzjalment, għax flimkien mal-lajċi, iżda bl-iżjed mod qawwi - l-appostolat tal-Knisja. Inħoss konsolazzjoni li nkun fost ir-reliġjużi għax dawn qed jagħmlu ħilithom biex jagħtuna xhieda kontra l-ispirtu tad-dinja. Grazzi ħafna lil kulħadd. Għal-lum għażilt metodu, biex inkun aktar spontanju, li bih intom tagħmlu xi mistoqsijiet, u jien inwieġeb dawn il-mistoqsijiet. Irċevejt ħafna mistoqsijiet iżda għażilt li nwieġeb għal tnejn minnhom biss.”

Il-mistoqsija ta’ Saċerdot Djoċeżan (qassis):

“Santità, jien qiegħed hawn biex nagħmillek waħda minn tant mistoqsijiet li jiġu minn saċerdoti, djakni u rġiel u nisa kkonsagrati (reliġjużi). Ġesù bagħat lill-appostli tiegħu tnejn tnejn qablu f’kull belt u f’kull post fejn kien se jmur (ara Luqa 10, 1). Aħna s-saċerdoti, speċjalment aħna s-saċerdoti djoċeżani (il-qassisin) kif nistgħu nesprimu u nikbru f’din l-esiġenza tal-fraternità fil-ħajja tagħna ta’ presbiteri (jiġifieri ta’ saċerdoti)? Grazzi.”

It-tweġiba tal-Papa Franġisku:

“Il-mistoqsija tiegħek tiċċentra fuq il-fraternità, jiġifieri s-sens ta’ aħwa fil-ħajja tal-presbiteri (jiġifieri tas-saċerdoti). Din il-fraternità tesprimi ruħha meta s-saċerdoti jiltaqgħu u jgħixu flimkien bħala saċerdoti. Xi kultant, meta s-saċerdoti djoċeżani (il-qassisin) ikunu qed jiċċajtaw mas-saċerdoti reliġjużi (il-patrijiet), id-djoċeżani jgħidu lill-oħrajn, “Jien ġej mill-Ordni mwaqqaf minn San Pietru (jiġifieri mill-Ordni veru), waqt li int ġej mill-Ordni mwaqqfa mit-tali qaddis, mit-tali beatu ...” Din iċ-ċajta veru tingħad, le? Imma, filfatt x’inhu ċ-ċentru, x’inhi l-qalba tal-ispiritwalità tal-ħajja tas-saċerdot djoċeżan? Hu/hi d-djoċeżanità. Ma nistgħux niġġudikaw il-ħajja ta’ presbiteru djoċeżan mingħajr ma naraw, mingħajr ma nistaqsu lilna nfusna kif hu qed jgħix id-djoċeżanità tiegħu. Id-djoċeżanità hi esperjenza ta’ appartenenza: int tappartjeni lil korp ta’ nies li hu d-djoċeżi. Dan ifisser li int m’intix “liberu”, bħalma jkun hemm fil-futbol. Le, int m’intix liberu! Int raġel li tappartjeni lil korp ta’ persuni li hu d-djoċeżi, lill-ispiritwalità u lid-djoċeżanità ta’ dan il-korp, dan jgħodd ukoll għall-Kunsill Presbiterali u għall-Korp Presbiterali kollu. Naħseb li dan spiss ninsewh għax jekk ma nikkoltivawx fina dan l-ispirtu ta’ djoċeżanità, insiru wisq iżolati bil-periklu li ma nagħmlux frott spiritwali u xi drabi – ejjew ngħiduha b’ċerta delikatezza - anke jkollna ċertu nervożiżmu, insiru bla sabar biex ma ngħidux ukoll, insiru nevrotiċi, u għalhekk daqsxejn ta’ “ġuvintur”.. U s-saċerdot iżolat, li m’għandux relazzjoni tajba ma’ sħabu s-saċerdoti, mal-Korp Presbiterali, jispiċċa ħażin. “Vae Soli!” (“Ħażin għalihom dawk li huma weħidhom!”) (ara Qoħelet 4, 10, skont il-Vulgata).

U għal din ir-raġuni hu importanti li s-saċerdot jikkoltiva fih u jkabbar fih is-sens tad-djoċeżanità, li għandha anke sens ta’ għaqda, sens ta’ sinodalità mal-isqof tad-djoċeżi. Dan il-korp ta’ persuni, jiġifieri d-djoċeżi, għandu qawwa speċjali u dan il-korp ta’ persuni jeħtieġ li jimxi ‘il quddiem dejjem b’sens ta’ trasparenza: l-impenn tat-trasparenza, imma anke l-virtù tat-trasparenza. It-trasparenza Nisranija, kif għexha San Pawl, jiġifieri l-kuraġġ li wieħed jitkellem, li wieħed jgħid dak kollu li jħoss u jaħseb. San Pawl dejjem kellu dan il-kuraġġ, kien jimxi ‘l quddiem fl-appostolat tiegħu b’dan il-kuraġġ. Kien juża l-kelma “parresia” jiġifieri “li timxi’ l-quddiem”. Imbagħad hemm il-kuraġġ li titkellem, imma anke l-kuraġġ tal-paċenzja, li tissapporti, li terfa’ fuq spallejk: il-“hypomenein” u l-hypomoné”. Dawn kienu żewġ virtujiet li San Pawl kien juża biex jiddiskrivi dak li kellu jagħmel il-bniedem tal-Knisja. Huwa propju dan il-kuraġġ li wieħed jgħid dak li jħoss u jaħseb, u fl-istess ħin, il-kuraġġ li wieħed jieħu paċenzja, li huma meħtieġa biex wieħed jgħix din id-djoċeżanità li qed nitkellmu fuqha.

Ejjew nitkellmu fuq il-kuraġġ li wieħed jitkellem. Issib min jgħid, “Imma aħjar le; aħjar ma nitkellimx...” Jien niftakar li meta kont student tal-filosofija, wieħed Ġiżwita anzjan, twajjeb imma ftit makakk, kien itini parir u jgħidli: “Jekk int trid tkompli fil-ħajja Reliġjuża, jeħtieġ li taħseb b’mod ċar, dejjem, imma tkellem dejjem b’mod mhux ċar.” Din hi tip ta’ ipokresija klerikali, biex ngħidulha hekk. Issib saċerdoti li jgħidu, “Le, jien hekk naħsibha, ... imma hemm l-Isqof, hemm il-Vigarju, hemm dak, hemm l-ieħor ... Aħjar ma nitkellmux u noqogħdu bi kwietna ... Imbagħad nitkellmu ftit ma’ ħbiebna.” Dan hu nuqqas ta’ libertà. Jekk saċerdot djoċeżan ma jħossux liberu li jkollu l-“parresia” li semmejna, mhux qed jgħix tajjeb id-djoċeżanità tiegħu; mhuwiex liberu, u biex tgħix il-ħajja ta’ saċerdot djoċeżan sewwa, trid tkun liberu.

Issa, ejjew nitkellmu fuq il-virtù l-oħra: il-virtù tal-paċenzja, jiġifieri li tissapporti. Jeħtieġ li dejjem nieħdu paċenzja bl-isqof tagħna. Aħna l-isqfijiet kollha għandna n-nuqqasijiet tagħna, kollha kemm aħna; kull wieħed minna għandu d-difetti tiegħu. Għalhekk, għandna nieħdu paċenzja bl-isqof tagħna, u għandna nieħdu paċenzja wkoll b’ħutna s-saċerdoti l-oħra: “Dak ma jogħġobnix kif jitkellem fuq dik il-ħaġa jew l-oħra ...”

Hu interessanti li dak jew dawk li m’għandux jew m’għandhomx il-libertà li jitkellmu fl-apert, il-kuraġġ li jgħidu dak li jħossu u jaħsbu quddiem kulħadd, jieħu/jieħdu l-atteġġjament li jitkellem/jitkellmu bil-moħbi. Ma jkollux/ma jkollhomx il-paċenzja li jissapporti/u fis-silenzju. U aħna għandna nagħmlu ħilitna biex ikollna l-qawwa li ngħidu l-affarijiet li għandna ngħidu lil dak li jkun f’wiċċu. Aħna għandna nagħmlu dan bil-prudenza, imma għandna nagħmluh. Huwa veru li jekk jien ma nkunx qed naqbel ma’ ħija saċerdot waqt xi laqgħa, m’għandix ngħidlu, “Int diżgrazzjat!” Le, imma għandi ngħidlu, “Jien m’iniex qed naqbel miegħek għax naħsibha b’dan u b’dan il-mod”, mingħajr ma ninsultaw lil ħadd. Imma jeħtieġ li ngħidu dak li naħsbu bil-libertà. Imbagħad, jekk jiġi xi ħadd u jdejjaqni u dejjem jgħid l-istess “stejjer” u forsi jirrovina l-laqgħa, hemm bżonn li nieħdu paċenzja, il-paċenzja li nissapportu lil dak li jkun. F’dan li qed ngħidu, għandu jgħinna ħafna l-ħsieb li Alla, permezz ta’ Ġesù Kristu, sar bniedem permezz tal-paċenzja Tiegħu u baqa’ u għadu jissapporti lilna lkoll.

Id-djoċeżanità għandu jkollha l-virtù, il-qawwa li wieħed jitkellem b’mod ċar u dan jagħmilna liberi u għandu jkollna wkoll il-virtù, il-qawwa tal-paċenzja wkoll.

Imma mbagħad, apparti s-saċerdoti, inkluż dawk djoċeżani, hemm il-poplu t’Alla, li mhuwiex parti mill-Kulleġġ Presbiterali, jiġifieri l-Korp tas-saċerdoti, imma huwa parti mill-Knisja djoċeżana u s-saċerdot djoċeżan għandu jgħix id-djoċeżanità tiegħu anke mal-poplu t’Alla. Is-saċerdot, u mhux biss dak djoċeżan, għandu jista’ jistaqsi lilu nnifsu x’relazzjoni għandu mal-poplu mqaddes t’Alla. U hawn hawn difett ikrah li aħna s-saċerdoti għandna niġġieldu: il-klerikaliżmu. Għeżież saċerdoti, aħna rgħajja, aħna rgħajja tal-poplu u mhux kjeriċi tal-Istat. Qed naħseb f’dawk iż-żminijiet fi Franza meta kien hemm il-qrati u l-palazzi tan-nobbli, fejn kien hemm “Monsieur l’abbé”, kjeriku tal-Istat. Iżda anke llum għandna ħafna fost is-saċerdoti li fil-prattika huma bħall-kjeriċi tal-Istat. Dan għax dawn is-saċerdoti jqisu lilhom infushom sempliċiment bħala funzjonarji ta’ dak li hu sagru, imma r-relazzjoni tagħhom mal-poplu t’Alla hija kważi bħar-relazzjoni bejn ħaddiem u min iħaddmu: jien kjeriku u int injorant. Iżda aħsbu sew, il-klerikaliżmu tagħna hu qawwi ħafna: u neħtieġu konverżjoni qawwija u kbira biex nibqgħu rgħajja veri.

Għadna kif qrajna – ma nafx jekk hemmx ukoll fil-Liturġija bit-Taljan, għax jien għadni nuża l-Brevjar li jintuża l-Arġentina – il-passaġġ mill-ktieb “De Pastoribus” (Fuq ir-Rgħajja) ta’ Santu Wistin ta’ Ippona. F’dan il-passaġġ naraw b’mod ċar kif, Santu Wistin jurina kif għandu jkun ir-ragħaj, mhux il-kjeriku, ragħaj tal-poplu jiġifieri li ma jridx ikun populista, le, imma ragħaj tal-poplu verament, jiġifieri viċin il-poplu għax ġie mibgħut biex jgħin lill-poplu jikber fil-ħajja Nisranija, biex jgħallem lill-poplu, biex iqaddes lill-poplu (jiġifieri, biex jgħin lill-poplu jsir qaddis) u biex jgħin lill-poplu ħalli jsib lil Ġesù Kristu. Mill-banda l-oħra, ir-ragħaj li hu wisq klerikali jixbah lill-Fariżej, jixbah lil dawk l-għorrief tal-Liġi u jixbah lis-Saduċej li kienu jgħixu fi żmien Kristu. Għal dawn is-saċerdoti, it-teoloġija tagħhom biss, il-ħsieb tagħhom biss, jgħodd u kulħadd għandu jagħmel kif jaħsbuha huma; huma għalihom, huma magħluqin hemm fihom infushom, u l-poplu qiegħed hemm barra u qatt ma jiddjalogaw mar-realtà tal-poplu.

Illum għoġbitni l-ikla ta’ nofsinhar ... mhux daqshekk għax il-lażanja kienet tajba ħafna, iżda għoġbitni għax għaliha kien hawn il-membri tal-poplu t’Alla, anke l-aktar fqar u għaliha kien hawn ukoll ir-rgħajja, fost il-poplu t’Alla. Ir-ragħaj għandu jkollu relazzjoni trippla mal-poplu – u din hi ta’ sinodalità wkoll. L-ewwel nett, ir-ragħaj għandu jimxi quddiem il-poplu t’Alla, biex jgħinu jara t-triq fejn sejjer, hawn naraw lis-saċerdot katekista, lir-ragħaj li jgħallem lill-poplu t-triq li twasslu għand Alla. It-tieni nett, ir-ragħaj għandu jkun f’nofs il-poplu t’Alla biex isir jaf sew lin-nies, biex ikun viċin tagħhom, viċin tal-poplu t’Alla, u t-tielet nett, ir-ragħaj għandu jimxi wara l-poplu t’Alla biex jgħin lil dawk li jkunu baqgħu wara jkunu qed jimxu bil-mod, u anke biex b’ċertu ħila, jgħin lill-poplu biex jagħraf liema triq għandu jagħżel. In-nagħaġ għandhom ħabta jindunaw liema huma r-rgħajja t-tajba. Iżda ragħaj tajjeb m’għandux jibqa’ biss fuq wara. Ragħaj tajjeb u kapaċi għandu jkollu l-ħila li jimxi mal-poplu ta’ Alla f’dawn it-tliet movimenti: qabel il-poplu, f’nofs il-poplu u wara l-poplu.

Se nerġa’ ngħidilkom fi ftit kliem dak li kellimtkom fuqu s’issa biex ma tinsewx. Ir-relazzjoni li tinvolvi d-djoċeżanità, ir-relazzjoni bejnietna s-saċerdoti, ir-relazzjoni mal-Isqof, il-kuraġġ li ngħidu dak kollu li nkunu qed inħossu u naħsbu, u l-kuraġġ li nissapportu kollox, li nieħdu paċenzja b’kollox u b’kulħadd. Ir-relazzjoni li għandu jkollna mal-poplu t’Alla, dik ir-relazzjoni ħajja li mingħajrha naqgħu fil-klerikaliżmu, wieħed mill-akbar “dnubiet”, biex ngħidilhom hekk, tas-saċerdoti. U Santu Wistin, fil-ktieb tiegħu “De Pastoribus”, jiddeskrivi tajjeb ħafna l-klerikaliżmu u li mal-poplu t’Alla kull wieħed minna għandu jimxi f’dawn it-tliet postijiet, għandu jkollu dawn it-tliet postijiet: quddiem, qabel il-poplu t’Alla bħala gwida, bħala katekista, biex jgħin lill-poplu jara t-triq minn fejn għandu jgħaddi: fin-nofs, f’nofs il-poplu t’Alla biex isir jaf lill-poplu t’Alla u biex jifhmu sew, u fl-aħħar biex jgħin lil dawk li jibqgħu wara u anke biex iħalli ftit libertà lill-poplu t’Alla, u biex jara sew kif il-poplu t’Alla qed jagħżel il-ħaxix it-tajjeb, il-ħaxix li għandu jiekol.

Barra dan, hu ta’ swied il-qalb meta ragħaj ma jafx fejn għandu jwassal lill-poplu t’Alla, meta ma jafx x’għandu jagħmel. Hija ħaġa ta’ swied il-qalb meta l-knejjes jibqgħu magħluqin – xi wħud ikollhom jibqgħu magħluqin – u meta tara avviż fuq il-bieb tal-knisja li jgħid li l-knisja tiftaħ “mit-tali ħin sat-tali ħin”, imbagħad ma jkun hemm ħadd. Il-qrar isir biss fit-tali ġurnata mit-tali ħin sat-tali ħin. Imma dan mhux uffiċċju ta’ xi kumpannija jew ta’ xi “trade union”! F’dan il-post għandna mmorru biex naduraw lill-Mulej. Imma jekk wieħed mill-membri tal-poplu t’Alla, ikun irid jadura lil Alla fi knisja, fejn se jmur? Jeħtieġ li jkollna rgħajja li jafu fejn għandhom iwasslu lill-poplu tagħhom: Dan ifiseer li r-ragħaj għandu jistaqsi lilu nnifsu: X’għandi nagħmel jien biex inkun aktar viċin tal-poplu tiegħi? Xi kultant naħseb f’dawk il-knejjes li jkunu f’toroq traffikużi ħafna u li minnhom jgħaddu ħafna nies, u li xorta jkunu magħluqin. Imbagħad ikun hem kappillan li jagħmel l-esperjenza li jiftaħhom u li jagħmel ħiltu biex ikun dejjem għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jridu jmorru jqerru għandu. B’hekk, ikun jitfa’ d-dawl fuq il-konfesssinarju. U dan is-saċerdot ma jiqafx iqarar lin-nies. In-nies tara l-bieb miftuħ, tidħol, tara d-dawl u tmur tqerr. Għandna nżommu dejjem i-lbieb miftuħ, dejjem lesti li naqdu lill-poplu t’Alla.

Dan kollu tfisser id-djoċeżanità.

Issa ser nitkellem fuq żewġ vizzji li jeżistu kullimkien – ma nafx, forsi hawn f’Bologna għall-grazzja t’Alla ma jeżistux, imma kullimkien tarahom, mhux f’kulħadd imma f’xi wħud.

L-ewwel vizzju hu li wieħed iħares lejn is-servizz presbiterali (saċerdotali) bħala karriera ekkleżjastika (jiġifieri tal-Knisja). Fil-ħajja tal-qaddisin, dawk antiki, tiltaqa’ mal-kliem, “U f’din l-età ħass is-sejħa għall-karriera ekkleżjastika.” Dan kien mod kif kienu jitkellmu fi żminijiet oħra. Imma jien hawn mhux qed nirreferi għal dan, imma għall-attitudni, għall-atteġġjament, li wieħed dejjem irid jilħaq. Din hi tassew “pesta” fost is-saċerodti. Jeżistu żewġ “pesti” kbar fostna u din hi waħda minnhom. Qed nirreferi għal dawk li dejjem jridu jilħqu aktar fil-Knisja, dawk li dejjem jaraw minn fejn għandhom jgħaddu ħalli jieħdu karigi dejjem aktar għoljin fil-Knisja, dawk li għandhom dejjem difrejhom maħmuġin għax dejjem iridu jitilgħu ‘l fuq. Wieħed li moħħu biss biex jilħaq f’xi kariga aktar għolja jista’ joħloq ħafna nuqqas ta’ qbil fost is-saċerdoti. Dejjem jaħseb fuq il-karriera: “Issa nitlaq minn din il-parroċċa u jtuni parroċċa akbar ...” Sitwazzjoni bħal din hi tassew interessanti għax meta saċerdot bħal dan jitlaq minn parroċċa u l-isqof jagħtih parroċċa iżgħar, jieħu għalih, joffendi ruħu. Joffendi ruħu, minflok ma jgħid, “Le, jien għandi nkun il-kappillan ta’ dik it-tali parroċċa”. Jien m’għandi nkun ta’ mkien u dak li jinteressani għandu jkun li jien inkun ta’ servizz. L-affarijiet għandna ngħiduhom hekk, b’mod ċar, kif inhuma. Dawk li moħħhom biss biex jilħqu iżjed għax jaraw il-ħajja tagħhom ta’ saċerdoti bħala sempliċi karriera, jagħmlu ħażin ħafna lill-għaqda fost is-saċerdoti u jagħmlu tant ħażin għax qegħdin f’komunità imma jħabirku biex huma biss jimxu ‘l quddiem u jilħqu.

Il-vizzju komuni l-ieħor huwa l-tqassis, jiġifieri li s-saċerdoti joqogħdu jqassu fuq xulxin. “Imma dak...!” “Rajru lil dak?” “Qed jgħidu hekk fuq dak ...” u l-fama ta’ ħuk saċerdot tiġi mħammġa u forsi anke rrovinata. Kemm hu ikrah li teqred il-fama tal-oħrajn. It-tqassis huwa vizzju, vizzju li aħna ngħidulu “tal-għeluq”, għax isir bejn żewġ jew ftit persuni. Meta jkun hemm grupp ta’ qassisin, ta’ saċerdoti li jħossuhom magħluqin fihom infushom, ikun hemm it-tqassis fuq xulxin, wieħed iqassas fuq l-ieħor. Dawn is-saċerdoti jkunu qishom qed jgħidu bħal dak il-Fariżew li jsemmi Kristu fil-parabbola tal-Fariżew u l-Pubblikan: “Mulej, irroddlok ħajr għax jien miniex bħall-oħrajn, u lanqas ma jien bħal dan il-Pubblikan (ara Lq 18, 11). “Nirringrazzja ‘l Alla li miniex bħal dak!” Din hi l-“mużika” tat-tqasqis, anke tat-tqasqis fost is-saċerdoti. Li wieħed ikun dejjem moħħu biex jilħaq u javvanza fil-“karriera ekkleżjastika” kif ukoll li wieħed ikun moħħu biex dejjem iqassas fuq saċerdoti oħra, huma żewġ vizzji tal-klerikaliżmu.

Kif jista’ jesprimi ruħu u jikber dak il-bżonn evanġeliku tas-sens ta’ fraternità (ta’ sens ta’ aħwa) fost is-saċerdoti? Ejjew ngħixu d-djoċeżanità bil-kuraġġ li dejjem nitkellmu ċar u fl-apert, imma wkoll bil-kuraġġ li nieħdu paċenzja b’xulxin u nissapportu lil xulxin. Jeħtieġ li jkollna relazzjoni tajba mal-poplu t’Alla u nkunu kemm fuq quddiem biex nuru t-triq, kemm fin-nofs, viċin il-poplu u viċin l-opri ta’ karità, u kif ukoll fuq wara, biex is-saċerdot jara kif miexi l-poplu t’Alla u jgħin lil dawk li jkunu waqgħu lura. Jeħtieġ li naħarbu kull forma ta’ klerikaliżmu għax l-aktar żewġ vizzji koroh li għandu l-klerikaliżmu hu li wieħed ikun irid jimxi ‘l fuq, javvanza, jilħaq aktar f’dik li jaraha l-karriera fil-Knisja u t-tqassis fuq l-oħrajn.

Ma nafx jekk weġibtx sew għall-mistoqsija li saritlu. Id-djoċeżanita hi l-kariżma propja tas-saċerdot djoċesan, u d-djoċeżanità tfisser dan kollu li għedt . Grazzi.”

 

Il-mistoqsija ta’ saċerdot Reliġjuż (Patri):

“Santità, se nagħmillek mistoqsija fuq il-ħajja reliġjuża imma li naħseb li mhix biss fuq il-ħajja reliġjuża. Inti tgħallimna li, biex inkunu xhieda tal-ferħ u tat-tama bħala persuni kkonsagrati, jeħtieġ li naħarbu dik li int issejħilha “l-psikoloġija tas-sopravvivenza” u nintefgħu ma’ Ġesù qalb il-poplu, waqt li mmissu l-pjagi ta’ Ġesù billi mmissu l-pjagi ta-dinja. Int tajtna ħafna stimoli biex nagħmlu dan f’dawn is-snin tal-pontifikat tiegħek. Imma, jekk jogħġbok, għidilna liema huma l-passi l-aktar importanti li għandna nagħnmlu biex inwettqu tassew din il-perspettiva. Grazzi.”

 

It-tweġiba tal-Papa Franġisku:

“Meta naqgħu fil-psikoloġija tas-sopravvivenza nkunu qisna qed nistennew il-karozza tal-mejtin. Inkunu qisna qed nistennew il-karozza tal-mejtin biex “tieħu ‘l hemm” l-ordni, l-istitut, il-kongregazzjoni tagħna. Dan hu pessimiżmu mimli tama ħażina, biex ngħidilha hekk, jiġifieri mhix it-tama ta’ nies ta’ fidi, ta’ rġiel u nisa ta’ fidi. Fil-ħajja reliġjuża, meta nkunu qegħdin nistennew il-karozza tal-mejtin, biex ngħidulha hekk, ma jkollniex attitudni evanġelika. Hu atteġġjament li bih inħossuna li aħna telliefa u li ġejna mirbuħin. U waqt li nistennew il-karozza li semmejna, nibdew nirranġaw l-affarijiet kif nistgħu u biex inkunu siguri, nibdew nieħdu l-flus biex inħossuna siguri. Din il-psikoloġija tas-sopravvivenza twassal għal nuqqas ta’ faqar, wieħed mill-voti ewlenin li jieħdu r-reliġjużi. Dan jiġri meta nfittxu s-sigurtà tagħna fil-flus. Xi kultant tisma’ min jgħid: “ Fl-istitut tagħna, aħna kollha anzjani” – u dan smajnieh jgħiduh xi sorijiet dan l-aħħar – “aħna anzjani u m’għandniex vokazzjonijiet, imma għandna xi ġid biex jisgurana sat-tmiem ta’ ħajjitna.” U din hi t-triq l-aktar addattata biex twassalna lejn il-mewt, is-sigurta fil-ħajja kkonsagrata ma tiġix mill-fatt li jkollna l-vokazzjonijiet, jew li jkollna l-flus. Is-sigurtà tiġi minn x’imkien ieħor. Jien ma rridx ngħid affarijiet li jiena naf minħabba l-uffiċċju tiegħi ta’ Papa, imma se ngħid affarijiet li jafhom kulħadd. Xi kongregazzjonijiet li qed jonqsu fin-numru qed jiżdiedu fil-beni li għandhom. Tara lil dawn ir-reliġjużi rġiel jew nisa marbutin mal-flus għax iħossu li jagħtuhom is-sigurtà. Din hi l-qalba tal-psikoloġija sopravvivenza, jiġifieri li jien nissopravvivi li jien inħossni sigur għax għandi l-flus. Għalhekk, il-problema mhix daqshekk fil-kastità u fl-ubbidjenza. Le. Hija fil-faqar. Il-ħuta minn rasha tinten, u l-ħajja kkonsagrata tibda “tinten”, tibda titħassar bin-nuqqas ta’ faqar. U dan hu tassew hekk! Sant’Injazju kien isejjaħ il-faqar “omm u ħajt” tal-ħajja reliġjuża. “Omm” għax il-faqar jiġġenera, għax iwelled il-ħajja reliġjuża u “ħajt” għax jiddefendina mill-ispirtu tal-mondanità (tad-dinja).

Il-psikoloġija tas-sopravvivenza twasslek biex tgħix skont l-ispirtu tad-dinja, u t-tama tagħna nibdew inqegħduha fl-affarijiet ta’ din id-dinja minflok f’Alla. Il-flus huma tassew ir-rovina tal-ħajja kkonsagrata. Imma Alla hu tajjeb u tant hu tajjeb għax meta xi istitut ta’ ħajja reliġjuża jibda jġemma’ u jġemma’ u jġemma’, Alla jibgħatlu ekonomu jew ekonoma ħażin/a u b’hekk jikkrolla l-ġid materjali kollu ta’ dak l-istitut. Meta jikkrollaw il-beni ta’ xi istitut ta’ ħajja reliġjuża, jien ngħid, “Grazzi, Mulej”, għax issa l-membri ta’ dan l-istitut ta’ ħajja kkonsagrata se jibdew jgħixu l-ħajja tal-faqar veru, il-ħajja tat-tama vera fil-ġid li jagħtik il-Mulj! It-tama vera tal-fekondità spiritwali li tagħtik it-triq tal-Mulej. Jekk jogħġobkom, ngħidilkom, agħmlu dejjem eżami tal-kuxjenza fuq kif qed tgħixu l-faqar (il-povertà) personali li ma jfissirx biss li tmur fuq is-superjur jew fuq is-superjura tiegħek u titolbu jew titlobha biex tagħmel xi ħaġa. Il-faqar huwa xi ħaġa aktar profonda, huwa wkoll il-faqar tal-ispirtu reliġjuż partikulari, għax hawn tinsab il-vera sopravvivenza tal-ħajja kkonsagrata, fis-sens pożittiv, jiġifieri li hi t-tama vera li tgħin lill-ħajja kkonsagrata biex timxi ‘l quddiem.

Imbagħad hemm xi ħaġa oħra. Il-Mulej iżurna tant drabi permezz tan-nuqqas ta’ mezzi, in-nuqqas tal-vokazzjonijiet, nuqqas ta’ possibilitajiet ... bil-vera faqar u mhux biss il-faqar tal-voti li jieħdu r-reliġjużi imma bil-faqar reali wkoll. In-nuqqas ta’ vokazzjonijiet hu faqar tassew reali. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hu importanti li nitkellmu mal-Mulej u nsaqsuh: Għaliex qed jiġri hekk. X’qed jiġri fl-istitut reliġjuż tiegħi? Għaliex l-affarijiet qed jispiċċaw hekk? Għaliex dan in-nuqqas ta’ fekondità fl-istitut reliġjuż tiegħi? Għaliex iż-żgħażagħ m’humiex qed iħossuhom entużjażmati għall-kriżma tiegħi, għall-kariżma tal-istitut reliġjuż tiegħi? Għaliex l-istitut reliġjuż tiegħi tilef il-kapaċità li jiġbor iż-żgħażgaħ miegħu u li jsejħilhom għalih? Jeħtieġ li nagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq ir-realtà u ngħidu l-verità kollha. Dan jgħodd anke għas-saċerdoti djoċeżani u anke għal-lajċi, imma bħalissa qed ngħidu lir-reliġjużi. Nitlobkom, agħmluli favur: nitlobkom. Immeditaw fuq l-aħħar tliet paragrafu tad-Dokument Evangelii Nuntiandi tal-Beatu Papa Pawlu VI, dak id-dokument post-sinodali li għadu tant attwali u li żmienu m’għadddiex! Le! Anzi għandu forza kbira. F’dawn l-aħħar tliet paragrafu ta’ din l-Eżortazzjoni Appostolika post-sinodali, il-Papa Pawlu jitkellem fuq dak li nistgħu nsejħulu “l-identikit tal-evanġaliżżatur”, jiġifieri kif jixtiequ li jkun l-envanġelizzatur, jiġifieri kull min ixandar l-Evanġelu. U fost l-oħrajn, il-Papa Pawlu jħeġġiġna biex nagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq dan. Dan l-eżami tal-kuxjenza jgħodd għalina wkoll u anke għar-reliġjużi li għandhom jistaqsu lilhom infushom, “Jien u l-istitut reliġjuż tiegħi, għandna nagħmlu hekk u hekk?” Jew, kif jgħid il-Papa Pawlu VI, dan hu l-istitut reliġjuż imnikket, b’sens ta’ qrusa, li ma jafx x’se jaqbad jagħmel? ... Immeditaw il-paragrafi ta’ dan id-Dokument tal-Beatur Papa Pawlu VI li żgur jgħinkom tagħmlu eżami tal-kuxjenza fuq dik li jien insejħilha l-psikoloġija tas-sopravvivenza. Imma l-qalba tal-problema hi l-faqar: kif se ngħixu l-faqar.

 

Imbagħad, fil-mistoqsija tiegħek, inti staqsejtni kif għandna nqiegħdu lil Ġesù f’nofs il-poplu billi mmissu l-pjagi tiegħu (ta’ Ġesù) fil-pjagi tad-dinja ta’ ħutna l-bnedmin. Dan hu, sa ċertu punt, dak li jissuġġerilna San Pawl f’Ittra tiegħu lill-Filippin (Fil 2, 7): it-triq ta’ Ġesù hi li Hu ċċekken u aħna jeħtieġ niċċekknu, mal-poplu t’Alla, ma’ dawk li qed isofru, ma’ dawk li ma jistgħu jagħtuk xejn. Għalhekk, jeħtieġ li jkollok biss il-qawwa tat-talb. Niftakru xi drabi li fid-djoċesi li kellu qabel (ma sirt Papa) kien hemm sptar li s-sorijiet li kienu jieħdu ħsiebna kien anzjani Awstraljani, u veru ma kellhomx vokazzjonijiet, tant li bi swied il-qalb kellhom jitilqu lura lejn art twelidhom. U dan l-isptar spiċċa mingħajr sorijiet. Imma mbagħad kien hemm saċerdot Korean, li ġab xi sorijiet mill-Korea, ġab erbgħa u ġew u kienu kollha żgħażagħ. Waslu t-Tnejn u l-għada daħlu fl-isptar. Mort is-Sibt ta’ wara biex inżur l-isptar u l-morda kollha qaluli, “Kemm huma twajbin dawn is-sorijiet, u kemm għamlu ġid!” Jien ħsibt u għedt bejni u bejn ruħi, “Imma dawn is-sorijiet Koreani li jafu l-Ispanjol daqs kemm naf il-Korean jien, kif il-morda qed jgħidu fuqhom, “Kemm huma twajbin dawn is—sorijiet?”” Imma mbagħad sirt naf li dawn is-sorijiet bit-bissima fuq wiċċhom, kienu jaqbdu jdejn il-morda, kienu jikkarezzawhom u b’hekk daħlu fil-qalb tal-poplu t’Alla, tal-poplu li qed ibati, tal-pjagi tal-ġisem sofferenti ta’ Ġesù Kristu.

Meta tgħix ħajja bħal din, meta tkun f’pajjiż li ma tkunx taf il-lingwa tiegħu u tgħix f’dan il-pajjiż, dan huwa faqar impressjonanti u dawn is-sorijiet għexu f’din il-kondizzjoni, imma bil-paċi tagħhom għamlu tant ġid. Billi ċċekknu, messew il-ġisem sofferenti ta’ Ġesù u tal-faqar, u din hi psikoloġija li żżomm ‘il bogħod il-psikoloġija tas-sopavvivenza, hija l-psikoloġija tat-twaqqaf tas-Saltna t’Alla, għax Ġesù jurihielna propju fl-Evanġelu skont San Mattew, kapitlu 25. Hawnhekk, Ġesù jurina kif nibnu s-Saltna t’Alla. Il-psikoloġija tas-sopravvivenza hija dejjem pessimista. Ma tiftħekx għall-oħrajn, u hi orjentata lejn iċ-ċimiterju.

Ejjew ninżlu bħal Ġesù lejn il-ġisem sofferenti tal-bnedmin, ta’ dawk li huma l-aktar dgħajfin, lejn il-morda, lejn dawk kollha li jsemmi Ġesù fl-Evanġelju skont San Mattew, Kap 25. Din il-ħidma hija ħidma li tħalli ħafna frott. Ifisser li tiżra’ u mbagħad il-Mulej ikabbar ix-xitla. Dawn huma ż-żewġ affarijiet li nirrakkomandalkom: il-faqar u l-atteġġjament tagħna lejn il-ġisem sofferenti ta’ Kristu. Bis-sinċerità mingħajr ideoloġija. Grazzi.

Qed jgħiduli li qegħdin tard u jeħtieġ li ninfirdu. Irroddilkom ħajr għall-preżenza tagħkom u għax-xhieda tagħkom u lir-reliġjużi rrid ngħidilkom xi ħaġa oħra għax tkellimt anqas fuq is-saċerdoti reliġjużi milli fuq is-saċerdoti djoċeżani: il-ħajja kkonsagrata hija daqqa ta’ ħarta f’wiċċ l-ispirtu tad-dinja li jipprova juri li hu spirtwali (“uno schiaffo alla mondanità spirituale”). Imxu ‘l quddiem!

 

 

Maqlub għall-Malti mit-Taljan minn Kathleen Bonello