Qed niċċelebra magħkom l-ewwel Ħadd tal-Kelma: il-Kelma ta’ Alla tqabbad il-qlub (ara Lq 24:32), għax iġġagħalna nħossuna maħbuba u mfarrġa mill-Mulej. Anki l-Madonna ta’ San Luqa, evanġelista, tista’ tgħinna nifhmu l-ħlewwa materna tal-Kelma “ħajja”, li madankollu fl-istess waqt “taqta’”, bħal fil-Vanġelu tal-lum: fil-fatt tinfed fil-qalb (ara Lhud 4:12) u tikxef għad-dawl is-sigrieti u l-kontradizzjonijiet tal-qalb.

 

Illum tipprovokana permezz tal-parabbola taż-żewġ ulied, li għat-talba ta’ missierhom biex imorru fl-għalqa tad-dwieli jwieġbu: l-ewwel wieħed le, imma mbagħad imur; it-tieni iva, imma mbagħad ma jmurx. Imma hemm differenza kbira bejn l-ewwel iben, li hu għażżien, u t-tieni, li hu wiċċ b’ieħor. Nippruvaw nistħajlu x’seħħ fihom. Fil-qalb ta’ dak tal-ewwel, wara l-le, dwiet mill-ġdid l-istedina tal-missier; fit-tieni, imma, minkejja l-iva tiegħu, il-leħen tal-missier safa midfun. It-tifkira tal-missier qajmet lill-ewwel wieħed mill-għażż tiegħu, waqt li t-tieni, li kien jaf x’inhu t-tajjeb, b’dak li għamel mar kontra dak li qal. Fil-fatt kien ittarrax għal-leħen ta’ Alla u tal-kuxjenza u hekk ħaddan bla nkwiet ta’ xejn il-ħajja doppja. Ġesù b’din il-parabbola iqegħdilna quddiemna żewġ toroq, li – dan ngħaddu minnu aħna – m’aħniex dejjem lesti li ngħidu iva bil-kliem u bl-għemil, għax aħna midinbin. Imma nistgħu nagħżlu li nkunu midinbin li mexjin, li jibqgħu jisimgħu lill-Mulej u meta jaqgħu jiddispjaċihom u jerġgħu jqumu, bħall-ewwel iben; jew inkella midinbin bilqiegħda, lesti biex jiġġustifikaw dejjem u biss bil-kliem skont dak li jaqblilhom.

 

Din il-parabbola Ġesù qalha għal xi mexxejja reliġjużi ta’ żmienu, li kienu jixbhu lill-iben tal-ħajja doppja, waqt li n-nies komuni spiss kienet iġġib ruħha bħall-iben l-ieħor. Dawn il-mexxejja kienu jafu u jfissru kollox, b’mod formalment eżemplari, ta’ veri intellettwali tar-reliġjon. Imma ma kellhomx l-umiltà li jisimgħu, il-kuraġġ li jistaqsu lilhom infushom, il-qawwa li jindmu. U Ġesù hu sever ħafna magħhom: jgħid li saħansitra l-pubblikani għad jidħlu qabilhom fis-Saltna ta’ Alla. Hi ċanfira qawwija, għax il-pubblikani kienu tradituri korrotti tal-pajjiż. X’inhi mela l-problema ta’ dawn il-mexxejja? Ma kinux qed jiżbaljaw f’xi ħaġa, imma fil-mod kif jgħixu u jaħsbu quddiem Alla: kienu, bi kliemhom u mal-oħrajn, ħarriesa inflessibbli tat-tradizzjonijiet tal-bnedmin, li ma kinux kapaċi jifhmu li l-ħajja skont Alla hi f’mixja u titlob l-umiltà li wieħed jiftaħ qalbu, jindem u jibda mill-ġdid.

 

U dan x’qed jgħidilna lilna? Li ma teżistix ħajja Nisranija li ssir madwar il-mejda, mibnija xjentifikament, fejn biżżejjed toqgħod għal xi preċett jew tnejn biex isserraħ il-kuxjenza: il-ħajja Nisranija hi mixja umli ta’ kuxjenza li qatt mhi riġida imma dejjem f’relazzjoni ma’ Alla, li fil-faqar tagħha taf tindem u tafda ruħha f’idejh, bla qatt tippretendi li hi biżżejjed għaliha nfisha. Hekk jiġu ssuperati l-edizzjonijiet riveduti u aġġornati ta’ dak il-ħażen antik, ikkundannat minn Ġesù fil-parabbola: il-wiċċ b’ieħor, il-ħajja doppja, il-klerikaliżmu li jmur id f’id mal-legaliżmu, id-distakk min-nies. Il-kelma muftieħ hi nindmu: hi l-indiema li ma tħalliniex nibbiesu, imma tibdel il-le li ngħidu lil Alla f’iva, u l-iva għad-dnub f’le minħabba fl-imħabba ta’ Alla. Ir-rieda tal-Missier, li ta’ kuljum bi ħlewwa jkellem lill-kuxjenza tagħna, titwettaq biss fl-għamla ta’ ndiema u ta’ konverżjoni kontinwa. Bla dubju, fil-mixja ta’ kull wieħed u waħda hemm żewġ toroq: jew li nkunu midinba niedma jew midinba ipokriti. Imma dak li jgħodd mhumiex ir-raġunamenti tagħna li bihom niġġustifikaw u nippruvaw insalvaw kif nidhru minn barra, imma qalb li timxi mal-Mulej, titqabad ta’ kuljum, tindem u terġa’ lura għandu. Għax il-Mulej ifittex lil dawk safja f’qalbhom, u mhux safja “minn barra”.

 

Qed naraw mela, għeżież ħuti, kif il-Kelma ta’ Alla tħaffer fil-fond, “tgħarbel il-ħsibijiet u l-fehmiet tal-qalb” (Lhud 4:12). Imma hi wkoll attwali: il-parabbola tfakkarna wkoll fir-relazzjonijiet, mhux dejjem ħfief, bejn missirijiet u wlied. Illum, bil-mod mgħaġġel kif ġenerazzjoni tinbidel minn ta’ qabilha, qed jinħass iżjed qawwi l-bżonn tal-awtonomija mill-imgħoddi, saħansitra sal-punt tar-ribelljoni. Imma, wara l-għeluq u s-silenzji twal minn naħa jew mill-oħra, tajjeb li nerġgħu lura għal-laqgħa, anki jekk ikun għad hemm il-kunflitti, li jistgħu jsiru stimolu għal bilanċ ġdid. Bħal fil-familja, hekk ukoll fil-Knisja u fis-soċjetà: ma ngħidu qatt le għal-laqgħa, għad-djalogu, u nfittxu toroq ġodda biex nimxu flimkien.

 

Fil-mixja tal-Knisja spiss tqum il-mistoqsija: Fejn immorru, kif nimxu ’l quddiem? Nixtieq inħallilkom, fi tmiem din il-ġurnata, tliet punti ta’ riferiment. L-ewwel hi l-Kelma, li hi l-boxxla biex nimxu umli, biex ma nitilfux it-triq ta’ Alla u naqgħu fil-mondanità. It-tieni hi l-Ħobż, il-Ħobż Ewkaristiku, għax mill-Ewkaristija jibda kollox. U fl-Ewkaristija tiltaqa’ l-Knisja: mhux fit-tpaċpiċ u fil-kronaka ta’ x’ġara, imma hawn, fil-Ġisem ta’ Kristu maqsum minn nies midinba u fil-bżonn, imma li tħossha maħbuba u allura tixtieq tħobb. Minn hawn nibdew mill-ġdid u nerġgħu nsibu ruħna kull darba, dan hu l-bidu li bilfors neħtieġu biex inkunu Knisja. Ixandru “b’leħen għoli” l-Kungress Ewkaristiku: il-Knisja hekk tinġabar, titwieled u tgħix madwar l-Ewkaristija, ma’ Ġesù preżenti u ħaj biex nadurawh, nirċevuh u nqassmuh ta’ kuljum. Fl-aħħar nett, it-tielet: il-foqra. Illum ukoll b’xorti ħażina tant persuni jonqoshom il-meħtieġ. Imma naraw ukoll tant foqra mill-imħabba, persuni waħidhom, u foqra ta’ Alla. Fihom kollha nsibu lil Ġesù, għax Ġesù fid-dinja mexa t-triq tal-faqar, tat-tixjin, kif jgħid San Pawl fit-Tieni Qari: “Ġesù xejjen lilu nnifsu billi ħa n-natura ta’ lsir” (Fil 2:7). Mill-Ewkaristija għall-foqra, immorru niltaqgħu ma’ Ġesù. Intom irriproduċejtu l-kitba li l-Kardinal Lercaro kien iħobb jara mnaqqxa fuq l-altar: “Jekk naqsmu l-ħobż tas-Sema, kif ma naqsmux ukoll dak tal-art?”. Nagħmlu sew nifakruha dejjem. Il-Kelma, il-Kelma, il-foqra: nitolbu l-grazzja li ma ninsew qatt dawn il-punti bażiċi, li jwieżnu l-mixja tagħna.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard