Għeżież ħuti,

 

Insellmilkom ilkoll kordjalment u naċċertakom li ninsab qrib tagħkom. Ridt li l-ewwel laqgħa tiegħi ma’ Bologna tkun proprju hawn. Dan hu l-“port” li fih tidħlu intom li ġejjin minn tant ’il bogħod u b’sagrifiċċji li kultant lanqas jirnexxielkom titkellmu dwarhom.

 

Ħafna ma jafukomx u jibżgħu. Minħabba f’dan il-biża’, iħossu li hu dritt tagħhom li jiġġudikaw, u li dan jistgħu jagħmluh b’mod iebes u b’distakk, u jaħsbu wkoll li qed jaraw tajjeb. Iżda mhux hekk. Nistgħu naraw tajjeb biss meta nersqu qrib, u dan isir permezz tal-ħniena. Mingħajrha, ħaddieħor jibqa’ barrani, saħansitra għadu, u ma jistax isir qarib tagħna. Mill-bogħod nistgħu ngħidu u naħsbu minn kollox, bħalma jiġri tant drabi meta jinkitbu frażijiet terribbli u tagħjir fuq l-internet. Jekk inħarsu lejn ħaddieħor mingħajr ħniena, lanqas biss nindunaw bit-tbatija u bil-problemi tiegħu. U jekk inħarsu lejn ħaddieħor mingħajr ħniena, inkunu qed nirriskjaw li anki Alla jħares lejna mingħajr ħniena. Illum qed nara biss xewqa kbira għall-ħbiberija u għall-għajnuna. Nixtieq nirringrazzja lill-istituzzjonijiet u lill-voluntiera kollha għall-attenzjoni u l-impenn fix-xogħol li qed jagħmlu biex jieħdu ħsieb lilkom li tinsabu residenti hawn. Fikom nara, bħalma nara f’kull barrani li jħabbtilna fuq il-bieb, lil Ġesù Kristu, li jpoġġi lilu nnifsu flok il-barrani, ta’ kull żmien u kundizzjoni, milqugħ jew miċħud (ara Mt 25:35,43).

 

Dan il-fenomenu jitlob viżjoni u determinazzjoni kbira fil-mod kif jiġi ġestit, intelliġenza u strutturi, mekkaniżmi ċari li ma jħallux li jseħħu tagħwiġ u sfruttamenti. Dawn huma inaċċettabbli, iktar u iktar għax imissu lill-foqra. Naħseb li hu tabilħaqq bżonnjuż li numru akbar ta’ pajjiżi joħolqu programmi ta’ sostenn privat u komunitarju biex jilqgħu lir-refuġjati f’sitwazzjonijiet diffiċli u jiftħulhom toroq umanitarji. Biex hekk tiġi evitata l-istennija insopportabbli u l-ħin moħli li jistgħu jispiċċaw iqarrqu b’dak li jkun. L-integrazzjoni tibda billi tkun taf lil dak li jkun. Il-kuntatt mal-persuna jwasslek biex tiskopri s-“sigriet” li kull persuna għandha u anki d-don li tista’ tara fiha, iwasslek biex tinfetaħ għaliha biex tilqa’ l-aspetti tajbin fiha, u hekk titgħallem tħobbha. Xħin tirbaħ il-biża’, imbagħad, tkun tista’ tgħinha tidħol fil-komunità l-ġdida li qed tilqagħha. Intom kollha għandkom l-istorja tagħkom, hekk qaltli s-sinjura li mxiet miegħi s’hawn. U din l-istorja hija xi ħaġa sagra, għandna nirrispettawha, naċċettawha, nilqgħuha u ngħinukom biex timxu ’l quddiem. Uħud minnkom huma minorenni: dawn iż-żgħażagħ għandhom bżonn partikolari tal-ħlewwa u għandhom dritt għall-ħarsien, u għalhekk għandhom jiġu maħsuba programmi ta’ kustodja temporanja jew ta’ affidament.

 

Ġejt f’nofskom għaliex f’għajnejja rrid inżomm għajnejkom – jien ħarist lejn għajnejkom –, f’qalbi nżomm lil qalbkom. Irrid inżomm miegħi l-uċuħ tagħkom li jitolbuna niftakrukom, ngħinukom, inżid “nadottawkom”, għaliex fl-aħħar mill-aħħar qed tfittxu lil xi ħadd li jinvesti fikom, li juri fiduċja fikom, li jgħinkom issibu dak il-futur li tant ittamajtu fih biex wasaltu s’hawn.

 

Tafu x’intom? Intom “ġellieda tat-tama”! Uħud ma waslux hawn għax inbelgħu mid-deżert jew mill-baħar. In-nies ma jiftakruhomx, imma Alla jaf x’jisimhom u jilqagħhom għandu. Ejjew ilkoll nagħmlu mument ta’ skiet, niftakru fihom u nitolbu għalihom. (Skiet) Lilkom, ġellieda tat-tama, nixtiqilkom li t-tama ma tinbidilx f’delużjoni, jew, agħar minn hekk, f’disperazzjoni. Dan permezz tal-ħafna persuni li jgħinukom biex ma titilfuhiex. F’qalbi rrid inżomm il-biża’ tagħkom, id-diffikultajiet, ir-riskji, l-inċertezzi..., anki ħafna kliem bil-miktub, “Għinna niksbu d-dokumenti”. Kif ukoll dawk li tħobbu, li għandkom għal qalbkom u li għalihom tlaqtu tfittxu futur aħjar. Meta nżommukom quddiem għajnejna u f’qalbna nkunu nistgħu naħdmu iktar biex noħolqu belt li tilqa’ u li tkun kapaċi toħloq opportunitajiet għal kulħadd. Għalhekk inħeġġiġkom tkunu miftuħa għall-kultura ta’ din il-belt, lesti timxu fit-triq tal-liġijiet ta’ dan il-pajjiż.

 

Il-Knisja hija omm li ma tagħmilx distinzjonijiet u li tħobb lil kull persuna bħala iben u bint ta’ Alla, xbieha tiegħu. Bologna hija belt magħrufa minn dejjem għall-akkoljenza. Din dejjem tiġġedded bil-ħafna esperjenzi ta’ solidarjetà u ospitalità f’parroċċi u realtajiet reliġjużi, iżda wkoll f’numru sabiħ ta’ familji u fil-ħafna organizzazzjonijiet soċjali. Uħud sabu aħwa ġodda lil min jgħinu, oħrajn iben xi jrabbu. Uħud sabu ġenituri ġodda li magħhom joħolmu futur aħjar. Kemm nixtieq li dawn l-esperjenzi, li kulħadd jista’ jgħix, jiżdiedu! Il-belt m’għandhiex tibża’ toffri l-ħames ħobżiet u ż-żewġ ħutiet: il-Providenza taħdem u kulħadd jiekol sa ma jixba’.

 

Bologna kienet l-ewwel belt fl-Ewropa, 760 sena ilu, li tat il-ħelsien lis-servi mill-iskjavitù. Kienu eżattament 5,855. Ħafna u ħafna. Iżda Bologna ma beżgħetx. Ġew mifdija mill-kunsill komunali, jiġifieri mill-belt. Forsi dan għamluh anki għal raġunijiet ekonomiċi, għaliex il-libertà tgħin lil kulħadd u taqbel għal kulħadd. Ma beżgħux jilqgħu lil dawk li dak iż-żmien kienu kkunsidrati “mhux persuni” u jagħrfuhom bħala bnedmin. Ġewwa ktieb niżżlu l-ismijiet tagħhom kollha! Kemm nixtieq li anki l-ismijiet tagħkom jiġu miktuba u mfakkra biex flimien insibu, bħal dakinhar, futur li jgħaqqadna.

 

Nirringrazzjakom u minn qalbi nberikkom. U nitlobkom titolbu għalija.

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Rossana Cremona