Għeżież ħuti,

X’ferħ tara li ninsabu daqshekk nies miġbura f’din id-dar! Hi propju bħad-dar ta’ Ommna, id-dar tal-ħniena, il-Knisja li tilqa’ lil kulħadd, l-aktar lil dawk li jeħtieġu post.

Intom fil-qalba ta’ din id-dar. Il-Knisja trid li tkunu fiċ-ċentru. Ma thejjix post kwalunkwe jew  differenti: imma post fiċ-ċentru u flimkien. Il-Knisja hi ta’ kulħadd, b’mod partikulari tal-foqra. Aħna lkoll mistednin; dan hu  biss  frott tal-grazzja, hu l-misteru tal-imħabba li Alla jagħtina b’xejn, għax irid Hu, għax iridna nkunu tiegħu, mhux għax jistħoqqilna, imma għax iħobbna.

Is-soltu f’din id-dar issir iċ-ċelebrazzjoni tal-misteru tal-Ewkaristija fuq il-mejda fejn jitqiegħdu l-ħobż u l-inbid li jsiru l-Ġisem u d-Demm ta’ Ġesù, li jinqasam u jingħata għall-bnedmin li jħobb. Stramba l-matematika ta’ Alla: jitkattar biss jekk  jinqasam! Dejjem inhejju mejda ta’ mħabba għal min għandu bżonnha.

L-imħabba qatt ma hi one way; l-imħabba tiċċirkola, u kulħadd jagħti u jirċievi xi ħaġa. Ilkoll nirċievu u lkoll nistgħu nagħtu ħafna.  Ġesù ma jiskarta lil ħadd, ma jiddisprezza lil ħadd. Hu bil-għatx u jitlobna nagħtuh jixrob għax Hu jimxi magħna u jbati magħna. U huwa propju aħna li għandna dik il-bieqja, li hi forsi xi ftit mikduda, u nistgħu nagħtuh jixrob, u din hi qalbna! Ħajjitna dejjem hi prezzjuża u lkoll għandna xi ħaġa x’nagħtu lill-oħrajn.

Fl-aħħar  ser jiġi mogħti  lilkom l-ikel l-aktar prezzjuż, l-Evanġelju, il-Kelma ta’ dak Alla li lkoll inġorruh f’qalbna, u li aħna l-insara nilmħu l-wiċċ tiegħu f’Ġesù. Hu għalikom! Hu għal min għandu bżonnu! Ħuduh ilkoll u żommuh bħal sinjal, bħala siġill tal-ħbiberija personali t’Alla, li sar pellegrin u bla post biex ihejji post għal kulħadd.

Aħna lkoll vjaġġaturi, ilkoll tallaba tal-imħabba u tat-tama, u għandna bżonn nħossu lil Alla li hu qrib tagħna u li jurina lilu nnifsu fil-qsim tal-ħobż.

Dan il-ħobż ta’ mħabba li llum qed naqsmu bejnietna wassluh intom ukoll lill-oħrajn. Agħtu lil kulħadd ir-rigal tas-simpatija u l-ħbiberija. Dan hu impenn li nistgħu noħduh ikoll.  Hemm bżonnu ħafna. Intom għandkom sensittivita’ partikulari  fejn tidħol id-dimensjoni umana  għax intom tafu xinhi dgħufija, xinhi l-ħtieġa li xi ħadd iżommlok idejk u li twarrab is-suppervja tiegħek biex tħalli lil min jgħinek.

It-talba  tal-“Missierna” li ser ngħidu fl-aħħar hi tassew it-talba tal-fqir. Meta nitolbuh jagħtina l-ħobża ta’ kuljum aħna nkunu qed nuru li nafdaw f’idejn Alla dak li neħtieġu  għall-ħajja tagħna ta’ kuljum.  Dak li  Ġesù għallimna b’din it-talba juri u jiġbor fih il-leħen ta’ min qed ibati minħabba  ħajja  prekarja u nuqqas ta’ dak li hu neċessarju. Meta d-dixxipli talbuh jgħallimhom kif jitolbu, Hu tahom il-kliem tal-fqar li jduru lejn il-Missier wieħed li fih lkoll nagħrfu li aħna aħwa ta’ xulxin. Il-Missierna hi talba li fiha nużaw il-plural: fiha nitolbu “ħobżna”  u dan ifisser kondiviżjoni, parteċipazzjoni u responsabbilta’ komuni. F’din it-talba lkoll nagħrfu l-ħtieġa li negħlbu  kull forma ta’ egoiżmu biex naslu għal dak il-ferħ li nħossu meta nilqgħu lil xulxin.

Illum nistgħu naqsmu bejnietna l-ħobżna ta’ kuljum. U ta’ dan ilkoll nixtiequ nirringrazzjaw lil Alla.

 

[Missierna]

Il-Mulej iberikna, ibierek lilna lkoll, ibierek dan l-ikel, ibierek lil dawk li ppreparawh, u jgħinna nibqgħu mexjin ‘l quddiem fil-mixja tal-ħajja. L-ikla t-tajba!

 

 

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Vivienne Attard