Għeżież ħuti,

Ilbieraħ fi Bratislava (fis-Slovakkja) kien beatifikat Titus Zeman, saċerdot Sależjan.  Hu jingħaqad mal-lista twil tal-martri tas-seklu XX, għax miet fl-1969 wara li kien ilu żmien twil fil-ħabs minħabba l-fidi tiegħu u s-servizz pastorali.  Jalla x-xhieda tiegħu tkun ta’ rfid għalina fil-waqtiet diffiċli tal-ħajja u tgħinna nagħrfu, anki waqt il-provi, li l-Mulej hu preżenti.

F’dal-Ħadd tilħaq il-quċċata tagħha l-ġimgħa dedikata b’mod partikolari għall-Kelma t’Alla, fl-okkażjoni tat-tifkira, ilbieraħ, ta’ San Girolmu, għalliem kbir tal-Iskrittura Mqaddsa.  Niżżu ħajr ‘l Alla għad-don tal-Kelma tiegħu filwaqt li nieħdu mpenn biex naqraw u nimmeditaw il-Bibbja, speċjalment l-Evanġelju.

Fl-aħħar, ningħaqdu spiritwalment mal-fidili li nġabru fis-Santwarju ta’ Pompej għas-supplika tradizzjonali lill-Madonna tar-Rużarju, li llum hi presjeduta mill-President tal-Konferenza Episkopali Taljana, il-Kardinal Bassetti.

Nawgura l-Ħadd it-tajjeb lin-nies kollha ta’ Bologna kemm dawk imwielda hawn kif ukoll dawk li huma “adottati”.  Jekk jogħġobkom tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber