Għeżież ħbieb,

Ninsab kuntent li naqsam magħkom dan il-mument u nirringrazzja kordjalment lir-Rettur u lill-istudent li tkellem f’isem sħabu l-istudenti, għad-diskors tagħhom. Ma stajtx niġi Bologna mingħajr ma niltaqa’ mad-dinja universitarja. L-Università ta’ Bologna kienet għal kważi elf sena laboratorju tal-umaniżmu: hawnhekk, id-djalogu max-xjenzi inawgura (beda) epoka mill-aktar importanti u fforma lill-istess belt. Għal din ir-raġuni, il-belt stess ta’ Bologna bdiet tiġi msejjħa “la dotta” (jiġifieri “l-għarfa “ jew “l-imgħallma”) u dan mhix b’kapriċċ imma propju minħabba l-università tagħha, Università dejjem miftuħa, f’kull sens u li żammet lill-istess belt ta’ Bologna dejjem miftuħa għall-għerf u t-tagħlim, hi u teduka liċ-ċittadini tad-dinja waqt li tfakkar lil kulħadd l-identità tagħha bħala università li tkun dar komuni, kif turi l-kelma “universitas” stess.

Il-kelma “universitas” għandha l-idea ta’ ġabra fimkien ta’ kollox, jiġifieri tas-suġġetti u d-dixxiplini kollha, u l-idea tal-komunità. Din l-idea tgħinna niftakru fil-bidu ta’ din l-Università – u hi xi ħaġa tant prezzjuża li tikkoltiva l-memorja! – meta gruppi ta’ studenti bdew jinġabru madwar l-għalliema tagħhom.  Żewġ ideali qanqluhom biex jagħmlu dan l-ideal “vertikali”, jiġifieri li ma tistax tgħix tassew mingħajr ma tgħolli r-ruħ u l-moħħ lejn l-għerf u t-tagħlim, mingħajr ix-xewqa li wieħed jgħolli ‘l fuq il-ħsieb u l-konoxxenza tiegħu: u l-ideal “orizzontali”, jiġifieri li r-riċerka trid issir flimkien, waqt li tistimola interessi tajbin komuni, li wieħed jaqsam ukoll mal-oħrajn. Din hi l-karatteristika universali tal-università, karatteristika li qatt ma tieqaf milli tinkludi fih lil kulħadd u lil kull suġġett possibbli. Dan juruh is-sitt elef stemma magħmulin minn bosta kuluri, li kull waħda minnhom tirrappreżenta l-familja ta’ xi żagħżugħ li ġie jistudja hawn, studenti li ġew mhux biss minn tant bliet Taljani oħrajn, imma wkoll minn tant pajjiżi Ewropej oħrajn u saħansitra mil-Amerika t’Isfel! – L“Alma Mater” tagħkom, u kull università oħra, hija imsejħa biex tfittex dak li jgħaqqad lill-bnedmin flimkien. Il-merħba li tagħtu lil studenti li ġejjin minn ambjenti mbiegħda u diffiċli hu sinjal sabiħ: juri li l-Università ta’ Bologna hi l-post ta’ bosta inkontri sekulari, inkontri li fihom xi drabi, dawk li jieħdu sehem fihom, jaqblu u xi drabi ma jaqblux, imma li permezz tagħhom dejjem joħolqu relazzjoni ma’ xulxin, u fiż-żminijiet reċenti, waħda mill-universitajiet importanti tal-proġett “Erasmus”. Jalla dejjem tikkultiva u taqdi din il-vokazzjoni tagħha!

Hawnhekk, kollox beda bl-istudju tal-Liġi, fatt li jixhed li l-Università fl-Ewropa għadha għeruq mill-iżjed fondi fl-umaneżmu – umaneżmu li għalih, l-istituzzjonijiet ċivili u tal-Knisja, bil-modi distinti tagħhom, dejjem taw il-kontribut tagħhom. San Duminku stess ammira l-vitalità ta’ Bologna u tal-Università tagħha min-numru kbir ta’ studenti li kienu jiġu fiha biex jistudjaw il-Liġi Ċivili u l-Liġi Kanonika. Bologna,  bl-“istadium” (jiġifieri “bl-università tal-Istudju tagħha”) irnexxielha u għarfet tirrispondi għall-bżonnijiet ġodda tas-soċjetà, hi u tiġbed lejha bosta studenti ħerqana li jitgħallmu u jsiru jafu affarijiet ġodda. San Duminku kien jiltaqa’ magħhom spiss.  Skont storja partikulari, infatti, kien wieħed studjuż minn din l-Università li, milqut minn kemm San Duminku kien jaf l-Iskrittura Mqaddsa tajjeb, staqsieh minn fuq liema kotba kien studja. It-tweġiba ta’ San Duminku hija magħrufa sew: “Studjajt mill-ktieb tal-imħabba Nisranija aktar minn kull ktieb ieħor; filfatt, dan il-ktieb jgħallmek kollox”.

Ir-riċerka tat-tajjeb, infatti, hija ċ-ċavetta biex wieħed jirnexxi fl-istudji tiegħu, l-imħabba hija l-ingredjent li jagħti t-togħma lit-teżori kollha tal-għerf u tat-tagħlim u b’mod partikulari lid-drittijiet tal-bniedem u tal-popli. F’dan l-ispirtu nixtieq nipproponielkom u nħeġġiġkom biex taħdmu għal tlieta minn dawn id-drittijiet, drittijiet li jidhirli li huma attwali ħafna.

1.     Id-dritt għall-kultura. Hawn mhux qed nirreferi biss għad-dritt sagrosant ta’ kulħadd għall-aċċess għall-istudju – li f’wisq partijiet tad-dinja tant żgħażagħ huma mċaħħdin minnu – iżda anke għall-fatt li, b’mod speċjali llum, id-dritt għall-kultura jfisser li wieħed ikollu d-dritt ikabbar ġo fih l-għerf u t-tagħlim, jiġifieri togħma umana u umanizzanti li tagħmel lil dak li jkun dejjem aktar uman. Ħafna drabi, nikkondizzjonaw ruħna b’mudelli ta’ ħajja banali, u ta’ ftit jew xejn importanza, mudelli ta’ ħajja li jmexxu lil dak li jkun lejn suċċess irħis, li ma jagħtux valur lis-sagrifiċċju, li jdaħħlu f’moħħ dak li jkun l-idea li l-istudju mhux ta’ siwi jekk ma jagħtix lil dak li jkun xi ħaġa malajr u konkreta. Le, l-istudju jitlob li wieħed jistaqsi ċerti mistoqsijiet lilu nnifsu, li wieħed ma jintilifx wara affarijiet banali u li wieħed dejjem ifittex is-sens tal-ħajja u fil-ħajja.  Għandna nagħmlu enfasi li ma nħallux lil tant “sireni” jsaħħruna għal warajhom u ma jħalluniex nagħmlu dan it-tiftix.  Ulisse, biex ma jċedix għall-kant tassew sabiħ tas-sireni li bih kienu jsaħħru lill-baħrin u b’hekk dawk kienu jibqgħu deħlin bl-iġfna tagħhom fil-blatiet li kienu mxerrdin ‘l hawn u ‘l hemm fil-baħar, kien jorbot il-ġifen ma’ siġra u jaqta’ widnejn il-baħrin sħabu. Mill-banda l-oħra, Orfeo, biex jegħleb il-kant tas-sireni kien jagħmel xi ħaġa oħra: kien joħloq melodija isbaħ minn dik tas-sireni, li fil-fatt kienet issaħħar lis-sireni stess! U dan hu d-dmir u x-xogħol tagħkom: li twieġbu għall-kant kollu seħer imma bla sens tal-konsumiżmu kulturali b’għażliet aktar dinamiċi u aktar qawwija, permezz tar-riċerka, permezz tat-tagħlim, li wieħed isir jaf affarijiet ġodda u li wieħed jaqsam mal-oħrajn dak li jaħseb u dak li jiskopri.

 

Intom u tarmonizzaw fil-ħajja tagħkom dan il-ġmiel, tkunu qegħdin tipproteġu u tikkultivaw il-kultura vera. Għax l-għerf u t-tagħlim li jqiegħdu lilhom infushom għas-servizz ta’ min joffri l-akbar ammont ta’ flus, li jkabbru l-firdiet u li jiġġustifikaw li wieħed iħossu aħjar mill-ieħor, ma jiffurmawx il-kultura vera. Il-kultura – u dan tgħidu l-kelma nnifisha – hija dik il-ħajja li tikkoltiva, li tkabbar fina u f’kull wieħed u waħda minna, dak li hu tassew uman. U quddiem tant affarijiet li jagħmlu ħafna ħsejjes u li jġegħluna nilmentaw, illum m’għandniex bżonn ta’ nies li jiżvugaw f’dawn l-affarijiet li semmejna, imma li jmexxu ‘l quddiem il-kultura vera. Għal dan iservina kliem li jolqot l-imħuħ u jiddisponi l-qlub u mhux kliem jgħajjat biex wieħed jolqot l-istonku.  M’għandniex inkunu kuntenti li npaxxu l-udjenzi tagħna u jeħtieġ li ma nsegwux it-“teatrini” mhux xierqa għall-bniedem li jaħbu tant forom ta’ egoiżmu.  Jeħtieġ li niddedikaw ruħna b’passjoni għall-edukazzjoni vera, jiġifieri dik li toħroġ minn kull wieħed u waħda minna l-aħjar tiegħu jew tagħha għall-ġid ta’ kulħadd. Kontra dik l-hekk imsejħa kultura li tirreduċi lill-bniedem għal xejn ħlief skart; ir-riċerka li twassal biss għall-interess egoistiku u x-xjenza li twassal biss għat-teknoloġija u t-teknika. Jeħtieġ li naffermaw u noħolqu flimkien kultura li tagħti dinjità lill-bniedem, riċerka li tirrikonoxxi  l-merti u tippremja s-sagrifiċċji, tekonoloġija li ma tkunx żviluppata biss għal skopijiet kummerċjali, żvilupp fejn dak kollu li hu komdu jsir leċitu.

 

2.     Id-dritt għat-tama – Tant bnedmin illum, qed jesperjenzaw is-solitudni u l-ansjetà,  u qegħdin iħossuhom fl-arja tqila tal-abbandun minn sħabhom il-bnedmin.  Għalhekk, jeħtieġ li nagħtu spazju għal dan id-dritt għat-tama: hu dritt li ma niġux ibbumbardjati kuljum bil-biża’ u l-mibegħda. Hu dritt li ma negħrqux taħt ċerti frażijiet u espressjonijiet maħluqa mill-kilba li wieħed isir popolari akkost li jgħid affarijiet mhux veri u li jġibu l-firda u l-inkwiet fost il-bnedmin. Id-dritt tat-tama hu dritt li wieħed iwaqqaf jew jillimita dik li tissejjaħ “il-kronaka s-sewda”, iġifieri dak kollu li qegħdin nirreferu għalih, u dan għax anke dik li tissejjaħ “il-kronaka l-bajda”, jiġifieri l-affarijiet li huma opposti għal dawk li joħolqu “l-kronaka s-“sewda”, għandhom vuċi li spiss tiġi msikkta.  Hu d-dritt tagħkom iż-żgħażagħ li tikbru ħielsa mill-biża’ mill-futur, li tkunu tafu li fil-ħajja jeżistu realtajiet sbieħ u permanenti, li għalihom ta’ min li wieħed jaħdem u jagħmel is-sagrifiċċju.  Hu d-dritt li wieħed jemmen li l-imħabba vera mhix l-imħabba tal-mentalità ta’ “uża u armi” u li x-xogħol mhux illużjoni li wieħed diffiċli biex jilħaq, imma wegħda għal kulħadd, li jeħtieġ li titwettaq fil-prattika.

 

Kemm tkun ħaġa sabiħa li l-awli tal-universitajiet isiru għejjun ta’ tama, uffiċini fejn wieħed jaħdem għal futur aħjar, fejn wieħed jitgħallem ikun responsabbli għalih innifsu u għad-dinja, postijiet fejn wieħed iħossu responsabbli għall-futur tad-dar tagħna, tad-dar komuni tagħna, jiġifieri tad-dinja tagħna.  Xi kultant, il-biza’ jirbaħ.  Imma fi żmienna qed ngħixu fi kriżi li hi wkoll opportunità kbira, sfida għall-intelliġenza u għal-libertà ta’ kull wieħed u waħda minna, sfida li noħolqu t-tama li nkunu artiġġjana tat-tama. U kull wieħed u waħda minna jista’, jew tista’, jkun, jew tkun, hekk għall-oħrajn.

 

3.     Id-dritt għall-paċi – Anke dan hu dritt, huwa dover, imnaqax fil-qalb tal-umanità, għax “l-għaqda għandha tirbaħ fuq il-konflitt” (Evangelii Gaudium, 226). Hawnhekk, proprju fejn jinsabu l-għeruq tal-università fl-Ewropa, nieħu gost infakkar li din is-sena ċċelebrajna s-sittin anniversarju mill-iffirmar tat-Trattat ta’ Ruma, trattat li bih bdiet l-Ewropa Magħquda. Wara żewġ Gwerer Dinjija u bosta tipi ta’ vjolenzi atroċi ta’ popli kontra popli oħra, l-Unjoni Ewropea twieldet biex issostni u żżomm id-dritt għall-paċi. Iżda llum , ħafna interess differenti u bosta konflitti, jidhru li qegħdin ixejn l-vizjoni tal-paċi li kien hawn fil-passat. Qed nesperjenzaw fraġilità inċerta u l-għejja li noħolmu affarijiet li ma jitwettqux. Iżda, jekk jogħġobkom, tibżgħux tkomplu taħdmu għall-għaqda fost il-bnedmin! Tibżgħux minn din l-għaqda! Ir-raġunamenti u l-mentalitajiet egoisti ta’ individwi, soċjetajiet, setturi u nazzjonijiet partikulari, ma għandhomx ixejnu l-ħolm kuraġġuż tal-fundaturi tal-Ewropa Magħquda. U hawn qed nirreferi mhux biss għal dawk il-bnedmin tassew kbar ta’ kultura u ta’ fidi li taw il-ħajja lill-proġett Ewropew, imma wkoll għal miljuni ta’ nies li tilfu ħajjithom għax fl-Ewropa ma kienx hawn għaqda u paċi. Ejjew ma ninsewx lil dawn in-nies!

Mitt sena ilu dwiet ma’ kullimkien il-vuċi tal-Papa Bendittu XV, li kien l-Arċisqof ta’ Bologna qabel am kien sar Papa, li qa li l-gwerra hi “straġi bla bżonn”, kif qal fl-Ittra li hu kien bagħat lill-Pajjiżi li kienu qegħdin jiġġieldu fl-Ewwel Gwerra Dinija, ittra li ġġib id-data tal-1 ta’ Awwissu tal-1917.  Meta l-Papa ddiżassoċja ruħu minn dawk li bosta li dawk iż-żminijiet kienu qegħdin isejħulhom “raġunijiet validi għaliex għandu jkun hawn gwerra”, il-kliem tal-Papa donnu deher għal ħafna bħala affront kontra dawn l-individwi u dawn il-pajjjiżi. Imma l-istorja turina li l-gwerra hi dejjem u biss “straġi bla bżonn”, “straġi inutli”. Ejjew  mela, ngħinu lil xulxin, kif tafferma l-Kostituzzjoni Taljana “biex naħdmu kontra l-gwerra” (Artiklu 11), biex noħolqu modi ta’ kif ngħixu flimkien mingħajr vjolenza u bil-ġustizzja, modi kif dejjem niffavorixxu l-paċi bejnietna. Għax quddiem il-paċi, ma nistgħux nibqgħu indifferenti jew newtrali. Il-Kardinal Lercaro, propju hawnhekk, kien qal: “Il-Knisja ma tistax tibqa’ newtrali quddiem il-ħażen, jiġi minn fejn jiġi. Il-Knisja ma teżistix biex tkun newtrali, imma biex tkun profetika, il-ħajja u l-missjoni tagħha m’humiex in-newtralità imma l-profezija (Omelija, 1 ta’ Jannar 1968). Ejjew mela, ma nkunux newtrali imma nies li nappoġġjaw il-paċi u naħdmu għaliha!

 

Għalhekk, qegħdin insemmu u nenfasizzaw il-“ius pacis”, jiġifieri, id-dritt għall-paċi, u dan bħala dritt tal-bnedmin kollha li jsolvu l-konflitti ta’ bejniethom mingħajr vjolenza. Għalhekk nirrepeti: qatt aktar il-gwerra, qatt aktar ġens (m’għandu jiġġieled) kontra ġens ieħor, nazzjon jiġġieled konta) nazzjon ieħor! U qatt m’għandna nagħmlu affarijiet billi nħallu barra jew inkeċċu lil xi ħadd minn fostna! Quddiemna spiss naraw l-interessi u l-intriċċi, ħafna drabi moħbija, ta’ dawk li joħolqu l-vjolenza billi jmexxu ‘l quddiem il-ġirja għall-armamenti u li jkasbru l-paċi bl-għemejjel u l-pjani tagħhom.  L-Università twaqqfet hawnhekk għall-istudju tal-Liġi li tant tagħmel enfasi fuq id-drittijiet tal-bniedem, għar-riċerka ta’ dak kollu li jiddefendi lill-persuni umani, dak li jirregola l-ħajja tal-bnedmin flimkien u dak kollu li jeħlisna mir-raġunar ta’ nies setgħana b’valuri ħżiena, nies vjolenti u li jagġmlu li jridu bla kontroll ta’ xejn.  Din hi sfida attwali, jiġifieri, li wieħed jafferma: id-drittijiet tal-persuni u tal-popli, ta’ dawk li huma l-aktar dgħajfa u skartati fis-soċjetà, tal-ħolqien li hu d-dar komuni tagħna.

 

Temmnux lil dawk li jgħidulkom li, li tissielet għal dan l-għan hu għalxejn, hu inutli u li xejn m’hu se jinbidel! Tkunux kuntenti b’ħolm “żgħir”, imma b’ħolm “kbir”, fi kliem ieħor, oħolmu li fis-soċjetà tassew jista’ u għad ikun hawn tibdil kbir għall-aħjar. Intom, żgħażagħ, oħolmu dan it-tip ta’ ħolm!  Anke jien noħlom dan it-tip ta’ ħolm, u mhux biss meta nkun rieqed, għax il-ħolm veru noħolmuh meta jkollna għajnejna miftuħin u noħolmuh fid-dawl tax-xemx.  Inġedded magħkom il-ħolma ta’ “umaneżmu Ewropew ġdid li għalih wieħed jeħtieġ memorja, kuraġġ u xewqa għal dinja ideali li tkun xewqa sana u umana”.  Inġedded magħkom il-ħolma għal Ewropa – omm li “tirrispetta l-ħajja u toffri tamiet għall-ħajja”.  Inġedded magħkom il-ħolma għal Ewropa “fejn iż-żgħażagħ igawdu l-arja nadifa tal-onestà, iħobbu l-ġmiel tal-kultura u tal-ħajja sempliċi, mhux imniġġsa mill-bżonnnijiet artifiċjali u li ma jispiċċaw qatt tal-konsumiżmu, fejn li tiżżewweġ u li jkollok l-ulied ikunu responsabbiltajiet u għejjun ta’ ferħ kbir, u mhux problemi milqutin min-nuqqas ta’ xogħol stabbli” (ara d- Diskors fl-Okkażjoni tal-Għoti tal-Premju Karlu Manju, 6 ta’ Mejju, 2016).  Noħlom li għad ikollna Ewropa “universitarja u omm” li tkun mibnija fuq il-kultura, li xxerred it-tama fost iż-żgħażagħ u l-ulied, u li tkun strument ta’ paċi għad-dinja kollha. Grazzi.

 

Maqlub għall-Malti mit-Taljan minn Kathleen Bonello.