Għeżież ħuti, il-wara nofs in-nhar it-tajjeb,

 

Kemm jien kuntent li qed niltaqa’ magħkom, biex nistgħu naqsmu flimkien il-ferħ li jimla l-qalb u l-ħajja kollha tad-dixxipli missjunarji ta’ Ġesù.  Dan urewh il-kelmtejn ta’ merħba ta’ Mons. Robert Bordi u x-xhieda ta’ Padre Miguel, ta’ Swor Gabriela u tas-seminarista Damian.  Grazzi ħafna li qsamtu magħna l-esperjenza vokazzjonali tagħkom.

 

Fir-rakkont tal-Vanġelu ta’ Mark smajna wkoll l-esperjenza ta’ dixxiplu ieħor, Bartimew, li ssieħeb mal-grupp ta’ dawk li mxew wara Ġesù.  Kien dixxiplu ta’ l-aħħar siegħa.  Kien l-aħħar vjaġġ li l-Mulej kien qed jagħmel minn Ġeriko għal Ġerusalemm, fejn kien sejjer biex jingħata għalina.  Agħma u tallâb, Bartimew kien mixħut fuq il-ġenb tat-triq, imwarrab iżjed minn hekk ma tistax tkun, emarġinat, u meta sar jaf li kien għaddej Ġesù, beda jgħajjat.  Ried jinstema’.  Bħal din is-soru brava [jindika soru qrib tal-palk] li bil-batterija riedet lil kulħadd jismagħha u qaltilna: Jien hawn!  Nawguralek, kemm iddoqq tajjeb!

 

Madwar Ġesù kien hemm l-Appostli, id-dixxipli u n-nisa li ta’ kuljum kienu jimxu warajh, li miegħu terrqu, matul ħajtu, it-toroq tal-Palestina biex iħabbru s-Saltna ta’ Alla.  U folla kbira ta’ nies.  Jekk naqilbu dan għal żmienna, u nġebbdu ftit is-sens tiegħu, madwar Ġesù kienu mexjin l-isqfijiet, is-saċerdoti, ir-reliġjużi, is-seminaristi, il-lajċi impenjati, dawk kollha li kienu jimxu warajh u jisimgħuh, u l-poplu fidil ta’ Alla.

 

Joħorġu b’ċerta qawwa żewġ realtajiet li jiġbdu l-attenzjoni tagħna.  Minn naħa, l-għajta, il-karba ta’ tallâb, min-naħa l-oħra, id-diversi reazzjonijiet tad-dixxipli.  Ejjew naħsbu fid-diversi reazzjonijiet ta’ l-isqfijiet, tas-saċerdoti, tar-reliġjużi, tas-seminaristi għall-għajat li nisimgħu, jew ma nisimgħux.  Donnu l-Evanġelista jrid jurina liema tip ta’ eku sabet l-għajta ta’ Bartimew fil-ħajja tan-nies u fil-ħajja ta’ dawk li jimxu wara Ġesù.  Kif jirreaġixxu għat-tbatija ta’ dak li jinsab fil-ġenb tat-triq – li ħadd ma jagħti kasu, l-iktar l-iktar jixħtulu xi ħaġa tal-flus – ta’ dak li qiegħed bil-qiegħda fuq l-uġigħ tiegħu, li ma jidħolx f’dak iċ-ċirku li miexi wara l-Mulej.

 

Huma tlieta t-tweġibiet għall-għajta ta’ l-agħma.  U anki l-lum dawn it-tliet tweġibiet huma attwali ħafna.  Nistgħu llissnuhom bil-kelmiet tal-Vanġelu stess: Għaddejjin – Iskot! – Agħmel il-qalb, qum!

 

1. Għaddejjin.  Għaddejjin mill-bogħod, u xi wħud għax ma jisimgħux.  Kienu ma’ Ġesù, kienu qed iħarsu lejn Ġesù, riedu jisimgħu lil Ġesù, u ma semgħux.  Ngħaddu, dan hu l-eku ta’ l-indifferenza, ngħaddu minn maġenb il-problemi u dawn ma jmissuniex.  M’hix problema tiegħi.  Ma nisimgħuhomx, ma nagħrfuhomx.  Torox.  Din hi t-tentazzjoni li nqisu t-tbatija bħala ħaġa naturali, nidraw l-inġustizzja.  Iva, għandna nies hekk: jien qiegħed hawn ma’ Alla, bil-ħajja kkonsagrata tiegħi, imsejjaħ minn Ġesù għall-ministeru, u iva, hu naturali li jeżistu l-morda, li jeżistu l-foqra, li jeżistu nies li qed ibatu, u għalhekk hu naturali li ma tiġbidx l-attenzjoni tiegħi karba, talba għall-għajnuna.  U ngħidu lilna nfusna: hu normali, dejjem hekk kien… sakemm ma jmissx lili…  Dan hu l-eku li jitnissel f’qalb xierfa, qalb magħluqa, li tilfet il-ħila li tistagħġeb u allura l-possibbiltà li tinbidel.  Kemm minna li nimxu wara Ġesù qed nirriskjaw li nitilfu l-ħila vera tagħna li nistagħġbu, u anki mal-Mulej?  Dan l-istagħġib ta’ l-ewwel laqgħa li donnu qed jonqos, u dan jista’ jiġri lil kulħadd, seħħ lill-ewwel Papa: “Mulej, għand min immorru?  Int għandek il-kliem tal-ħajja ta’ dejjem!”, u mbagħad jittradih, jiċħdu; kien naqaslu s-sens ta’ stagħġib.  Dan kollu għax wieħed jibda jidra…  Il-qalb tingħalaq.  Qalb li drat ma tħallix lil min imissha; ħajja li, tgħaddi minn naħa għall-oħra, imma qatt ma jirnexxielha tniżżel għeruqha fil-ħajja tal-poplu tagħha, sempliċement għax qiegħda f’dak l-elitiżmu li miexi wara l-Mulej.

 

Nistgħu nsejħulha l-ispiritwalità taz-zapping.  Tgħaddi u terġa’ tgħaddi, tgħaddi u terġa’ tgħaddi, imma qatt ma tieqaf.  Bħal dawk li dejjem jiġru wara l-aħħar ħaġa ġdida, l-aħħar best seller, imma qatt ma jirnexxielhom jidħlu f’kuntatt, f’relazzjoni, lanqas mal-Mulej li warajh mexjin, għax isiru dejjem iżjed torox!

 

Forsi intom tistgħu tgħiduli: “Imma dawn in-nies kienu mexjin wara l-Imgħallem, kienu attenti għal kliem l-Imgħallem.  Lilu kienu qed jisimgħu”.  Naħseb li hawn qed immissu wieħed mill-punti l-iżjed impenjattivi ta’ l-ispiritwalità Nisranija.  Kif ifakkarna Ġwanni l-evanġelista, kif tista’ tħobb lil Alla, li ma tarahx, jekk ma tħobbx lil ħuk, li tara (ara 1 Ġw 4:20b)?  Huma kienu jemmnu li qed jisimgħu lill-Imgħallem, u li anki jinterpretawh, u kliem l-Imgħallem kien jibqa’ għaddej minn fuq l-imħuħ għomja tagħhom.  Li nifirdu f’żewġ partijiet din ir-realtà – bejn li nisimgħu lil Alla u li nisimgħu lil ħuna – hi waħda mill-akbar tentazzjonijiet li jseħbuna fil-mixja kollha tagħna li mexjin wara Ġesù.  U jeħtieġ inkunu konxji ta’ dan.  Bl-istess mod li bih nisimgħu lil Missierna, għandna nisimgħu lill-poplu fidil ta’ Alla.  Jekk dan ma nagħmluhx bl-istess widnejn, bl-istess ħila ta’ smigħ, bl-istess qalb, hemm xi ħaġa mkissra.

 

Ngħaddu mingħajr ma nisimgħu l-uġigħ tan-nies tagħna, bla ma nniżżlu l-għeruq tagħna f’ħajjithom, fl-art tagħhom, qisna qed nisimgħu l-Kelma ta’ Alla bla ma nħalluha tagħmel għeruqha fina u tħalli l-frott.  Xitla, storja bla għeruq, hi ħajja niexfa.

 

2. It-tieni kelma: Iskot!  Dan hu t-tieni atteġġjament quddiem il-karba ta’ Bartimew.  Oqgħod bi kwietek, ittellifniex, iddejjaqniex…  Qed nagħmlu t-talb tal-komunità, ninsabu fi spiritwalità ta’ elevazzjoni profonda ħafna, iddejjaqniex, ittellifniex!  B’differenza mill-atteġġjament ta’ qabel, dan jisma’, jagħraf, jidħol f’kuntatt mal-karba ta’ l-ieħor.  Jaf biha, u jirreaġixxi b’mod sempliċi ħafna, billi jċanfru.  Huma l-isqfijiet, il-qassisin, ir-reliġjużi, il-Papiet b’subgħajhom hekk [jgħolli idu qisu qed jhedded bil-werrej].  Fl-Arġentina, dwar l-għalliema b’subgħajhom hekk, ngħidu: “Din bħall-għalliema ta’ żmien Yrigoyen, li kienu jużaw dixxiplina iebsa ħafna”.  U msejken poplu fidil ta’ Alla, kemm drabi hu mċanfar minħabba fl-istorbju jew is-sitwazzjoni personali ta’ xi dixxiplu ta’ Ġesù.  Dan hu l-atteġġjament ta’ dawk li, quddiem il-poplu ta’ Alla, kontinwament iċanfruh, igorru, jgħidulu biex jiskot.  Żiegħel ftit bih, ħu paċenzja, isimgħu, għidlu li Ġesù jħobbu.  “Le, ma tistax tagħmel hekk”.  “Sinjura, aqbad u oħroġ lit-tarbija tiegħek mill-knisja għax qed tibki u jien qed nippriedka”.  Bħallikieku l-bikja ta’ tarbija ma kinitx priedka sublimi!

 

Din hi t-traġedja tal-kuxjenza iżolata, ta’ dawk id-dixxipli li jaħsbu li l-ħajja ta’ Ġesù qiegħda biss għal dawk li jaħsbu li huma adatti.  Fil-qiegħ ta’ dan hemm disprezz qawwi għall-Poplu qaddis u fidil ta’ Alla: “Dan l-agħma fejn irid jiddeffes?  Ħa joqgħod hemm”.  Donnu dawk “awtorizzati” biss jixirqilhom post, xi “kasta ta’ nies differenti” li bil-mod il-mod tinqata’ mill-bqija, tħossha differenti mill-poplu tagħha.  Għamlu mill-identità kwistjoni ta’ superjorità.  Din l-identità li hi appartenenza ssir superjuri; m’għadhomx iżjed rgħajja imma saru kapijiet: “Jien wasalt sa hawn, int oqgħod hemm f’postok”.

 

Għandhom il-widnejn, imma ma jisimgħux; għandhom l-għajnejn, imma ma jarawx.  Ippermettuli nirrakkonta aneddotu li għext jien stess… lejn is-sena 1975… fid-djoċesi tiegħek [jippunta lejn Isqof preżenti].  Kont għamilt wegħda lis-Señor del Milagro li kull sena mmur Salta f’pellegrinaġġ għall-Miraklu jekk jibgħatli erbgħin novizz.  Bagħatli wieħed u erbgħin.  Wara konċelebrazzjoni – għax hemm, bħal f’kull santwarju ieħor kbir, Quddiesa wara l-oħra, qrar bla waqfien… – jien kont qed nitkellem ma’ qassis li kien ġie miegħi, u tersaq lejna waħda mara, konna kważi ħerġin, b’xi santi, mara sempliċi ħafna, ma nafx kinitx minn Salta jew ġietx minn min jaf fejn, għax xi drabi trid ġranet sħaħ biex tiġi mill-kapitali għall-festa tal-Miraklu: “Dun, tberikhomli?”, staqsiet lill-qassis li kelli miegħi.  “Sinjura, int kont hawn għall-Quddiesa?”.  “Iva, Dun”.  “Tajjeb, hemm il-barka ta’ Alla, il-preżenza ta’ Alla tbierek kollox, kollox…”.  “Iva, Dun, iva, Dun”.  “U mbagħad il-barka ta’ l-aħħar kollox tbierek…”.  “Iva, Dun, iva, Dun”.  Dak il-ħin jasal qassis ieħor ħabib tiegħu, imma li kienu għadhom ma ltaqgħux…  “Aħ!  Mela int hawn!”.  Iduru, u dik il-mara, li ma nafx x’kien jisimha, ħa nsejħulha l-mara ta’ l-“Iva, Dun”, tħares lejja u tgħidli: “Dun, tista’ tberikhomli int?…”.  Dawk li dejjem jibnu l-ħitan għall-poplu ta’ Alla, jaqsmuh.  Għandhom il-widnejn biex jisimgħu, imma ma jisimgħux.  Joqogħdu jippriedkawlu.  Bl-għajnejn, imma ma jarawx.  Il-ħtieġa tagħhom li jħossuhom differenti bblukkat il-qalb tagħhom.  Il-ħtieġa – sew jekk jafu u sew jekk le – li jgħidu: “Jien m’iniex bħal dak, m’iniex bħal dawk”, begħdithom, mhux biss mill-karba tan-nies tagħhom, jew mill-biki tagħhom, imma fuq kollox mir-raġunijiet tal-ferħ tagħhom.  Tidħak ma’ min jidħak, tibki ma’ min jibki, din parti mill-misteru tal-qalb saċerdotali u tal-qalb ikkonsagrata.

 

Xi kultant hemm kasti li aħna noħolqu b’dan l-atteġġjament u qed ninfirdu mill-oħrajn.  Fl-Ekwador, għidt lis-saċerdoti – imma kien hemm anki r-reliġjużi – biex jagħmlu mod, ta’ kuljum, jitolbu għall-grazzja tal-memorja, biex ma jinsewx il-post li minnu telqu: minn ġo nofs il-merħla.  Qatt tinsewh dan, qatt tiċħdu l-għeruq tagħkom, tiċħadx il-kultura li tgħallimt min-nies tiegħek għax issa għandek kultura iżjed sofistikata, iżjed importanti.  Hemm saċerdoti li jistħu jitkellemu l-lingwa nativa tagħhom u allura jinsew il-quechua tagħhom, l-aymara tagħhom, il-guaraní tagħhom, “għax le, le, issa nitkellem fin…”.  Il-grazzja li ma nitilfux il-memorja tal-Poplu fidil.  U din hi grazzja.  Fil-ktieb tad-Dewteronomju, kemm drabi Alla jgħid lill-Poplu tiegħu: “Tinsiex, tinsiex, tinsiex…”.  U Pawlu, lid-dixxiplu l-maħbub tiegħu, li hu stess ikkonsagrah isqof, Timotju, jgħidlu: “U ftakar f’ommok u fin-nanna tiegħek!”.

 

3. It-tielet kelma: Kuraġġ, qum!  U dan hu t-tielet eku.  Eku li ma jitwelidx direttament mill-karba ta’ Bartimew, imma mir-reazzjoni tan-nies li tara kif ġab ruħu Ġesù quddiem l-għajat tat-tallâb agħma.  Jew, dawk li ma tawx kas ta’ l-għajat tiegħu, ma tawhx spazju, jew xi ħadd li ried isikktu, hu ċar li, meta jaraw lil Ġesù jirreaġixxi b’dak il-mod, jibdlu l-attitudni: “Qum!  Qed isejjaħlek”.

 

Hi karba li tinbidel f’Kelma, fi stedina, f’bidla, fi proposti ġodda quddiem il-mod kif aħna nirreaġixxu quddiem il-poplu qaddis u fidil ta’ Alla.

 

B’differenza mill-oħrajn, li baqgħu għaddejjin, il-Vanġelu jafferma li Ġesù waqaf u staqsa: “X’inhu jiġri?”.  Jieqaf quddiem il-karba ta’ persuna.  Joħroġ mill-anonimat tal-folla biex jidentifikah u hekk jimpenja ruħu miegħu.  Iniżżel l-għeruq tiegħu f’ħajtu.  U minflok ma jipprova jsikktu, jistaqsih: “Għidli, x’nista’ nagħmel għalik?”.  M’hemmx għalfejn wieħed joħloq differenzi, ma jiswa xejn li wieħed jinqata’ mill-oħrajn, ma jagħmillu l-ebda priedka, ma jikklassifikahx u lanqas jistaqsih jekk hux awtorizzat jew le biex jitkellem.  Biżżejjed il-mistoqsija, jagħrfu u jrid jagħmel parti mill-ħajja ta’ dan il-bniedem, u jerfa’ fuqu l-istess destin tiegħu.  Hekk, ftit ftit, iroddlu d-dinjità li kien tilef, mitfugħ għall-ġenb tat-triq u agħma.  Jinkludih.  U flok iħares lejh minn barra, għandu l-kuraġġ li jindentifika ruħu mal-problemi u hekk juri l-qawwa tal-ħniena li kapaċi ġġib il-bidla.  Ma teżistix kompassjoni – kompassjoni, mhux pjetiżmu – ma teżistix kom-passjoni li ma tiqafx ħdejn dak li jkun.  Jekk ma tiqafx, ma tistax tħoss ma’, m’għandekx il-kompassjoni divina.  Ma teżistix kompassjoni li ma tismax.  Ma teżistix kompassjoni li ma turix solidarjetà mal-persuna l-oħra.  Il-kompassjoni m’hix zapping, ma ssikkitx it-tbatija, għall-kuntrarju, hi l-loġika propja ta’ l-imħabba, ta’ min iħoss ma’.  Hi l-loġika li mhux mal-biża’ ddur, imma mal-libertà li tiġi mill-imħabba u tqiegħed il-ġid tal-persuna l-oħra fuq kull ħaġa oħra.  Hi l-loġika li tinħoloq meta ma nibżgħux noqorbu lejn l-uġigħ tan-nies tagħna.  Anki jekk tant drabi kull ma nistgħu nagħmlu hu li noqogħdu qrib tagħhom u nagħmlu minn dak il-mument okkażjoni ta’ talb.

 

U din hi l-loġika tad-dixxipulat, dan hu dak li jaħdem fina u magħna l-Ispirtu s-Santu.  Ta’ dan aħna xhieda.  Darba Ġesù rana fuq il-ġenb tat-triq, bil-qiegħda fuq l-uġigħ tagħna, il-miżerji tagħna, l-indifferenza tagħna.  Kulħadd jafha l-istorja antika tiegħu nnifsu.  Ma sikkitx il-karba tagħna, imma waqaf biswitna, qorob lejna u staqsiena x’seta’ jagħmel għalina.  U grazzi għal ħafna xhieda li qalulna: “Kuraġġ, qum!”, naqra naqra l-imħabba ħanina messet lil qalbna, dik l-imħabba li kapaċi tibdel, li ħallietna naraw id-dawl.  M’aħniex xhieda ta’ ideoloġija, m’aħniex xhieda ta’ riċetta, jew ta’ mod kif tagħmel it-teoloġija.  Mhux ta’ dan aħna xhieda.  Aħna xhieda ta’ l-imħabba ta’ Ġesù li trodd lura s-saħħa u turi ħniena.  Aħna xhieda tal-mod kif hu jaħdem fil-ħajja tal-komunitajiet tagħna.

 

U din hi l-pedagoġija ta’ l-Imgħallem, din hi l-pedagoġija ta’ Alla mal-poplu tiegħu.  Mill-indifferenza taz-zapping ngħaddu għall-“Kuraġġ!  Qum, [l-Imgħallem] qed isejjaħlek” (Mk 10:49).  Mhux għax aħna speċjali, mhux għax aħna aħjar, mhux għax aħna funzjonarji ta’ Alla, imma biss għax aħna xhieda grati tal-ħniena li tibdilna.  U meta ngħixu hekk, ikun hemm il-ferħ u l-allegrija, u nistgħu nilqgħu x-xhieda tas-Soru, li f’ħajjitha għamlet tagħha l-parir ta’ Santu Wistin: “Għanni u imxi!”.  Dak il-ferħ li jiġi mix-xhieda tal-ferħ li kapaċi tibdel.

 

M’aħniex waħidna f’din il-mixja.  Ngħinu lil xulxin bl-eżempju u t-talb.  Għandna madwarna sħaba ta’ xhieda (ara Lhud 12:1).  Niftakru fil-Beata Nażarja Injazja ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù, li ddedikat ħajjitha għax-xandir tas-Saltna ta’ Alla fl-għożża ta’ l-anzjani, bil-“platt tal-fqir” għal dawk li ma kellhomx x’jieklu, u fetħet djar tal-kenn għat-tfal iltiema, sptarijiet għall-midruba tal-gwerra u ħolqot ukoll trejdunjin femminili għall-promozzjoni tan-nisa.  Niftakru wkoll fil-Venerabbli Virġinja Blanco Tardío, mogħtija kollha kemm hi għall-evanġelizzazzjoni u għall-għożża tal-persuni foqra u morda.  Dawn, u ħafna oħrajn li bilkemm nafu isimhom, mill-folla, minn fost dawk li jimxu wara Ġesù, huma stimolu għall-mixja tagħna.  Din is-sħaba ta’ xhieda!  Ejjew nimxu bl-għajnuna ta’ Alla u l-kollaborazzjoni ta’ kulħadd.  Il-Mulej jinqeda bina biex id-dawl tiegħu jilħaq l-irkejjen kollha ta’ l-art.  U nimxu, “ngħannu u nimxu!”.  U wara li tgħannu u timxu, nitlobkom, itolbu għalija, għax għandi bżonn.  Grazzi!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard