Ġejna hawn minn bosta postijiet, reġjuni, pajjiżi, biex niċċelebraw il-preżenza ħajja ta’ Alla fostna.  Ilna xi sigħat li ħriġna mid-djar u l-komunitajiet tagħna biex stajna ninġabru hawn flimkien, bħala Poplu Qaddis ta’ Alla.  Is-salib u x-xbieha tal-missjoni jfakkruna mill-ġdid fil-komunitajiet kollha li twieldu f’isem Ġesù f’dawn l-artijiet, li tagħhom aħna werrieta.

 

Fil-Vanġelu li għadna kemm smajna tfissret lilna sitwazzjoni pjuttost simili għal dik li qed ngħixu l-lum.  Bħal dawn l-erbat elef ruħ, aħna nixtiequ nisimgħu l-Kelma ta’ Ġesù u nilqgħu l-ħajja li jagħtina hu.  Il-bieraħ huma u l-lum aħna, flimkien ma’ l-Imgħallem, Ħobż tal-ħajja.

 

Inħossni nitqanqal meta nara ħafna ommijiet bi wliedhom fuq spallejhom.  Kif qed jagħmlu hawn ħafna minnkom.  Ġabu magħhom il-ħajja, il-futur tal-poplu tagħhom.  Ġabu magħhom ir-raġunijiet tal-ferħ tagħhom, tat-tamiet tagħhom.  Ġabu magħhom il-barka ta’ l-art fil-frott.  Ġabu x-xogħol imwettaq minn idejhom.  Idejn li sawru l-preżent u li jinsġu l-aspirazzjonijiet għal għada.  Imma fuq spallejhom ġabu wkoll il-qtigħ il-qalb, in-niket u l-imrar, l-inġustizzja li donnha m’għandhiex tmiem u l-marki tal-ġrieħi ta’ ġustizzja li qatt ma twettqet.  Iġorru fihom il-ferħ u t-tbatija ta’ arthom.  Intom qed iġġorru fikom il-memorja tal-poplu tagħkom.  Għax il-popli għandhom memorja, memorja li tgħaddi minn ġenerazzjoni għal ġenerazzjoni; il-popli għandhom memorja li tinsab f’mixja.

 

U m’humiex ftit id-drabi li fihom inħossu ttaqqal fuqna l-għeja ta’ din il-mixja.  M’humiex ftit id-drabi meta tonqosna s-saħħa biex inżommu ħajja t-tama.  Kemm drabi ngħixu sitwazzjonijiet li jippretendu li jistgħu jraqqdulna l-memorja, u hekk tiddgħajjef it-tama u nitilfu r-raġunijiet tal-ferħ tagħna.  U nibdew nittieħdu minn diqa li ssir individwalista, li tnessina l-memorja li aħna poplu maħbub, poplu maħtur.  Dan it-telfien ifarrakna, jagħlaqna għall-oħrajn, speċjalment għall-iżjed foqra.

 

Jaf jiġrilna bħad-dixxipli ta’ darba, meta raw dik il-kotra hekk kbira ta’ nies li kien hemm.  Talbu lil Ġesù biex jibgħathom lura d-dar, għax ma kienx possibbli jitimgħu lil dawn in-nies kollha.  Quddiem tant sitwazzjonijiet ta’ ġuħ fid-dinja, nistgħu ngħidu: “Skużawna, iċ-ċifri ma jaqblux”; impossibbli naffrontaw dawn is-sitwazzjonijiet; u allura d-disperazzjoni tispiċċa tirbaħ lil qalbna.

 

F’qalb iddisprata faċli ħafna li tidħol il-loġika li tippretendi li tista’ timponi ruħha fid-dinja, fid-dinja kollha, fi żminijietna.  Loġika li tfittex tibdel kollox f’oġġett ta’ skambju, kollox f’oġġett ta’ konsum, kollox negozjabbli.  Loġika li tippretendi li għandha tħalli l-ispazju għall-ftit, u tarmi lil dawk kollha li ma “jipproduċux”, li m’humiex meqjusa idonji u denji għax mid-dehra tagħhom “iċ-ċifri ma jaqblux”.  Ġesù għal darb’oħra jkellimna u jgħidilna: “Le, le, m’hemmx għalfejn neskluduhom, m’hemmx għalfejn imorru, agħtuhom intom stess x’jieklu”.

 

Hi stedina li l-lum qed tidwi bil-qawwa għalina: “M’għandna għax neskludu lil ħadd, m’hemmx bżonn li xi ħadd jitlaq; daqshekk rimi, agħtuhom intom stess x’jieklu”.  Ġesù jkompli jgħidhulna dan f’din il-pjazza.  Iva, daqshekk rimi, agħtuhom intom stess x’jieklu.  Il-viżjoni ta’ Ġesù ma taċċettax loġika, viżjoni li dejjem taqta’ qalbha minn min hu l-iżjed dgħajjef, minn min l-aktar li għandu bżonn.  Hu jaċċetta l-“isfida”, Hu nnifsu jagħtina l-eżempju, jurina t-triq.  Indikazzjoni li nsibuha miġbura fi tliet kelmiet: jieħu f’idejh ftit ħobż u xi ħutiet, iberikhom, jaqsamhom u jagħtihom lid-dixxipli biex dawn jaqsmuhom ma’ l-oħrajn.  U din hi t-triq tal-miraklu.  Ċertament, m’aħniex nitkellmu fuq maġija jew idolatrija.  Ġesù, permezz ta’ dawn it-tliet għemejjel, jirnexxielu jibdel loġika ta’ l-iskart f’loġika ta’ komunjoni, f’loġika ta’ komunità.  Nixtieq nieqaf fil-qosor fuq kull waħda minn dawn it-tliet azzjonijiet.

 

Jieħu.  Il-punt tat-tluq hu li jieħu b’serjetà kbira l-ħajja ta’ dawk li jqishom b’tiegħu.  Iħares f’għajnejhom u minnhom jifhem il-ħajja tagħhom, is-sentimenti tagħhom.  F’dawk il-ħarsiet jilmaħ dak li hemm iħabbat u dak li waqaf iħabbat fil-memorja u l-qalb tal-poplu tiegħu.  Iqisu u jiżnu.  Jagħti valur lit-tajjeb kollu li jistgħu joffru, it-tajjeb kollu li fuqu jista’ jibni.  Ma jitkellimx fuq l-oġġetti u l-ġid kulturali, jew fuq l-ideat, imma jitkellem fuq il-persuni.  L-għana veru ta’ soċjetà jitkejjel mill-ħajja ta’ niesha, jitkejjel fl-anzjani tagħha kapaċi jittrasmettu l-għerf tagħhom u l-memorja tal-poplu tagħhom lill-iżjed ċkejknin.  Ġesù ma jittraskura d-dinjità ta’ ħadd, b’xi skuża li m’għandux x’jagħti u x’jaqsam.  Jieħu kollox kif jiġi.

 

Ibierek.  Ġesù jieħu fuqu, u jbierek lill-Missier li qiegħed fis-Smewwiet.  Jaf li dawn id-doni huma rigal ta’ Alla.  Għalhekk ma jittrattahomx bħala “xi ħaġa kienet li kienet”, għax kull ħajja, dik il-ħajja kollha hi frott ta’ l-imħabba ħanina.  Hu jagħrafha.  Imur lil hemm mis-sempliċi dehra u fil-ġest tal-barka u l-ġieħ jitlob lill-Missier id-don tiegħu ta’ l-Ispirtu s-Santu.  Li tbierek jitlob dik il-ħarsa doppja, minn naħa tirringrazzja u mill-oħra kapaċi tibdel.  Ifisser tagħraf li l-ħajja hi dejjem don, rigal li, imqiegħed f’idejn Alla, jikseb qawwa li tkattru.  Missierna ma jeħdilna xejn, kollox ikattrilna.

 

Għoti.  F’Ġesù m’hemm xejn li hu jieħu li m’hux barka, u ma teżistix barka li m’hix għotja.  Il-barka hi dejjem ukoll missjoni, għandha għan, li taqsam, li wieħed jaqsam ma’ l-oħrajn dak li rċieva, għax hu biss fl-għotja, fil-qsim, li nsibu, bħala persuni umani, l-għajn tal-ferħ u nagħmlu esperjenza tas-salvazzjoni.  Għotja li tixtieq tibni mill-ġdid il-memorja ta’ poplu qaddis, poplu mibgħut biex ikun u jwassal il-ferħ tas-salvazzjoni.  Idejn Ġesù li jogħlew ’il fuq biex ibierku lil Alla tas-Sema huma l-istess idejn li jqassmu l-ħobż lill-kotra bil-ġuħ.  Nistgħu nistħajlu, nistgħu issa nistħajlu kif għaddew minn id għall-oħra l-ħobżiet u l-ħutiet sakemm waslu għand dawk l-iżjed imbiegħda.  Ġesù jirnexxielu joħloq kurrent fost dawk li huma tiegħu, kulħadd qasam ma’ l-ieħor kull ma kellu, u jagħmlu don għall-oħrajn, u hekk kielu sa xebgħu u, ħaġa ta’ l-għaġeb, kien fadal iż-żejjed: ġabruh f’sebat iqfief.  Memorja meħuda fl-idejn, memorja mbierka, memorja offruta dejjem ixxebba’ lill-poplu.

 

L-Ewkaristija hi l-“Ħobż maqsum għall-ħajja tad-dinja”, kif jgħid il-motto tal-Ħames Kungress Ewkaristiku li l-lum qed ninawguraw u li se jiltaqa’ f’Tarija.  Hi Sagrament ta’ komunjoni, li jaqlagħna mill-individwaliżmu biex ngħixu flimkien il-mixja wara Kristu u jagħtina ċ-ċertezza li dak li għandna u dak li aħna, jekk hu milqugħ, imbierek u offrut, bil-qawwa ta’ Alla, bil-qawwa ta’ mħabbtu, isir ħobż tal-ħajja għall-oħrajn.

 

U l-Knisja tiċċelebra l-Ewkaristija, tiċċelebra t-tifkira tal-Mulej, is-sagrifiċċju tal-Mulej.  Għax il-Knisja hi komunità li tfakkar, tagħmel memorja.  Għalhekk, fidila lejn il-mandat tal-Mulej, ittenni kull darba: “Agħmlu dan b’tifkira tiegħi” (Lq 22:19).  Twettaq il-lum, minn ġenerazzjoni għall-oħra, fl-iktar irkejjen differenti tad-dinja tagħna, il-misteru tal-Ħobż tal-Ħajja.  Tagħmlu preżenti u toffrihulna.  Ġesù jrid li aħna nieħdu sehem minn ħajtu u li, permezz tagħna, dan jibqa’ jitkattar fis-soċjetà tagħna.  M’aħniex persuni iżolati għalina waħidna, mifruda minn xulxin, imma aħna l-Poplu tal-memorja mwettqa u dejjem offruta.

 

Ħajja li tfakkar u tagħmel memorja għandha bżonn ta’ l-oħrajn, tar-relazzjonijiet, tal-laqgħa, ta’ solidarjetà vera li għandha l-ħila tidħol fil-loġika ta’ min jilqa’, ibierek u joffri; fil-loġika ta’ l-imħabba.

 

Marija, li bħal ħafna minnkom, refgħet fuqha l-memorja tal-poplu tagħha, il-ħajja ta’ Binha, u ġarrbet fiha nfisha l-kobor ta’ Alla, u xandret bil-ferħ li “mela bil-ġid lil min hu bil-ġuħ” (ara Lq 1:53), tkun il-lum ix-xempju tagħna biex nafdaw ruħna f’idejn it-tjieba tal-Mulej, li jwettaq għemejjel kbar permezz ta’ ħwejjeġ żgħar, permezz ta’ l-umiltà tal-qaddejja tiegħu.  Hekk ikun.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard