Sur President,
Awtoritajiet Distinti,
Ħuti fl-Episkopat,
Għeżież ħuti,

Il-lejla t-tajba!

Fil-bidu ta’ din iż-żjara pastorali, irrid insellem lill-irġiel u lin-nisa kollha tal-Bolivja, bl-isbaħ xewqat għall-paċi u prosperità.  Inrodd ħajr lill-President tal-Istat Plurinazzjonali tal-Bolivja għall-entużjażmu u l-fraternità li biha indirizzali d-diskors ġentili ta’ merħba.  Irrodd ħajr ukoll  lis-Sinjuri Ministri u l-Awtoritajiet tal-Istat, tal-Qawwiet Armati u tal-Puluzija Nazzjonali, li kellhom il-ġentilezza li jiġu jilqgħuni.  Lill-ħuti fl-Episkopat, lis-saċerdoti, lir-reliġjużi nisa u rġiel, lill-fidili Nsara, lill-Knisja kollha pellegrina fil-Bolivja, irrid nesprimi s-sentimenti ta’ komunjoni fraterna tiegħi fil-Mulej. Jien għandi għall-qalbi partikolarment ’l-ulied ta’ din l-art li għal raġunijiet diversi mhumiex hawn u li kellhom ifittxu artijiet oħra biex jilqugħhom, post fejn ommna l-art setgħet tagħmilhom għammiela u ttihom il-possibbiltà li jgħixu.

Inħossni ferħan li ninsab f’din l-art ta’ ġmiel waħdieni, imbierka minn Alla f’diversi żoni tagħha: l-għoljiet, il-widien, l-artijiet Amażżoniċi, id-deserti, l-għadajjar li mhawnx bħalhom: id-daħla tal-Kostituzzjoni ssiġillat dan kollu b’mod poetiku:  «Fi żmien l-imgħoddi telgħu muntanji, nfirxu x-xmajjar, issawwru għadajjar.  Din l-Amażonja tagħna, il-Chaco tagħna, l-għoljiet tagħna, il-pjanuri tagħna u l-widien inksew bil-pjanti u l-fjuri», u dan ifakkarni li d-dinja «hi xi ħaġa aktar minn sempliċi problema li rridu nfittxu s-soluzzjoni tagħha, hija misteru ta’ ferħ li aħna nikkuntemplaw fl-hena u fit-tifħir» (Enċ Laudato si’ ,12).  Imma fuq kollox, hija art imbierka fil-ġens tagħha, bir-realtajiet kulturali u etniċi tant varjati tagħha, li hu għana kbir u appell permanenti għar-rispett u d-djalogu: popli li oriġinaw eluf ta’ snin ilu u oħrajn li qed jinbtu fi żmienna; x’ferħ itina l-għarfien li l-kastellan miġjub f’dawn l-artijiet fejn illum jgħixu mas-36 idjoma oriġinarja li jitwaħħadu - kif jagħmlu fil-fjuri nazzjonali l-kantuta u patujù l-aħmar u l-isfar – biex iżejjen u jgħaqqad fid-differenza.  F’din l-art u f’dal-poplu, rabbiet għeruq sodi t-tħabbira tal-Evanġelju, li tul is-snin baqgħet dejjem idawwal il-konvivenza bil-kontribut lejn l-iżvilupp tal-poplu u bil-mixja ‘l quddiem tal-kultura.

Bħala mistieden u pellegrin jien ġejt biex nikkonferma l-fidi ta’ min jemmen f’Ġesù Kristu rxoxt, għaliex aħna li nemmnu fiH, filwaqt li aħna Pellegrini f’dil-ħajja, aħna xhieda tal-imħabba tiegħu li hi l-ħmira ta’ dinja aħjar, u nagħtu sehemna fil-bini ta’ soċjetà aktar ġusta u solidali.

Ill-Bolivja qed tagħmei passi importanti biex fil-ħajja ekonomika, soċjali u politika tal-pajjiż, tinkludi l-akbar firxa ta’ setturi; tista’ torbot fuq kostituzzjoni li tagħti għarfien lid-drittijiet tal-individwi, tal-minoranzi, tal-ambjent u ta’   istituzzjonijiet li huma sensittivi għal din ir-realtà.  Dan kollu jitlob spirtu ta’ kollaborazzjoni ċivili, djalogu u parteċipazzjoni mill-individwi u mill-atturi soċjali dwar il-kwistjonijiet li jolqtu lil kulħadd. Il-progress integrali ta’ poplu jiġbor fih it-tisdiq tal-valuri fil-persuni u l-konverġenza dwar ideali komuni li jirnexxilhom jgħaqqdu x-xewqat ta’ kulħadd mingħajr ħadd ma jitħalla barra.  Jekk it-tkabbir ikun materjali biss, jibqa’ dejjem ir-riskju li nerġgħu nibdew noħolqu d-differenzi, li l-abbundanza ta’ xi wħud tinbena fuq in-nieqes tal-oħrajn.  Għalhekk, minbarra t-trasparenza tal-istituzzjonijiet, l-għaqda soċjali teħtieġ ukoll sforz għall-edukazzjoni taċ-ċittadini.

F’dawn il-jiem nixtieq inħeġġeġ il-vokazzjoni tad-dixxipli ta’ Kristu biex jikkomunikaw il-ferħ tal-Evanġelju, biex ikunu l-melħ tal-art u d-dawl tad-dinja.  Leħen ir-Rgħajja għandu jkun profetiku, ikellem lis-soċjetà f’isem ommna l-Knisja – għax il-Knisja hija omm – u jitkellem billi jibda mill-għażla preferenzjali u evanġelika: tal-aħħar, l-iskartati, min hu mwarrab: din hi l-għażla preferenzjali tal-Knisja.  Il-karità fraterna, espressjoni ħajja tal-kmandament il-ġdid ta’ Ġesù, turi ruħha fi programmi, opri u istituzzjonijiet li jfittxu li jmexxu ‘l quddiem lill-persuna b’mod integrali, u bl-istess mod jikkuraw u jħarsu lill-aktar dgħajfa.  Ma nistgħux nemmnu f’Alla l-Missier mingħajr ma naraw lil ħuna f’kull persuna oħra, mingħajr ma nagħtu ħajjitna għal dawk li Hu miet għalihom fuq is-salib.

Fi żmien meta tant drabi hem it-tendenza li ninsew jew inħawdu l-valuri fundamentali, il-familja jistħoqqilha attenzjoni speċjali min-naħa ta’ min hu responsabbli mill-ġid komuni, għax hija ċ-ċellula fundamentali tas-soċjetà, li tnissel rabtiet solidi ta’ għaqda li fuqha tinbena l-konvivenza umana, u bit-tnissil u l-edukazzjoni tal-ulied, it-tiġdid u l-futur tas-soċjetà jkun fiż-żgur.

Il-Knisja hi mħassaba partikolarment ukoll minnħabba ż-żgħażagħ li, bl-impenn tagħhom fil-fidi u fl-ideali għolja, huma l-wegħda tal-futur. «ħarriesa li jħabbru d-dawl tas-sebħ ġdid u r-rebbiegħa l-ġdida tal-Evanġelju», kien qal San Ġwanni Pawlu II (Messaġġ għat-XVIII-il Jum Dinji taż-Żgħażagħ, 6).  Meta nieħdu ħsieb it-tfal, naċċertaw ruħna li ż-żgħażagħ jimpenjaw ruħhom f’ideali nobbli, din tkun il-garanzija tal-futur għas-soċjetà; u l-Knisja trid soċjetà li taf issib is-serħan ir-ras tagħha meta tagħti valur u tistma lill-anzjani tagħha, li huma dawk li jwasslulna l-għerf tal-popli; inħarsu lil dawk li llum huma skartati minħabba interessi li fiċ-ċentru tal-ħajja ekonomika tagħhom iqiegħdu l-alla flus; huma skartati t-tfal u ż-żgħażagħ li huma l-futur ta’ pajjiż; għalhekk jeħtieġ li nieħdu ħsiebhom, jeħtieġ nipproteġuhom, huma l-futur tagħna.

Sur President, għeżież ħuti, grazzji tal-preżenza tagħkom.  Dawn il-jiem se jippermettu li aħna jkollna mumenti ta’ laqgħa vera, djalogu u ċelebrazzjoni tal-fidi.  Jien inħossni hieni li ninsab f’din il-patrija li tiddeskrivi lilha nfisha bħal “paċifista”, patrija ta’ paċi, li tmexxi ‘l quddiem il-kultura tal-paċi u d-dritt għall-paċi.

Inqiegħed din iż-żjara tiegħi taħt il-protezzjoni tal-Verġni Qaddisa ta’ Copacabana, Reġina tal-Bolivja u lilHa nitlobha tħares lil uliedha kollha.  Grazzi ħafna u l-Mulej iberikkom.  Jallalla Bolivja!