Għeżież ħuti,

Ma stajtx nitlaq mill-Bolivja mingħajr ma niġi nżurkom, mingħajr ma naqsam magħkom il-fidi u t-tama li jitnisslu mill-imħabba offruta fuq is-salib.  Grazzi li laqjtuni.  Naf li tħejjejtu u tlabtu għalija.  Nirringrazzjakom ħafna.

Fil-kliem ta’ Mons. Jesús Juárez u fix-xhieda tal-aħwa li tkellmu, stajt nifhem kif it-tbatija m’għandhiex ħila titfi t-tama li jkollha għeruqha fil-fond tal-qalb, u li l-ħajja tkompli tixxettel bil-qawwa anki f’ċirkustanzi kuntrarji.

Min hawn quddiemkom?  Nistħajjilkom tistaqsu.  Irrid inwieġeb għal din il-mistoqsija biċ-ċertezza ta’ ħajti, b’ċertezza li lili mmarkatni għal dejjem.  Dak li hawn quddiemkom hu bniedem maħfur.  Bniedem li kien u li hu salvat mill-ħafna dnubiet tiegħu.  Hekk qed nippreżenta ruħi lilkom.  Ftit għandi x’nagħtikom u noffrilkom, imma dak li għandi hu dak li jien inħobb, iva, irrid intihulkom, irid naqsmu magħkom: huwa Ġesù, Ġesù Kristu, il-ħniena tal-Missier.

Hu ġie biex jurina, biex juri bil-fatti l-imħabba li Alla għandu għalina.  Għalik, għalik, għalik, għalija.  Imħabba attiva, reali.  Imħabba li turi li r-realtà ta’ niesu ħadha bis-serjetà.  Imħabba li tfejjaq, taħfer, tqajjem mill-ġdid, tikkura.  Imħabba li tersaq lejna u ttina lura d-dinjità.  Dinjità li nistgħu nitilfuha għal ħafna raġunijiet.  Imma Ġesù, f’dan hu rasu iebsa: ta ħajtu għal dan, biex itina lura l-identità mitlufa.  Biex ilibbisna mill-ġdid bil-qawwa tad-dinjità tiegħu.

Qed tiġini f’moħħi esperjenza li tista’ tgħinna:  Pietru u Pawlu, dixxipli ta’ Ġesù kienu huma wkoll priġunieri.  Anki lilhom kienet itteħditilhom il-libertà.  F’dik iċ-ċikostanza, kien hemm xi ħaġa li għenithom, xi ħaġa li ma ħallithomx jaqgħu fid-disperazzjoni, ma ħallithomx jaqgħu fid-dlam li jista’ jiġi minn xi ħaġa li ma tagħmilx sens.  Kien it-talb.  Kien il-fatt li jitolbu.  Talb personali u komunitarju.  Huma kienu jitolbu u kienu jitolbu għalihom l-oħrajn.  Żewġ movimenti, żewġ azzjonijiet li flimkien jiffurmaw xibka li tirfed il-ħajja u t-tama.  Iżżommna bogħod mid-disperazzjoni u timbuttana biex nibqgħu mexjin.  Xibka li ssostni l-ħajja, tagħkom u tal-familjari tagħkom.  (Filwaqt li ħares lejn wieħed li kien ta x-xhieda tiegħu) Int tkellimt dwar ommok.  It-talb tal-ommijiet, it-talb tal-mara, it-talb tal-ulied, u tagħkom: din hi xibka li tmexxi l-ħajja ‘l quddiem.

Għax meta Ġesù jidħol fil-ħajja tal-bniedem, dan ma jistax jibqa’ priġunier tal-passat tiegħu, imma jibda’ jħares lejn il-preżent b’mod ieħor, b’tama ġdida.  Bniedem jibda’ jħares lejh innifsu, lejn ir-realtà personali, b’għajnejn differenti.  Ma jibqax ankrat ma dak li ġara, imma jkollu ħila jibki u jsib il-forza biex jibda mill-ġdid.  U jekk f’xi waqtiet inħossu d-djieqa tal-qalb, inħossuna mhux f’sikkitna, mgħattnin, nistedinkom tħarsu lejn wiċċ Ġesù Kurċifiss.  Fil-ħarsa tiegħu ilkoll kemm aħna nistgħu nsibu postna.  Ilkoll nistgħu inħallu f’idejh il-ġrieħi tagħna, id-dwejjaq tagħna, anki l-iżbalji tagħna, dnubietna, tant affarijiet li aħna stajna żbaljajna fihom.

Fil-pjagi ta’ Ġesù, jsibu posthom il-pjagi tagħna.  Għax aħna lkoll miġrugħin b’mod jew ieħor.  U għaliex noffru l-ġrieħi tagħna lill-pjagi ta’ Ġesù?  Biex jitfejqu, jinħaslu, jinbdilu, iqumu mill-ġdid.  Hu miet għalikom, għalija, biex jagħtina idu u jerfgħana.  Tkellmu, tkellmu mas-saċerdoti li jiġi jarawkom, tkellmu……  Tkellmu mal-aħwa li jiġu, tkellmu….  Tkellmu ma kull min jiġi biex ikellimkom dwar Ġesù.  Ġesù jrid iqajjimna, dejjem.

U din iċ-ċertezza timbuttana biex naħdmu għad-dinjità tagħna.  L-għeluq mhux l-istess bħall-esklużjoni – ħa tkun ċara – għax l-għeluq hu parti minn proċess biex nerġgħu nidħlu lura fis-soċjetà.  Hemm ħafna elementi li jaħdmu kontrikom f’dal-post – jien nafu tajjeb dan, u int semmejt xi wħud b’mod ċar ħafna (b’riferiment għal testimonjanza oħra)- : l-iffullar żejjed, il-ġustizzja li timxi bil-mod, in-nuqqas ta’ taħriġ okkupazzjonali u ta’ programmi ta’ riabilitazzjoni, il-vjolenza, in-nuqqas ta’ faċilitajiet għall-istudenti tal-università….. dan jitlob li jkun hemm alleanza, malajr kemm jista’ jkun, bejn l-istituzzjonijiet, biex jingħataw it-tweġibiet.

Madankollu, filwaqt li qed issir il-ġlieda għal dan, ma nistgħux ngħidu li kollox hu mitluf.  Hemm affarijiet li nistgħu nagħmluhom minn issa.

Hawn, fiċ-ċentru tar-riabilitazzjoni, il-konvivenza tiddependi xi ftit minnkom ukoll.  It-tbatija u n-nuqqasijiet jistgħu jagħmlulkom qalbkom egoista u b’hekk jibdew il-kunflitti, imma aħna għandna wkoll il-ħila li nibdluhom f’okkażjonijiet ta’ fraternità awtentika.  Għinu lil xulxin.  Tibżgħux tgħinu lil xulxin.  Ix-xitan ifittex il-ġlieda, ifittex ir-rivalità, il-firda, il-klikek.  Taqgħux għal-logħba tiegħu!  Tqagħabdu biex timxu ‘l quddiem, magħqudin. 

Nixtieq ukoll nitlobkom biex twasslu t-tislijiet tiegħi lill-familjari tagħkom – uħud minnhom qiegħdin hawn.  Il-preżenza u l-għajnuna tal-familja hija importanti ħafna! In-nanniet, il-missier, l-omm, l-aħwa, il-mara, l-ulied.  Ifakkruna li ta’ min jgħix u jitqabad biex id-dinja tkun aħjar.

Fl-aħħar, kelma ta’ inkoraġġiment għal kull min jaħdem f’dan iċ-ċentru: lid-diriġenti, l-aġenti tal-puluzija penitenzjarja, lil kulħadd.  Intom tagħtu servizz pubbliku fundamentali.  Għandkom biċċa xogħol importanti f’dal proċess tad-dħul mill-ġdid fis-soċjetà.  Dmirkom hu li tgħollu mhux li tumiljaw; li tinkoraġġixxu mhux li tgħakksu.  Proċess li jitlob li titwarrab il-loġika tat-tajbin u l-ħżiena biex minflokha tidħol il-loġika mmirata biex tgħin lill-persuna.  U din il-loġika ta’ għajnuna teħliskom minn kull tip ta’ korruzzjoni u ttejjeb il-kundizzjonijiet għal kulħadd.  Għax meta ngħixu l-proċess b’dal-mod, jinnoblitana, jinkuraġġina u jerfgħana ‘l fuq ilkoll.

Qabel ma ntikom il-barka nixtieq li nitolbu fis-skiet għal ftit ħin, fis-skiet u kulħadd f’qalbu.  Kulħadd jaf x’għandu jagħmel…… 

Jekk jogħġobkom, nitlobkom biex tibqgħu titolbu għalija għax anki jien nagħmel l-iżbalji u jeħtieġli nagħmel il-penitenza. Grazzi.

U Alla Missierna jħarsilna qlubna.  U Alla Missierna li jħobbna, jtina l-qawwa tiegħu, il-paċenzja tiegħu, it-tenerezza ta’ Missier, iberikna.

Fl-isem tal-Missier, u tal-Iben u tal-Ispirtu s-Santu.

U tinsewx titolbu għalija.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber