Ħija Sur President,
ħuti,

Inħossni ferħan b’dil-laqgħa magħkom, awtoritajiet politiċi u ċivili tal-Bolivja, membri tal-korp diplomatiku u personalitajiet tad-dinja tal-kultura u tal-volontarjat.  Irrodd ħajr lil ħija Edmundo Abastoflor, Arċisqof ta’ din il-Knisja ta’ La Paz, għall-merħba li tani.  Nitlobkom tippermettuli li nagħti kuraġġ b’xi ftit kliem lill-ħidma ta’ kull wieħed u waħda minnkom, għal dak li diġà qiegħdin tagħmlu.

Kull min hawn preżenti, bil-mod tiegħu, hu ta’ fehma waħda fil-ħidma lejn il-ġid komuni.  Madwaar 50 sena ilu, il-Konċilju Vatikan II kien iddeskriva l-ġid komuni bħala «il-ġabra ta’ dawk il-kundizzjonijiet tal-ħajja soċjali li jippermettu kemm lill-gruppi kif ukoll lill-membri wieħed wieħed, li jiksbu l-perfezzjoni tagħhom aktar sħiħa u aktar malajr (Kostituzzjoni App. Gaudium et Spes, 26); nirringrazzjakom tal-aspirazzjonijiet tagħkom – skont il-missjoni ta’ kull wieħed u waħda minnkom – biex il-persuni u s-soċjetà jiżviluppaw u jaslu għall-perfezzjoni.  Inħossni żgur mit-tfittxija tagħkom għal dak li hu sabiħ, dak li hu veru, mit-tjubija tal-impenn tagħkom għall-ġid komuni.  Jalla dan l-isforz jgħin biex jibqgħu dejjem jissaraf fit-tisdiq tar-rispett lejn il-persuna umana bħala tali bil-jeddijiet fundamentali u inaljenabbli, immirati lejn żvilupp sħiħ, lejn il-paċi soċjali, jiġifieri l-istabbiltà u s-sigurtà ta’ ordni determinat, li ma jistax jitqiegħed fis-seħħ mingħajr attenzjoni partikolari lejn il-ġustizzja distributtiva (cfr Enċ. Laudato si’, 157.  Fi kliem sempliċi, li l-ġid għandu jinqasam.

Fit-triq lejn il-Katidral, jien u ġej mill-ajruport, stajt nammira l-qċaċet ta Hayna Potosi u l-Illimani, ta’ dik il-“muntanja żgħażugħa” u ta’ dik li turi l-post minn fejn titla’ x-xemx.  Rajt ukoll kif b’manjiera sempliċi, ħafna djar u kwartieri jitwaħħdu mal-medda mżersqa tal-muntanji u ammirajt xi opri tal-arkitettura.  L-ambjent naturali u l-ambjent soċjali, politiku u ekonomiku għandhom rabta intima ma’ xulxin.  Dan jixprunana biex nifirxu l-pedament ta’ ekoloġija integrali – hija problema ta’ saħħa – ekoloġija integrali li tiġbor ċar fiha d-dimensjonijiet umani kollha biex issolvi l-probemi soċjo-ambjentali gravi ta’ żminijietna – inkella l-glaċjieri se jkomplu jgħibu minn fuq dawn l-istess muntanji -, hija l-loġika ta’ dak li rċevejna, il-kuxjenza tad-dinja li rridu nħallu għal min se jiġi warajna, l-orjentament ġenerali, it-tifsira u l-valuri tiegħu, inkella anki dawn se jgħibu bħall-glaċjieri (cfr ibid., 159-160). Irridu nsiru konxji ta’ dan.  Ekoloġija integrali.  U ngħid aktar minn hekk, jeħtieġ ekoloġija ta’ ommna l-art; ekoloġija umana, li nieħdu kura ta’ xulxin; u ekoloġija soċjali- jekk irridu nġebbdu t-tifsira tal-kelma.

Għax kollox jinsab f’rabta, ilkoll għandna bżonn xulxin.  Jekk il-politika tkun iddominata mill-ispekulazzjoni finanzjarja jew jekk l-ekonomija tistrieħ biss fuq il-paradigma teknokratikuu utilitaristiku tal-massimu tal-produzzjoni, lanqas inkunu nistgħu nifhmu, tant anqas insolvu l-problemi kbar li qed jifilġu l-umanità.  Meħtieġa wkoll il-kultura, li minna jifforma parti mhux biss l-iżvilupp tal-ħila intellettwali tal-bniedem fix-xjenzi u l-ħila li joħloq l-arti, imma wkoll it-tradizzjonijiet popolari – anki dawn huma kultura – bis-sensibbiltà propja u partikolari li bihom nibtu u li minnhom ħarġu, sal-ambjent li jtihom is-sens tagħhom.  Bl-istess mod hemm bżonn ta’ edukazzjoni etika u morali li fost il-persuni sseddaq atteġġjamenti ta’ solidarjetà u responsabbiltà.  Irridu nagħtu għarfien lir-rwol speċifiku tar-reliġjonijiet fl-iżvilupp tal-kultura u l-benefiċċji li dawn jistgħu iġibu lis-soċjetà. Partikolarment l-Insara, bħala dixxipli tal-aħbar it-Tajba, aħna nġorru magħna messaġġ ta’ salvazzjoni li fih innifsu għandu ħila jinnobilita l-persuna, jispira ideali għolja li jagħtu impuls għal azzjonijiet li jmorru ‘l hinn mill-interessi indvidwali u jippermettu li wieħed jikseb il-ħila li jirrinunzja a favur tal-oħrajn, flimkien mas-sobrijetà u l-virtuwjiet l-oħra li jsostnuna u jgħaqqduna.  Dawn il-virutwjiet, fil-kultura tagħna jesprimu ruħhom sempliċiment fit-tliet kmandamenti: tigdibx, tisraqx u tkunx għażżien.

Imma rridu ngħassu, għax bħal xejn nidraw l-ambjent tal-ħażen li aħna mdawwrin bih, u nsiru insensittivi għal kif dal-ħażen juri ruħu.  Għalhekk, mingħajr ma nindunaw nibdew nitfixklu bejn dak li hu ġid komuni u dak li hu “ħajja komda”, nibdew ftit ftit niżolqu sakemm l-ideal tal-ġid komuni, għax jibda jintilef, jispiċċa biex isir “kumdità’, speċjalment meta nkunu aħna stess li qed ingawdu minnu, u mhux l-oħrajn.

Il-ġid li jintrabat biss mal-abbundanza materjali għandu t-tendenza li jkun egoista, għandu t-tendenza li jiddefendi biss l-interessi tiegħu, li ma jaħsibx fl-oħrajn, u li jċedi quddiem il-lixka tal-konsumiżmu.  F’dan id-dawl, minflok jgħin, il-ġid iqarreb lejn il-possibiltà li jiddeġenera f’kunflitt; meta l-ġid jafferma ruħu bħala l-perspettiva dominanti, jiġġenera l-ħażen tal-korruzzjoni li jiskoraġġixxi u jagħmel ħafna ħsara.  Iżda, il-ġid komuni hu aqwa mill-ġabra tal-interessi individwali, hu passaġġ li jgħaddi minn dak “li hu l-aħjar għalija” għal “dak li hu l-aħjar għal kulħadd”, u fih jiġbr dak kollu li jnissel l-għaqda fost il-poplu: għanijiet komuni, valuri maqbula, ideali li jgħinuna nerfgħu ħarsitna ‘l hinn mix-xefaq individwali.

L-atturi soċjali differenti għandhom ir-responsabbiltà li jagħtu sehemhom fil-bini tal-għaqda u l-iżvilupp tas-soċjetà.  Il-libertà hi dejjem l-aħjar sitwazzjoni biex il-ħassieba, l-assoċjazzjonijiet ċivili, il-mezzi tal-komunikazzjoni, jaqdu l-funzjoni tagħhom bil-passjoni u l-kreattività, għas-servizz tal-ġid komuni.  Anki l-Insara, imsejħin biex ikunu l-ħmira fost il-poplu, iwasslu l-messaġġ tagħhom lis-soċjetà.  Id-dawl tal-Evanġelju ta’ Kristu mhux propjetà tal-Knisja; pjuttost hi l-qaddejja tiegħu: il-Knisja jeħtieġ li sservi l-Evanġelju ta’ Kristu biex jasal sat-truf tad-dinja.  Il-fidi hija dawl li ma jgħammixx, il-fidi ma tgħammixx, il-fidi hija dawl li ma jdallamx imma jiċċara u jorjenta bir-rispett lejn il-kuxjenza u l-istorja ta’ kull persuna u ta’ kull soċjetà umana.  Ir-rispett.  Il-Kristjaneżmu kellu rwol importanti fit-tfassil tal-identità tal-poplu Bolivjan.  Il-libertà reliġjuża – bil-mod li din soltu tinftiehem fil-qasam ċivili – tfakkarna wkoll li l-fidi ma tistax tkun relegata għall-isfera purament suġġettiva.  Mhix sotto-kultura.  L-isfida imbagħad tkun, li tinkuraġġixxi u tmexxi ‘l quddiem it-twarrid tal-ispiritwalità u l-impenn tal-fidi, l-impenn Nisrani fil-ħidma soċjali, li tifrex il-ġid komuni permezz tal-opri soċjali.

Fost l-atturi soċjali differenti, irrid inqiegħed fl-ewwel post il-familja li hi mhedda minn kull naħa minn tant fatturi: il-vjolenza domestika, l-akoliżmu, il-maskiliżmu, id-droga, in-nuqqas ta’ xogħol, in-nuqqas ta’ sigurtà ċivili, l-anzjani abbandunati, it-tfal tat-triq,  u mit-taparsi soluzzjonijiet li jkunu meħudin mhux mill-perspettiva tal-għajnuna lill-familja imma li jkunu mnisslin b’mod ċar ħafna mill-koloniżżazzjoni ideoloġika.  Il-familja ssolvi tant problemi soċjali, u dawn issolvihom fis-skiet, tant li jfisser li meta ma nieħdux ħsieb immexxu ‘l quddiem il-familja inkunu qed inħallu lil min hu l-aktar vulnerabbli mingħajr protezzjoni.

Nazzjon li jfittex il-ġid komuni ma jistax jingħalaq fih innifsu; ix-xbieki tar-relazzjonijiet isaħħu lis-soċjetajiet.  Illum, il-problema tal-imigrazzjoni turina dan biċ-ċar.  Illum huwa indispensabbli l-iżvilupp tad-diplomazija mal-pajjiżi ġirien, bl-għan li jkunu evitati kunflitti bejn popli aħwa u tingħata kontribuzzjoni lejn id-djalogu sinċier u miftuħ dwar il-problemi li jeżistu.  U hawnhekk qed naħseb dwar il-baħar: id-djalogu huwa indispensabbli.  Jeħtieġ jinbnew pontijiet mhux ħitan.  Il-kwistjonijiet kollha, jaħarqu kemm jaħarqu, għandhom soluzzjoni li tkun maqbula, għandhom soluzzjonijiet raġjonevoli, ġusti u dejjiema.  U, f’kull każ, qatt m’għandhom iservu biex tinħoloq l-aggressjoni, għadab jew ostilità li jgħarrqu aktar is-sitwazzjoni u jirrendu s-soluzzjoni aktar iebsa.

Il-Bolivja għaddejja minn waqt storiku: il-politika, id-dinja tal-kultura, ir-reliġjonijiet, huma parti minn din l-isfida sabiħa tal-għaqda.  F’din l-art, fejn l-isfruttament, ir-rgħejba, l-egoiżmi bla għadd u l-prospettivi settarji dallmu l-istorja, illum jista’ jkun għaliha ż-żmien tal-integrazzjoni. U jeħtieġ li timxu f’din it-triq.  Illum il-Bolivja tista’ toħloq, għandha ħila, bl-għana tagħha, toħloq sinteżi kulturali ġodda.  Kemm huma sbieħ il-pajjiżi li jgħelbu l-klima tas-suspetti li jġibu tant ħsara u jagħrfu jintegraw id-diversità, u li din l-integrazzjoni jagħmluha fattur ta’ żvilupp!  Kemm hu sabiħ meta huma jkunu mimlijin spazji li jgħaqqdu, jaħdmu bejntiehom, jiffavorixxu l-għarfien tal-ieħor (cfr Eżort.  App. Il-Ferħ tal-Vanġelu,  210)!  Fit-tiftix tagħha għall-integrazzjoni u għall-għaqda, il-Bolivja hi msejħa biex tkun «armonija ta’ għamliet differenti li tiġbed» (ibdi., 117) u li tiġbed fuq it-triq lejn it-tisħiħ tal-patrija l-kbira.

Grazzi kbira għall-attenzjoni tagħkom.  Nitlob lill-Mulej biex il-Bolivja “din l-art innoċenti u sabiħa” tkompli timxi ‘l quddiem dejjem aktar biex tkun “patrija hienja fejn l-umanità tgħix il-ġid tal-hena u tal-paċi”.  Jalla l-Verġni qaddisa tħariskom u l-Mulej iberikkom bl-abbundanza.  U jekk jogħġobkom, jekk jogħġobkom nitlobkom, tinsewx titolbu għalija.  Grazzi!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber