Il-Papa warrab id-diskors li kellu preparat u minflok għamel dan id-diskors ...

 

Għeżież ħuti, grazzi lill-Arċisqof Costa għall-introduzzjoni tiegħu, u grazzi għas-sehem tagħkom. Hawnhekk għandi diskors ippreparat  li fih tmien paġni ... Iżda aħna ġejna hawn biex nisimgħu lill-Papa u mhux biex naħlu l-ħin! Għaldaqstant jien se nagħti d-diskors lill-Kardinal, li se jittraduċih fil-Bengali, u jien se ngħid dak li joħroġ mill-qalb tiegħi. Ma nafx jekk hux se jkun aħjar jew agħar, imma jiena nassigurakom se jkun inqas nojjuż!

 

Meta dħalt hawn u sellimtilkom, ġietni f’moħħi immaġni tal-profeta Isaija, jiġifieri l-ewwel qari li se naqraw nhar it-Tlieta li ġej: "Għad toħroġ fergħa miz-zokk ta’ Ġesse, għad tinbet rimja minn għeruqu: fuqu jistrieħ l-ispirtu tal-Mulej"(ara 11: 1-2). Isaija, f'ċertu sens, jiddeskrivi hawnhekk l-aspetti żgħar u kbar tal-ħajja tal-fidi, tal-ħajja tas-servizz lil Alla. U meta nitkellmu dwar il-ħajja tal-fidi u s-servizz lil Alla, din tolqot likom, li intom rġiel u nisa ta’ fidi, u li qegħdin isservu lil Alla.

 

Nibdew bir-rimja. Jinbet dak li hemm fil-ħamrija, u din hija ż-żerriegħa. Iż-żerriegħa mhijiex la tiegħek u lanqas tiegħi: iż-żerriegħa jiżragħha Alla, u huwa Alla li jkabbarha. Kull wieħed minna jista’ jgħid: "Jiena r-rimja". Iva, iżda mhux mertu tiegħek, imma sforz iż-żerriegħa li tkabbrek.

 

U jien, x'għandi nagħmel? Insaqqiha, insaqqiha. Sabiex tikber u tilħaq il-milja ta’ l-ispirtu. Huwa dak li tridu tagħtu bħala xhieda

 

Kif nistgħu insaqqu din iż-żerriegħa? Billi nieħdu ħsiebha. Nieħdu ħsieb iż-żerriegħa u nieħdu ħsieb ir-rimja li tibda tikber! Nieħdu ħsieb il-vokazzjoni li rċevejna. Kif jiġi ttrattat tifel ċkejken, kif jiġi ttrattat pazjent, kif tiġi ttrattata l-persuna anzjana. Il-vokazzjoni hija ttrattata b’tenerezza umana. Jekk fil-komunitajiet tagħna, fost is-saċerdoti tagħna tonqos din id-dimensjoni ta’ tenerezza umana, ir-rimja tibqa’ żgħira, ma tikbirx, u tista’ saħansitra tinxef. Trid tieħu ħsiebha bil-ħlewwa, għaliex kull wieħed mill-aħwa fil-presbiterju, kull wieħed mill-aħwa tal-konferenza episkopali, kull wieħed mill-aħwa tal-komunità reliġjuża tiegħi, kull seminarista ħija, huwa żerriegħa ta’ Alla. U Alla jħares lejh bis-sensittività ta' missier.

 

Huwa veru: bil-lejl, jiġi l-għadu u jiżra’ żerriegħa oħra u jista’ jiġri hemm li ż-żerriegħa t-tajba ssib ruħha maħnuqa miż-żerriegħa l-ħażina. Kemm hi ħaġa kerha is-sikrana fil-presbiteri ... kemhi ħaġa kerha is-sikrana fil-konferenzi Episkopali ... kemm hi ħaġa kerha is-sikrana fil-komunitajiet reliġjużi u fis-seminarji. Ħudu ħsieb ir-rimja, ir-rimja ta’ min jirraġuna bis-sens, u tara kif tikber; ara kif tingħażel mis-sikrana u l-ħaxix ħażin

 

Wieħed minnkom - naħseb li kien Marcel - qal: “niddixxerni kuljum kif il-vokazzjoni tiegħi qed tikber”. Tieħu ħsieb ifisser tiddixxerni. U biex tirrealizza li l-pjanta li tikber, jekk tmur għal naħa waħda, tikber tajjeb; jekk tmur x'imkien ieħor, tikber ħażin. U ninduna meta tkun qed tikber ħażin, jew meta jkun hemm kumpaniji jew persuni jew sitwazzjonijiet li jkunu qed jheddu t-tkabbir tagħha. Iddixxerni. U wieħed jista’ jiddixxerni biss meta jkollu qalb li titlob. Itolbu. Tikkura ifisser titlob. Titlob iffiser li titlob lil Dak li żera’ ż-żerriegħa sabiex jgħallimni kif insaqqiha. U jekk jien ninsab f'xi kriżi, jew bdejt norqod, ikun hu li jsaqqiha xi ftit minfloki. Nitolbu jfisser li nitolbu lill-Mulej sabiex jieħu ħsiebna, sabiex jagħtina t-tenerezza li rridu nagħtu lil ħaddieħor. Din huwa l-ewwel idea li nixtieq nagħtikom: l-idea ta’ kura mogħtija liż-żerriegħa li twassal sabiex ir-rimja tikber u tilħaq il-milja tal-għarfien ta’ Alla. Ittrattawha b’attenzjoni, ikkurawha bit-talb, ikkurawha bid-dixxernimjent. Ikkurawha b’tenerezza. Għaliex Alla jieħu ħsiebna: b’tenerezza li missier jaf jagħti.

 

It-tieni idea li qed tiġini hija li, f'dan il-ġnien tas-Saltna t'Alla, mhix żerriegħa biss: hemm eluf u eluf ta' rimjiet, aħna lkoll rimjiet. U mhux faċli li tagħmel komunità. Mhuwiex faċli. Il-passjonijiet tal-bniedem, difetti, il-limiti dejjem jheddu l-ħajja komunitarja, huma theddida għall-paċi. Il-komunità tal-ħajja konsagrata, il-komunità tas-seminarju, il-komunità tal-presbiterju u l-komunità tal-Konferenza Episkopali trid tkun taf kif għandhom ikunu jafu jiddefendu ruħhom minn kull tip ta’ firda. Il-bieraħ irringrazzjajna lil Alla għall-eżempju li l-Bangladesh jaf jagħti fil-qasam tad-djalogu inter-reliġjuż. Wieħed minn dawk li tkellmu ikkwota frażi tal-Kardinal Tauran, meta qal li l-Bangladesh huwa l-aħjar eżempju ta’ armonija fid-djalogu inter-reliġjuż. [applaws] U dan l-applaws huwa għall-Kardinal Tauran. Jekk il-bieraħ għidna dan dwar id-djalogu inter-reliġjuż, aħna qed nagħmlu l-oppost fi ħdan il-fidi tagħna, il-konfessjoni Kattolika tagħna, fil-komunitajiet tagħna? Anki hawn, il-Bangladexx għandu jkun eżempju ta’ armonija!

 

Huma ħafna l-għedewwa tal-armonija, ħafna. Nixtieq insemmi wieħed minnhom, li huwa biżżejjed bħala eżempju. Forsi xi ħadd jista’ jikkritikani għax noqgħod nirrepeti , imma għalija dan huwa fundamentali. L-għadu tal-armonija f’komunità reliġjuża, fi presbiterju, f’episkopat, f'seminarju huwa l-ispirtu tat-tpaċpċiċ . Dan ma vvintajtux jien: elfejn sena ilu, dan qalu ċertu Ġakbu f'ittra li kiteb lill-Knisja. L-ilsien, aħwa, l-ilsien! Dak li jeqred komunità huwa l-kliem barra minn loku fuq l-oħrajn. Jitkabbru d-difetti tal-ieħor. Imma dan ma jingħadx lill-persuna interessata, imma jingħad lil ħaddieħor, u b'hekk jinħoloq ambjent ta’ sfiduċja, ambjent ta’ suspett, ambjent fejn m’hemmx paċi iżd’hemm firda. Hemm ħaġa waħda li nħobb insemmi bħala immaġni tal-ispirtu tat-tpaċpiċ fil-vojt: huwa terroriżmu. Iva, terroriżmu. Għax min jitkellem ħażin dwar l-ieħor ma jagħmilx dan pubblikament. It-terrorista ma jgħidx quddiem kulħadd: “Jiena terrorista”. U min jitkellem ħażin dwar ħadd ieħor, jagħmlu bil-moħbi: jitkellem ma’ xi ħadd, iwaddab il-bomba u jitlaq. U dik il-bomba teqred. U huwa jitlaq, trankwill, biex iwaddab bomba oħra. Għażiża oħti, għażiż ħija, meta tkun trid titkellem mhux kif imiss dwar xi ħadd, igdem ilsienek! L-iktar li jista’ jiġrilek huwa li jintefaħlek, imma int mhux se tweġġa’ lil ħuk jew lil oħtok.

 

L-ispirtu ta’ firda. Kemm-il darba fl-Ittri ta 'San Pawl naqraw l-inkwiet li San Pawl kellu meta dan l-ispirtu daħal fil-Knisja. Naturalment, tistgħu tistaquni: “Missier, iżda jekk nara xi difett f’xi ħadd minn ħuti, u nixtieq nikkorreġih, jew nixtieq ngħidlu, ngħidilha, imma ma nistax nixħet il-bomba, x'nista nagħmel?". Tista’ tagħmel żewġ affarijiet, ma ninsewhomx. L-ewwelnett, jekk ikun possibbli - għaliex mhux dejjem ikun possibbli - għidu lill-persuna, wiċċ imb'wiċċ. Ġesù jagħtina dan il-parir. Veru li xi ħadd jista’ jgħidli: “Le, ma tistax tagħmel dan, Missier, għax din hija persuna kkumplikata". Bħalek, ikkumplikat. Tajjeb, jista’ jkun li għall-prudenza ma jistax isir hekk. It-tieni prinċipju: jekk ma tistax tgħid lill-persuna, għidu lil min jista’ jsib rimedju, u  ’l ħadd aktar. Jew tgħidlu f’wiċċu, jew inkella lil xi ħadd li jista’ jsib rimedju, iżda fil-privat, b’imħabba. Kemm komunitajiet – jien m’inix qed ngħid dan għax smajtu mingħand xi ħadd, qed nitkellem dwar dak li rajt - kemm komunitajiet rajt meqruda minħabba l-ispirtu tat-tpaċpiċ fil-vojt! Jekk jogħġbok, igdem ilsienek meta jkun għadu l-waqt!

 

U t-tielet ħaġa li ridt ngħid - għall-inqas dan ma tantx hu nojjuż ... il-parti nojjuża tinsab fit-test miktub - huwa li tfittxu li jkollkom, tistaqsi u jkollok, spirtu ta’ ferħ. Mingħajr ferħ wieħed ma jistax iservi lil Alla. Nitlob lil kull wieħed minnkom - iżda intom wieġbu dan fikom infuskom u mhux b’leħen għoli: “Kif int  fil-ferħ tiegħek?”. Jiena nassigurakom li hija tassew dieqa meta tiltaqa’ ma’ saċerdoti, ikkonsagrati jew reliġjużi, seminaristi, isqfijiet, b'wiċċ imqarras, li tkun trid tistaqsihom: “X’ħadt għall-kolazzjon dalgħodu, il-ħall?”. Wiċċ imqarras. Dak l-imrar fil-qalb, meta tiġi ż--żerriegħa ħażina u tfesfes: ". Ah, ħares ftit, lil dak laħħquh superjur ... lil dik għamluha superjura ... lill-ieħor għamluh Isqof ... u lili warrbuni.”  M’hemm l-ebda ferħ hemm. Santa Tereża - il-kbira - għandha frażi li hija maledizzjoni: li kienet tgħid lis-sorijiet tagħha: “Miskina dik is-soru  li tgħid: Għamluli inġustizzja! Tuża l-espressjoni Spanjola “sinrazón” fis-sens ta’ inġustizzja. Meta kienet tiltaqa’ ma’ xi soru li kienet tilmenta għaliex “lili ma tawnix dak li kien jistħoqqli” jew “ma tawnix il-promozzjoni”, “ma għamlunix prijura” jew kliem ieħor f’das-sens, ħażin għaliha dik is-soru, miexja fit-triq il-ħażina.

 

Il-Ferħ. Il-ferħ, anke waqt mumenti diffiċli. Dak il-ferħ li, jekk ma jkunx jista’ joħroġ, għaliex il-weġgħa tkun kbira, iġib is-sliem. Qed niftakar f’xena ta’ Tereża l-oħra, iż-żgħira, Tereża tal-Bambin Ġesù.  Kull filgħaxija kellha takkumpanja lejn ir-refettorju soru xiħa, ma tfehemha b’xejn, dejjem irrabjata, marida ħafna, msejkna, kollox idejjaqha. U kull darba li kienet tmissha, kienet tgħidilha: "Le, qed tweġġagħni”. Lejla waħda, waqt li kienet qed takkumpanjaha tul il-kjostru, semgħet ġejja minn dar fil-qrib mużika ta’ festa, il-mużika ta’ nies li kienu qed jiddevertu, nies twajba, kif hija kienet għamlet u rat lil ħutha jagħmlu, u bdiet timmaġina lin-nies jiżfnu, u qalet: “Dan għalija huwa l-ikbar ferħ u ma nibdlu ma’ xejn" Anke f’mumenti problematiċi, diffiċli, fil-komunità - xi kultant jkollok tissaporti superjur jew superjura xi ftit “stramba”- anke f'dawn il-mumenti tgħid: “Ninsab kuntent, Mulej. Jien kuntent”, kif kien jgħid San Alberto Hurtado.

 

Il-ferħ tal-qalb. Jiena nassigurakom li nħoss tant tenerezza meta niltaqa’ ma’ saċerdoti, isqfijiet jew sorijiet anzjani, li għexu l-ħajja fil-milja tagħha. Għajnejhom huma xi ħaġa li ma tistax tiddeskriviha, huma tant mimlija ferħ u paċi. Dawk li ma għexux hekk ħajjithom, Alla huwa twajjeb, Alla jieħu ħsiebhom, iżda jonqoshom dak id-dawl fl-għajnejn li għandhom dawk li fil-ħajja kienu ferrieħa. Ipprova fittex –jidher dan speċjalment fin-nisa - ipprova fittex fis-sorijiet xjuħ, dawk is-sorijiet li jkunu qattgħu ħajjithom kollha biex iservu b’tant ferħ u paċi: għandhom għajnejn jisirquk (furbi), brillanti ... Għaliex għandhom l-għerf tal-Ispirtu s-Santu.

 

Ir-rimja żgħira, f'dawn ix-xjuħ, saret il-milja tas-seba’ doni tal-Ispirtu s-Santu. Ftakru f’dan nhar it-Tlieta li ġej, meta tisimgħu il-Qari tal-Quddiesa, u staqsu lilkom infuskom: jien qed nieħu ħsieb tar-rimja? Qed insaqqiha r-rimja? Qed nieħu ħsieb ir-rimja ta’ ħaddieħor? Nibża li nkun terrorista u, għaldaqstant, jien qatt ma nitkellem ħażin fuq ħaddieħor u ninfetaħ għar-rigal tal-ferħ?

Lilkom ilkoll nixtieq li, bħall-inbid tajjeb, il-ħajja tibqa’ timmaturakom sa l-aħħar, u għajnejkom jiddu bil-leħħa tat-tjubija, bil-ferħ u l-milja tal-Ispirtu s-Santu.

 

Itolbu għalija bħalma jien nitlob għalikom.

 

Id-Diskors ippreparat mill-Papa ...

 

Għeżież ħuti,

 

Jiena kuntent ħafna li ninsab magħkom. Nirringrazzja lill-Arċisqof Moses [Costa] għall-merħba kollha ħeġġa li tani f’isimkom . Niżżi ħajr b'mod speċjali lil dawk li offrew ix-xhieda tagħhom u qasmu magħna l-imħabba tagħhom għal Alla. Nirringrazzja wkoll lil Father Mintu [Palma] talli kkompona t-talba li minn hawn u ftit ieħor se ngħiduha lil Marija. Bħala suċċessur ta’ Pietru, huwa dmir tiegħi li nikkonfermakom fil-fidi. Imma nixtieq li tkunu tafu li llum, permezz ta’ kliemkom u l-preżenza tagħkom, intom ukoll qed tikkonfermaw lili fil-fidi u tagħtuni ferħ kbir.

 

Il-komunità Kattolika fil-Bangladesh hija żgħira. Imma intom bħaż-żerriegħa tal-mustarda li Alla jsajjarha meta jkun il-waqt. Nifraħ meta nara kif din iż-żerriegħa qed tikber u li qed tkun xhud dirett tal-fidi profonda li Alla takom (ara Mt 13: 31-32). Qed naħseb fil-missjunarji devoti w iddedikati li żergħu u ħadu ħsieb din iż-żerriegħa tal-fidi għal kważi ħames sekli. Minn hawn u ftit ieħor ser inżur iċ-ċimiterju u nitlob għal dawn l-irġiel u nisa li servew b'mod ġeneruż lil din il-Knisja lokali. Jien u nħares lejkom qed nara missjonarji li qed jissoktaw f’dan ix-xogħol qaddis. Nara wkoll ħafna vokazzjonijiet li twieldu f'din l-art: huma sinjal tal-grazzji li bihom il-Mulej qed ibierek lilkom. Ninsab tassew kuntent bil-preżenza fostna ta’ sorijiet tal-klawsura u bit-talb tagħhom.

 

Hi ħaġa sabiħa li l-laqgħa tagħna qed isseħħ f'din il-Knisja Qadima tar-Rużarju Mqaddes. Ir-Rużarju huwa meditazzjoni manifika dwar il-misteri tal-fidi li huma l-linfa ħajja tal-Knisja, talba li ssawwar il-ħajja spiritwali u s-servizz appostoliku. Sew jekk aħna qassisin, reliġjużi, persuni kkonsagrati, seminaristi jew novizzi, it-talba tar-Rużarju tħeġġiġna sabiex nagħtu ħajjitna kollha kemm hi lil Kristu, f’unjoni ma’ Marija. Tistedinna sabiex nipparteċipaw fil-ħeġġa li uriet Marija għas-sejħa ta 'Alla fil-mument tat-Tħabbira, fil-kompassjoni ta' Kristu għall-bnedmin kollha meta kien imdendel fuq is-salib u fil-ferħ tal-Knisja hi u tirċievi d-don tal-Ispirtu s-Santu mingħand il-Mulej Mqajjem mill-Mewt..

 

Il-premura ta’ Marija. Kien hemm, matul l-istorja kollha, xi persuna li kellha  l-istess premura bħal Marija fil-ħin tat-Tħabbira? Alla ppreparaha għal dak il-mument u hi wieġbet b’imħabba u fiduċja. Hekk ukoll il-Mulej ħejja lil kull wieħed minna u sejħilna b’isimna. It-tweġiba għal din is-sejħa hija proċess dejjem għaddej tul il-ħajja. Kull jum aħna msejħin sabiex nitgħallmu nkunu aktar attenti għall-Mulej fit-talb, nimmeditaw il-kliem tiegħu u nagħrblu r-rieda tiegħu. Naf li x-xogħol pastorali u l-apostolat jitolbu ħafna minnkom, u li l-ġranet tagħkom spiss ikunu twal u jħallukom għajjenin. Iżda ma nistgħux inġorru l-isem ta’ Kristu jew nipparteċipaw fil-missjoni tiegħu mingħajr ma nkunu qabel xejn irġiel u nisa bl-għeruq tagħna fl-imħabba, imkebbsin bl-imħabba, permezz ta’ laqgħa personali ma’ Ġesù fl-Ewkaristija u fil-kliem tal-Iskrittura Mqaddsa. Patri Abel, inti fakkartna f’dan meta tkellimt dwar kemm hu importanti li tkun ikkultivata relazzjoni intima ma’ Ġesù, għaliex hemmhekk aħna nesperjenzaw il-ħniena tiegħu u niġbdu lejna l-enerġija biex inkunu ta’ qadi għall-oħrajn.

 

Il-ħeġġa għall-Mulej tippermettilna naraw id-dinja permezz tal-għajnejn tiegħu u b’hekk insiru aktar sensittivi għall-ħtiġijiet ta’ dawk li naqdu. Nibdew nifhmu x’inhuma t-tamiet u l-ferħ tagħhom, il-beżgħat u l-piżijiet tagħhom, naraw b’mod aktar ċar it-talenti, il-kariżmi u d-doni li jġibu magħhom sabiex tinbena l-Knisja fil-fidi u l-qdusija. Brother Lawrence, meta kont qed titkellem dwar l-eremità tiegħek, int għintna nifhmu kemm hu importanti li nieħdu ħsieb in-nies biex intaffu l-għatx spiritwali tagħhom. Jalla tkunu intom ilkoll, fil-varjetà kbira tal-apostolat tagħkom, għajn ta’ tiġdid spiritwali u ispirazzjoni spiritwali għal dawk li intom taqdu, u tirrenduhom kapaċi jaqsmu d-doni tagħhom dejjem aktar bis-sħiħ ma’ xulxin, u b’hekk tmexxu ’il quddiem il-missjoni tal-Knisja.

 

Il-kompassjoni ta’ Kristu. Ir-Ruzarju jdaħħalna fil-meditazzjoni tal-passjoni u l-mewt ta’ Ġesù. Meta nidħlu niktar fil-fond f’dawn il-misteri tat-tbatija, naslu biex nifhmu x’qawwa fihom għas-salvazzjoni u aħna nisseddqu fis-sejħa sabiex b’ħajjitna nieħdu sehem fihom permezz tal-kompassjoni u l-għotja tagħna nfusna. Is-sacerdozju u l-ħajja reliġjuża mhumiex karriera. Mhumiex mezz biex navvanzaw. Huma servizz, parteċipazzjoni fl-imħabba ta’ Kristu li jissagrifika ruħu għall-merħla tiegħu. Meta nikkonformaw ruħna kuljum ma’ Dak li nħobbu, naslu biex napprezzaw il-fatt li l-ħajja tagħna ma tappartjenix lilna. M’għadniex aktar dak li qed ngħixu, imma Kristu jgħix fina. (ara Gal 2:20).

 

Aħna inlaħħmu fina din il-kompassjoni meta nakkumpanjaw lin-nies, speċjalment fil-mumenti tagħhom ta’ tbatija u ta’ prova, ngħinuhom isibu lil Ġesù. Patri Franco, grazzi talli qgħedt dan l-aspett quddiem nett: kull wieħed minna huwa msejjaħ biex ikun missjunarju, iġorr l-imħabba ta’ Kristu kollha ħniena lil kulħadd, speċjalment lil dawk li qegħdin fuq il-periferiji tas-soċjetajiet tagħna. Jiena partikolarment grat għax f'ħafna modi ħafna minnkom huma nvoluti fl-oqsma tal-impenn soċjali, tas-saħħa u tal-edukazzjoni, jieħdu ħsieb il-ħtiġijiet tal-komunitajiet lokali tagħkom u tal-ħafna migranti u refuġjati li jaslu fil-Pajjiż. Is-servizz tagħkom għall-komunità umana imxerrda ma’ kullimkien, partikolarment ma’ dawk li jsibu ruħhom l-iktar fil-bżonn, jiswa ħafna sabiex tinbena kultura ta’ ilqugħ u ta’ solidarjetà.

 

Il-ferħ tal-Knisja. Fl-aħħarnett, ir-Ruzarju jimliena bil-ferħ bis-saħħa tat-trijonf ta’ Kristu fuq il-mewt, it-tlugħ tiegħu fuq il-lemin tal-Missier u t-tixrid tal-Ispirtu s-Santu fuq id-dinja. Il-ministeru kollu tagħna huwa mmirat biex jipproklama l-ferħ tal-Evanġelju. Fil-ħajja u fl-appostolat, aħna lkoll nafu sew x’inhuma l-problemi tad-dinja u t-tbatija tal-umanità, imma qatt ma nitilfu l-fiduċja minħabba l-fatt li l-qawwa tal-imħabba ta’ Kristu tisboq il-ħażen u ’l-Prinċep tal-gideb li jrid iqarraq bina u jiġbidna wrajh. Qatt tħalli lilek innifsek taqta’ qalbek minħabba n-nuqqasijiet tiegħek jew minħabba l-isfidi tal-ministeru. Jekk tibqgħu ħerqana għall-Mulej fit-talb u tipperseveraw intom u toffru l-kompassjoni ta’ Kristu lil ħutkom, allura l-Mulej żgur li se jimla l-qlub  tagħkom bil-ferħ ta’ l-Ispirtu Qaddis tiegħu.


Sister Mary Chandra, inti qsamt magħna l-ferħ li ġej mill-vokazzjoni reliġjuża tiegħek u mill-kariżma tal-Kongregazzjoni tiegħek. Marcelius, int ukoll kellimtuna dwar l-imħabba li inti u s-seminaristi sħabek għandkom għall-vokazzjoni saċerdotali. Intom it-tnejn fakkartuna li aħna imsejħin ilkoll u kuljum biex inġeddu u ntennu l-ferħ tagħna fil-Mulej u nagħmlu minn kollox ħalli nimitawh dejjem aktar. Għall-bidu, dan jista’ jidher diffiċli, madankollu jimla l-qlub tagħna b’ferħ spiritwali. Għax kull ġurnata ssir opportunità biex nerġgħu nibdew, ħalli għal darb’oħra nwieġbu lill-Mulej. Taqtgħu qalbkom qatt, għax il-paċenzja tal-Mulej hija għas-salvazzjoni tagħna (ara 2 Pt 3:15).
Ifirħu ​​dejjem fil-Mulej!


Għeżież ħuti, nirringrazzjakom għall-fedeltà tagħkom biex taqdu lil Kristu u lill-Knisja tiegħu permezz tad-don tal-ħajja tagħkom. Niftakar fikom fit-talb tiegħi u nitlobkom titolbu għalija. Ejjew issa nduru lejn il-Madonna, ir-Reġina tar-Rużarju Mqaddes, u nitolbuha biex tikseb għalina lkoll il-grazzja li nikbru fil-qdusija u li nkunu xhieda dejjem iktar ferħana bil-qawwa tal-Evanġelju, ħalli nkunu nistgħu inwasslu fejqan, rikonċiljazzjoni u paċi lid-dinja tagħna.

Quddiem il-Knisja ts-Santu Rużarju

Insellmilkom u nirringrazzjakom għal dan il-ferħ, għal din il-merħba. Grazzi ħafna lilkom. U nixtieq nitlobkom ħaġa waħda: itolbu għalija. Twegħduni? ["Iva!"] Ah, tajjeb. U nixtieq nagħtikom suġġeriment, irrid nagħtikom parir. Filgħaxija, qabel ma tmorru torqdu, itolbu Ave Maria lill-Verġni. Kull lejl, qabel ma morru fis-sodda, itolbu lill-Madonna Ave Maria. Se tagħmluh dan? [ "Iva!"]

 

U issa ejjew nitolbu lill-Madonna flimkien.

 

Ave o Maria, …

 

[Benedizzjoni]

 

Grazzi hafna

 

  

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Louis Spiteri