Waqt li ż-żjara tiegħi f’din l-art sabiħa tagħkom riesqa lejn it-tmiem, ningħaqad magħkom biex irrodd ħajr lil Alla għall-ħafna grazzji li rċivejna f’dawn il-jiem. Meta nħares lejkom, żgħażagħ ta’ Myanmar, u lejn dawk kollha li qed isegwuna minn barra dan il-katidral, nixtieq naqsam magħkom espressjoni mill-Ewwel Qari tal-lum, li għadha tidwi ġo fija. Hi mill-profeta Isaija, u jerġa’ jaqbadha San Pawl fl-Ittra tiegħu lill-komunità żagħżugħa Nisranija ta’ Ruma. Ejja nerġgħu nisimgħu għal darb’oħra dawn il-kelmiet: “Kemm huma sbieħ riġlejn dawk li jħabbru l-ġid!” (Rum 10:15; ara Is 52:7).

 

Għeżież żgħażagħ ta’ Myanmar, wara li smajt l-ilħna tagħkom u llum smajtkom tkantaw, nixtieq napplika dawn il-kelmiet għalikom. Iva, huma sbieħ il-passi tagħkom, u kemm hi ħaġa sabiħa u li tagħmlilna l-qalb narawkom hawn, għax qed iġġibulna “aħbar tajba ta’ ġid”, l-aħbar hienja taż-żgħożija tagħkom, tal-fidi tagħkom u tal-entużjażmu tagħkom. Bla dubju, intom stess aħbar ta’ ferħ, għax intom sinjali konkreti tal-fidi tal-Knisja f’Ġesù Kristu, li jwasslilna ferħ u tama li ma jintemmu qatt.

 

Xi wħud jistaqsu kif inhu possibbli titkellem dwar aħbarijiet ta’ ferħ meta ħafna madwarna qed ibatu. Fejn huma l-aħbarijiet ta’ ferħ meta tant inġustizzja, faqar u miżerja jixħtu dellhom fuqna u fuq id-dinja tagħna? Imma nixtieq li minn dan il-post joħroġ messaġġ ċar ħafna. Nixtieq li n-nies tkun taf li intom, xebbiet u ġuvintur ta’ Myanmar, ma tibżgħux temmnu fl-aħbar it-tajba tal-ħniena ta’ Alla, għax hu għandu isem u wiċċ: Ġesù Kristu. Bħala ħabbara ta’ din il-bxara hienja, intom lesti li twasslu kelma ta’ tama lill-Knisja, lil pajjiżkom, lid-dinja. Intom lesti twasslu l-bxara hienja lill-aħwa li qed ibatu u għandhom bżonn tat-talb u s-solidarjetà tagħkom, imma anki tal-passjoni tagħkom għad-drittijiet umani, għall-ġustizzja, u biex joktor dak li jagħtina Ġesù: l-imħabba u l-paċi.

 

Imma nixtieq nipproponilkom ukoll sfida. Smajtuh b’attenzjoni l-Ewwel Qari? Hemm San Pawl itenni għal tliet darbiet il-kelma “mingħajr [fit-traduzzjoni Taljana]. Hi kelma ċkejkna, imma li tipprovokana biex naħsbu fuq x’inhu postna fil-proġett ta’ Alla. Fil-fatt, Pawlu jagħmel tliet mistoqsijiet, li jien irrid nagħmel lil kull wieħed u waħda minnkom personalment. L-ewwel: “Kif sa jemmnu fih mingħajr ma semgħu l-kelma tiegħu?”. It-tieni: “Kif sa jisimgħu l-kelma tiegħu mingħajr messaġġier li jħabbarhielhom?”. It-tielet: “Kif jista’ jkun hemm messaġġier mingħajr ma ġie mibgħut?” (ara Rum 10:14-15).

 

Nixtieq li lkoll kemm intom taħsbu sew f’dawn it-tliet mistoqsijiet. Imma tibżgħux! Bħala missier (jew aħjar bħala nannu!) li jridilkom il-ġid, ma rridx nitlaqkom waħidkom quddiem dawn il-mistoqsijiet. Ħalluni noffrilkom xi ħsibijiet li jistgħu jgħinukom fil-mixja tagħkom ta’ fidi u jgħinukom tiddixxernu x’qed jitlob minnkom il-Mulej.

 

L-ewwel mistoqsija ta’ San Pawl hi: “Kif sa jemmnu fih mingħajr ma semgħu l-kelma tiegħu?”. Id-dinja tagħna mimlija storbju u distrazzjonijiet li jistgħu jifgaw il-leħen ta’ Alla. Biex oħrajn jiġu msejħa jisimgħuh jitkellem u jemmnu fih, għandhom bżonn isibuh f’persuni awtentiċi, persuni li jafu jisimgħu. U bla dubju hekk tridu tkunu intom. Imma l-Mulej biss jista’ jgħinkom tkunu ġenwini; għalhekk tkellmu miegħu fit-talb. Tgħallmu isimgħu leħnu, tkellmu miegħu bil-kalma fil-qiegħ tal-qalb tagħkom.

 

Imma tkellmu wkoll mal-qaddisin, il-ħbieb tagħna fis-Sema li jistgħu jnebbħuna. Bħal Sant’Andrija, li qed nagħmlu l-festa tiegħu llum. Kien sempliċi sajjied u sar martri kbir, xhud tal-imħabba ta’ Ġesù. Imma qabel ma sar martri, għamel l-iżbalji tiegħu u kellu bżonn jistabar, jitgħallem bil-mod kif ikun dixxiplu veru ta’ Kristu. Anki intom, tibżgħux titgħallmu mill-iżbalji tagħkom! Ħa jkunu l-qaddisin li jmexxukom lejn Ġesù, jgħallmukom tqiegħdu ħajjitkom f’idejh. Kunu afu li Ġesù mimli ħniena. Għalhekk aqsmu miegħu dak kollu li għandkom f’qalbkom: il-biżgħat u t-tħassib, il-ħolm u t-tamiet. Ħudu ħsieb tal-ħajja interjuri, kif kontu tagħmlu ma’ ġnien jew għalqa. Dan jitlob iż-żmien, jitlob il-paċenzja. Imma bħalma bidwi jaf jistenna l-ħsad, hekk, jekk tagħrfu tistabru, il-Mulej jagħtikom li tagħmlu ħafna frott, frott li mbagħad tkunu tistgħu taqsmuh mal-oħrajn.

 

It-tieni mistoqsija ta’ Pawlu hi: “Kif se jisimgħu l-kelma tiegħu mingħajr messaġġier li jħabbarhielhom?”. Din hi ħidma kbira fdata b’mod speċjali f’idejkom iż-żgħażagħ: li tkunu “dixxipli missjunarji”, messaġġiera tal-aħbar it-tajba ta’ Ġesù, fuq kollox għal sħabkom tal-età tagħkom u ħbiebkom. Tibżgħux iċċaqaqlu l-ilma, tagħmlu mistoqsijiet li jġagħlu n-nies taħseb. U tibżgħux jekk xi trabi tħossu li intom ftit u mxerrdin. Il-Vanġelu jikber dejjem minn għeruq żgħar. Għalhekk, semmgħu leħinkom! Irrid nitlobkom tgħajtu, imma mhux bil-vuċi, le, nixtieq li tgħajtu b’ħajjitkom, bil-qalb tagħkom, hekk li ssiru sinjali ta’ tama għal min hu qalbu maqtugħa, driegħ miftuħ għall-marid, tbissima li tilqa’ lill-barrani, tweżina attenta għal min hu waħdu.

 

L-aħħar mistoqsija ta’ Pawlu hi: “Kif jista’ jkun hemm messaġġier mingħajr ma ġie mibgħut?”. Fl-aħħar tal-quddiesa kollha sa niġu mibgħuta biex naqbdu d-doni li rċivejna u naqsmuhom ma’ oħrajn. Dan jista’ jaqtgħalna xi ftit qalbna, għax mhux dejjem nafu fejn jista’ jibgħatna Ġesù. Imma hu qatt ma jibgħatna mingħajr ma jimxi magħna fl-istess ħin, u dejjem xi ftit qabilna, biex jgħinna nidħlu f’partijiet ġodda u mill-isbaħ tas-saltna tiegħu.

 

B’liema mod fil-Vanġelu tal-lum il-Mulej jibgħat lil Sant’Andrija u lil ħuh Xmun Pietru? “Ejjew warajja”, jgħidilhom (ara Mt 4:19). Hekk ifisser inkunu mibgħuta: nimxu wara Kristu, ma niġrux qabel b’xi saħħa tagħna! Il-Mulej se jistieden lil xi wħud fostkom biex jimxu warajh bħala saċerdoti u biex hekk isiru “sajjieda tal-bnedmin”. Oħrajn sa jsejħilhom isiru persuni kkonsagrati. U oħrajn isejħilhom għall-ħajja taż-żwieġ, biex isiru missirijiet u ommijiet li jħobbu. Tkun xi tkun il-vokazzjoni tagħkom, nitlobkom: kunu qalbiena, kunu ġenerużi u, fuq kollox, kunu ferħana!

 

Hawn f’dan il-Katidral sabiħ iddedikat lill-Immakulata Kunċizzjoni, nagħmlilkom il-qalb biex tħarsu lejn Marija. Meta hi lissnet “iva” għall-messaġġ tal-Anġlu, kienet għadha żagħżugħa bħalkom. Imma kellha l-kuraġġ li tafda fl-aħbar tajba li kienet semgħet u li ssarrafha f’ħajja mogħtija fedelment għall-vokazzjoni tagħha, ta’ għotja sħiħa tagħha nfisha u ta’ fiduċja sħiħa fl-għożża kollha mħabba ta’ Alla għaliha. Bħal Marija, jalla intom ilkoll tistgħu tkunu umli imma kuraġġjużi f’li twasslu lil Ġesù u mħabbtu għand l-oħrajn.

 

Għeżież żgħażagħ, bi mħabba kbira nafda lilkom kollha u l-familji tagħkom fi ħdan l-interċessjoni tagħha ta’ omm. U nitlobkom, jekk jogħġobkom, tiftakru titolbu għalija. Alla jbierek il-Myanmar! [Myanmar pyi ko Payarthakin Kaung gi pei pa sei]

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard