Illustri Mistednin,
Għeżież ħbieb
,

Il-laqgħa tagħna li qed tiġbor flimkien lir-rappreżentanti tad-diversi komunitajiet reliġjużi ta’ dal-pajjiż, hija waqt ta’ tifsir kbir fiż-żjara li qed nagħmel fil-Bangladesh.  Inġbarna flimkien biex nidħlu aktar fil-fond tal-ħbiberija ta’ bejnietna u biex nistqarru x-xewqa komuni tagħna għall-paċi ġenwina u dejjiema.

Nirringrazzja lill-Kardinal D’Rosario għall-kliem ġentili ta’ merħba u lil kull min laqgħani bl-entużjażmu f’isem il-komunità Musulmana, Induista, Buddista, Kristjana u s-soċjetà ċvili wkoll.  Jien grat lejn l-Isqof Anglikan ta’ Dhaka tal-preżenza tiegħu, grat lejn il-komuntajiet Kristjani varji u lejn kull min ta sehem biex setgħet isseħħ din il-laqgħa.

Il-kliem li smajna, imma wkoll il-kant u ż-żfin li animaw din il-miġemgħa kellmuna b’mod elokwenti dwar ix-xewqa tal-armonija, fraternità u paċi li fih it-tagħlim tar-reliġjonijiet tad-dinja.  Jalla dil-laqgħa tagħna tal-lum waranofsinhar tkun sinjal ċar tal-isforzi li qed jagħmlu l-mexxejja u s-segwaċi tar-reliġjonijiet preżenti f’dal-pajjiż biex jgħixu flimkien bir-rispett reċiproku u rieda tajba.  Fil-Bangladesh, fejn id-dritt għall-libertà reliġjuża hu prinċipju fundamentali, jalla dan l-impenn ikun twiddiba rispettuża imma soda lil min jipprova jiżra’ l-firda, il-mibgħeda u l-vjolenza f’isem ir-reliġjon.

Huwa sinjal ta’ faraġ partikolari taż żmienna li l-fidili u l-persuni ta’ rieda tajba jħossu dejjem aktar is-sejħa li jikkoperaw bejniethom biex jagħġnu kultura ta’ laqgħa, djalogu u kollaborazzjoni għas-servizz tal-familja umana.  Dan jitlob aktar minn sempliċi tolleranza.  Jistimulana biex noħorġu jdejna lejn xulxin b’atteġġjament ta’ fiduċja reċiproka u ftehim biex nibnu għaqda li fiha, id-diversità ma tkunx tidher theddida, imma bħala għajn potenzjali ta’ arrikkiment u tkabbir; timbuttana biex nikkultivaw qalb miftuha b’mod li lill-oħrajn narawhom bħala t-triq u mhux bħala ostaklu.

Ippermettuli għal ftit ħin nifli fil-qosor xi karatteristiċi essenzjali ta’ dan “il-ftuħ tal-qalb”, li huwa il-kundizzjoni meħtieġa biex tinħema l-kultura tal-laqgħa.

Qabel kollox din hija bieb.  Mhijiex teorija astratta, imma esperjenza mgħejxa.  Ittina lok li nibdew djalogu tal-ħajja, mhux sempliċiment il-bdil tal-ideat.  Titlob rieda tajba u akkoljenza, imma li m’għandiex mitfixkluha mal-indifferenza jew nuqqas ta’ ċarezza x’ħin nesprimu l-konvinzjonijiet l-aktar profondi tagħna.  Li nimpenjaw ruħna flimkien mal-oħrajn biex jitnissel il-frott ifisser li naqsmu ma’ xulxin l-identitajiet reliġjużi u kulturali differenti, iżda dejjem bl-umiltà, bl-onestà u bir-rispett.

Il-qalb miftuha tixbaħ ukoll taraġ li jasal sal-Assolut.  Aħna u niftakru f’din id-dimensjoni traxxendenti tal-attività tagħna, nindunaw bil-ħtieġa li nsaffu qlubna biex inkunu nistgħu naraw l-affarijiet fil-perspettiva l-aktar minnha tagħhom.  Ma’ kull pass li nagħmlu l-vista tagħna tiċċara dejjem aktar u b’hekk nirċievu  l-qawwa biex nipperseveraw fl-impenn li nifhmu u nivvaloriżżaw lill-oħrajn u l-mod kif jarawha huma.  B’dal-mod insibu l-għaqal u l-forza meħtieġa biex noħorġu l-id tal-ħbiberija lejn kulħadd.

Il-ftuħ tal-qalb hu wkoll mixja li tmexxina lejn it-tfittxija tat-tjubija, tal-ġustizzja u s-solidarjetà.  Tmexxina biex infittxu l-ġid tal-proxxmu tagħna.  Fl-ittra tiegħu lill-Insara ta’ Ruma San Pawl ħeġġiġhom bil-kliem «Tħallix il-ħażin jirbħek imma irbaħ il-ħażin bit-tajjeb» (12,21).  Dan hu atteġġjament li lkoll kemm aħna nistgħu nimitawh.  Iż-żelu reliġjuż lejn il-ġid tal-proxxmu tagħna, li jinbet minn qalb miftuha, jiġri bħal xmara kbira jsaqqi l-artijiet moxa u d-deżert tal-mibgħeda, tal-korruzzjoni, tal-faqar u tal-vjolenza li tant jagħmlu ħsara lill-ħajja umana, jifirdu l-familji u jisfiguraw ir-rigal tal-ħolqien.

Id-diversi komunitajiet reliġjużi tal-Bangladesh ħaddnu din it-triq b’mod partikolari bl-impenn tagħhom biex jieħdu ħsieb l-art, id-dar komuni tagħna, u bil-mod kif wieġbu għad-diżastri naturali li tturmentaw lin-nazzjon dawn l-aħħar snin.  Qed naħseb ukoll dwar it-turija komuni ta’ niket, talb u solidarjetà li akkumpanjaw it-tiġrif traġiku ta’ Rana Plaza, li baqa’ stampat f’moħħ kulħadd.  F’dawn id-diversi atteġġjamenti naraw kemm il-mixja tat-tajjeb twassal għall-koperazzjoni u s-servizz lejn l-oħrajn.

Spirtu ta’ ftuħ, aċċettazzjoni u koperazzjoni bejn min jemmen mhuwiex biss kontribuzzjonni lejn kultura ta’ armonija u paċi iżda hu l-qalb li tħabbat ta’ dawn.  Kemm għandha bżonn id-dinja ta’ dil-qalb li tħabbat bil-qawwa, biex tikkumbatti l-virus tal-korruzzjoni politika, l-ideoloġiji reliġjużi distruttivi, it-tentazzjoni li nagħlqu għajnejna quddiem il-ħtiġijiet tal-foqra, tar-rifuġjati, tal-minoranzi ppersegwitati u ta’ min hu l-aktar vulnerabbli!  Kemm ftuħ hu meħtieġ biex nilqgħu lill-bnedmin tad-dinja tagħna, speċjalment iż-żgħażagħ, li kultant iħossuhom miltuqin u mifxulin huma u jfittxu s-sens tal-ħajja!

Għeżież ħbieb, irroddilkom ħajr għall-isforzi li qed tagħmlu biex tmexxu ‘l quddiem kultura ta’ laqgħa, u nitlob li bit-turija tal-impenn komuni tas-segwaċi tar-reliġjonijiet li jiddixxernu x’inhu l-ġid u jqegħduh fis-seħħ, aħna ngħinu lil min jemmen biex jikber fl-għaqal u l-qdusija, u biex jikkopera ħalli tinbena dinja dejjem aktar umana, magħquda u paċifika.

Niftaħ qalbi għalikom ilkoll u rrodilkom ħajr għal darb’oħra għall-akkoljenza tagħkom.  Niftakru f’xulxin fit-talb tagħna.

KLIEM IL-QDUSIJA TIEGĦU FRANĠISKU
LILL-GRUPP TAR-RIFUĠJATI ROHINGYA

 

Għeżież ħuti, aħna lkoll qrib tagħkom.  Ftit li xejn nistgħu nagħmlu għax it-traġedja tagħkom hi kbira ħafna.  Imma nagħmlu l-wisa’ fi qlubna.  F’isem kulħadd: dawk li jippersegwitawkom, dawk li għamlulkom id-deni, fuq kollox, f’isem l-indifferenza tad-dinja, nitlobkom maħfra.  Maħfra.  Ħafna minnkom qaluli kemm hi kbira l-qalb tal-Bangladesh li takom kenn.  Issa jien nappella lil kobor tal-qalb tagħkom biex isib il-ħila li jtina l-maħfra li qed nitolbu.

Għeżież ħuti, ir-rakkont Għebrew-Kristjan tal-ħolqien jgħid li l-Mulej li hu Alla, ħalaq il-bniedem xbieha tiegħu.  Din hi x-xbieha tagħna lkoll kemm aħna.  Dawn ħutna wkoll.  Huma wkoll xbieha ta’ Alla l-ħaj.  Tradizzjoni tar-reliġjonijiet tagħkom tgħid li fil-bidu Alla ħa ftit melħ u tefgħu fl-ilma, li kien ir-ruħ tal-bnedmin kollha; u kull wieħed u waħda minna jġorr f’qalbu ftit minn dal-melħ divin.  Dawn ħutna jġorru fihom il-melħ ta’ Alla.

Għeżież ħuti, ejjew nuru biss lid-dinja x’jagħmel l-egoiżmu tad-dinja bl-immaġni ta’ Alla.  Inkomplu nagħmlu l-ġid magħhom, ngħinuhom; inkomplu naħdmu biex id-drittijiet tagħhom jingħatawlhom.  Ma nagħlqux qlubna, ma nħarsux in-naħa l-oħra.  Il-preżenza t’Alla llum jisimha wkoll Rohingya.  Kull wieħed u waħda minn jagħti tweġiba personali.

 

Miġjun mit-Taljan għall-Malti minn Joe Huber