Sur President,
Onorevoli Awtoritajiet,
Eminenza, Għeżież ħuti fl-Episkopat
Distinti Membri tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri!

Fil-bidu tal-waqfa tiegħi fil-Bangladesh irrid irroddlok ħajr, Sur President, għall-istedina ġentili tiegħek biex jien inżur dal-pajjiż u għall-kliem mimli kortesija li bih ilqajtni.  Ninsab hawn fuq il-passi ta’ żewġ predeċessuri tiegħi, il-Papa Pawlu VI u l-Papa Ġwanni Pawlu II, biex nitlob flimkien ma’ ħuti Kattoliċi u biex noffrilhom messaġġ ta’ mħabba u inkoraġġiment.  Il-Bangladesh huwa Stat “żagħażugħ”, madankollu dejjem kellu post speċjali fil-qalb tal-Papiet, li mill-ewwel urew solidarjetà mal-poplu tiegħu, bl-għan li jakkumpanjawh biex jegħleb id-diffikultajiet  tal-bidu u ssapportjawh fil-biċċa xogħol iebsa biex jinbena n-nazzjon u jiżviluppa.  Jien grat għall-opportunità li nista’ nindrizza dil-miġemgħa li tiġbor fiha rġiel u nisa b’responsabbiltajiet partikolari biex ifasslu l-futur tas-soċjetà tal-Bangladesh.

Waqt it-titjira li wasslitni hawn fakkruni li l-Bangladesh - “Il-Bengal  Dehebieni” - huwa pajjiż imdawwar kollu b’xibka ta’ xmajjar u kanali tal-ilma, kbar u żgħar.  Nemmen li dis-sbuħija naturali, hija l-emblema  tal-identità partikolari tagħkom bħala poplu.  Il-Bangladesh hu nazzjon li qed jagħmel sforz biex jasal għall-għaqda lingwistika u kulturali b’rispett lejn id-diversi tradizzjonijiet u komunitajiet, li jiġru qieshom bosta kanali tal-ilma li jinaġbru lura biex jgħanu l-kors kbir tal-ħajja politika u soċjali tal-pajjiż.

Fid-dinja tal-lum, ebda komunità, nazzjon jew stat ma jistgħu jgħixu u jimxu ‘l quddiem waħedhom, fl-iżolament.   Bħala membri ta’ familja umana waħda, għandna bżonn xulxin u niddependu minn xulxin.  Il-President Sheikh Mujibur Rahman dan fehmu u fittex li dal-prinċipju jinkludih fil-Kostituzzjoni nazzjonali.  Huwa kellu ħolma ta’ soċjetà moderna, pluralistika u inklussiva, li fiha kull persuna u kull komunità tkun tista’ tgħix fil-libertà, b’rispett lejn lejn id-dinjità li biha jitwieled kull bniedem u l-ugwaljanza tad-drittijiet ta’ kulħadd.  Il-futur ta’ did-demokrazija “żgħażugħa” u s-saħħa tal-ħajja politika tagħha huma marbutin essenzjalment mal-fedeltà lejn din il-viżjoni li sawwritha.  Infatti hu biss permezz ta’ djalogu sinċier u r-rispett lejn id-diversità leġittima jista’ poplu jirrikonċilja l-firdiet, jegħleb il-perspettivi unilaterali u jagħti għarfien lill-validità tal-opinjonijiet differenti.  Għax il-veru djalogu jħares lejn il-futur, jibni unità fis-servizz lejn il-ġid komuni u jkun attent għall-ħtiġijiet taċ-ċittadini kollha, speċjalment il-foqra, min hu svantaġġjat u dawk kollha li m’għandhomx vuċi.

Fix-xhir li għaddew, l-ispirtu ta’ ġenerożità u solidarjetà li huma karatteristiċi tas-soċjetà tal-Bangladesh deher ċar ħafna fl-entużjażmu umanitarju muri lejn ir-rifuġjati li waslu fi qtajja kbar mill-Istat ta’ Rakhine, li nagħtaw kenn temporanju flimkien mal-ħtiġijiet primarji għall-ħajja.  Dan sar b’sagrifiċċju mhux żgħir.  U sar ukoll taħt għajnejn id-dinja kollha.  Ħadd minna ma jista’ ma jurix li ra u fehem il-gravità tas-sitwazzjoni, il-prezz enormi mistenni mit-tbatijiet umani u l-kundizzjonijiet prekarji tal-ħajja ta’ tant ħutna, li l-maġġoranza tagħhom huma nisa u tfal, imgeddsin ġo xulxin fil-kampijiet tar-rifuġjat.  Hemm ħtieġa li l-komunità internazzjonali tqiegħed fis-seħħ miżuri effikaċi quddiem dil-kriżi gravi, mhux biss billi taħdem ħalli ssolvi l-kwistjonijiet politiċi li wasslu biex għadd enormi ta’ persuni  jiċċaqalqu minn fejn kienu jgħixu, imma wkoll billi minnufih toffri għajnuna materjali lill-Bangladesh hekk kif il-pajjiż qed jagħmel sforzi biex iwieġeb bil-fatti għall-ħtiġijiet umani urġenti.

Minkejja li ż-żjara tiegħi hi qabel kollox immirata lejn il-komunità Kattolika tal-Bangladesh, se jkun waqt privileġġjat għalija meta għada f’Ramna se niltaqa’ ma’ min għandu responsabbiltajiet ekumeniċi u inter-reliġjużi.  Flimkien se nitolbu għall-paċi u se nseddqu l-impenn tagħna biex naħdmu għall-paċi.  Il-Bangladesh hu magħruf għall-armonija li tradizzjonalment minn dejjem kienet teżisti bejn is-segwaċi tar-reliġjonijiet differenti.  Din l-atmosfera ta’ rispett reċiproku flimkien ma’ klima ta’ djalogu inter-reliġjuż dejjem jissaħħaħ, jippermettu lil min jemmen, li jesprimi l-konvinzjonijiet l-aktar profondi tiegħu dwar it-tifisir u l-għan tal-ħajja.  B’hekk huma jistgħu jagħtu kontribut biex imexxu ‘l quddiem il-valuri spiritwali li huma l-bażi żgura ta’ soċjetà ġusta u paċifika.  F’dinja fejn ir-reliġjon – b’mod skandaluż – tintuża ħażin bl-għan li toħloq il-firda, din ix-xhieda tal-qawwa tar-rikonċiljazzjoni u għaqda tagħha hi meħtieġa għall-aħħar.  Dak li deher b’mod elokwenti bir-reazzjoni ġenerali ta’ stmerrija wara l-attakk terroristiku brutali f’Dakha, is-sena li għaddiet, kien ċar fil-messaġġ mibgħut mil-awtoritajiet reliġjużi tan-nazzjon li stqarr li l-isem mill-aktar qaddis ta’ Alla qatt ma jista’ jkun imsejjaħ biex jiġġustifika l-vjolenza kontra bnedmin oħra bħalna.

Madankollu l-Kattoliċi tal-Bangladesh, minkejja li relattivament mhumiex kbar fl-għadd, ifittxu li jaqdu rwol kostruttiv fl-isżvilupp tal-pajjiż, speċjalment bl-iskejjel tagħhom, il-kliniċi u l-ispiżeriji.  Il-Knisja tapprezza l-libertà, li hi ta’ fejda għan-nazzjon kollu kemm hu, li tista’ tipprattika l-fidi tagħha u teżerċita l-opri tal-karità tagħha fosthom dik li toffri liż-żgħażagħ, li jirrappreżentaw il-futur tas-soċjetà, edukazjzoni ta’ kwalità u taħriġ fil-valuri etiċi u umani sâni.  Fl-iskejjel tagħha l-Knisja tagħmel ħilitha biex tmexxi ‘l quddiem kultura ta’ laqgħa li lill-istudenti ttihom il-ħila jerfgħu r-responsabbiltajiet tagħhom fil-ħajja u fis-soċjetà.  Fil-fatti il-maġġoranza tal-istudenti u tal-għalliema f’dawn l-iskejjel mhumiex Kristjani, imma ġejjn minn tradizzjonijiet reliġjużi oħra.  Jien żgur li bi qbil mal-ispirtu u d-dettal tal-Kostituzzjoni nazzjonali, il-komunità Kattolika tkompli tgawdi l-libertà li tmexxi ‘l quddiem dawn l-opri tajba bħala espressjoni tal-impenn tagħha lejn il-ġid komuni.

Sur President u ħbieb,

irroddilkom ħajr tal-attenzjoni li tajtuni u niżgurakom li nitlob għalikom sabiex fir-responsabbiltajiet nobbli tagħkom intom tkunu dejjem ispirati mill-ideali għolja tal-ġustizzja u servizz lejn iċ-ċittadini sħabkom.  Ninvoka bil-qalb fuqkom u fuq il-poplu kollu tal-Bangladesh il-barkiet divini ta’ armonija u paċi.  Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber