Sinjuri,

Nirringrazzjak, Sur President, għall-merħba ġentili u għall-kliem li bih sellimtli f’isem l-awtoritajiet u l-poplu tal-Filippini u tal-membri distinti tal-korp diplomatiku.  Jien grat ħafna għall-istedina li saritli biex inżur il-Filippini.  Iż-żjara tiegħi, qabel kollox, hija waħda pastorali.  Qed isseħħ fi żmien li fih, il-Knisja ta’ dal-pajjiż qed tħejji biex tiċċelelbra l-ħames ċentinarju tal-ewwel tħabbira tal-Evanġelju ta’ Ġesù Kristu fuq dawn ix-xtut.  Il-messaġġ Nisrani kellu influwenza immensa fuq il-kultura Filippina.  Hi tama tiegħi li dan l-anniversarju importanti jagħmel aktar evidenti l-fekondità permanenti u u jkun dawl li jispira lil soċjetà, denja tat-tjieba, tad-dinjità u tal-aspirazzjonijiet tal-popolu Filippin.

Din iż-żjara trid tesprimi b’mod partikolari l-qrubija tiegħi lejn ħutna li għaddew mit-tbatija, ġarrbu ħsara u l-qerda li ħalla t-tifun Yolanda.  Flimkien mal-popli kollha tad-dinja, ammirajt il-forza, il-fidi u r-reżistenza erojċi li wrew tant Filippini quddiem dan id-diżastru naturali, u quddiem diżastri oħra.  Dawk il-virtuwjiet li għandhom għeruqhom imħawlin fil-fond tat-tama u tas-solidarjetà tal-fidi Nisranija, qanqlu abbundanza ta’ tjubija u ġenerożità, speċjalment fiż-żgħażagħ.  F’dak il-waqt ta’ kriżi nazzjonali, għadd bla qies ta’ persuni ġew jagħtu l-għajnuna lill-proxxmu li kien fil-bżonn.  B’sagrifiċċju kbir offrew ħinhom u r-riżorsi tagħhom u ħolqu xibka ta’ għajnuna u impenn għall-ġid komuni.

Dan l-eżempju ta’ solidarjetà fix-xogħol ta’ rikostruzzjoni jagħtina lezzjoni importanti.  Bħal familja, kull soċjetà ddur lejn ir-riżorsi l-aktar profondi tagħha biex tiffaċċja sfidi ġodda.  Illum, il-Filipppini, flimkien ma’ ħafna nazzjonijiet Ażjatiċi oħra, għandha quddiema l-esiġenza li tibni soċjetà moderna mwaqqfa fuq pedamenti sodi – soċjetà li tirrispetta l-valuri umani awtentiċi, li tħares id-dinjità tagħna u d-drittijiet tal-bniedem, kif stabbiliti minn Alla, u li tkun lesta li taffronta problemi etiċi u politiċi ġodda u kumplikati.  Kif urewna bosta ilħna fin-nazzjon tagħkom, hu neċessarju, issa aktar minn qatt qabel, li l-mexxejja politiċi juru l-onestà, l-integrità u r-responsabbiltà tagħhom lejn il-ġid komuni.  B’hekk huma jkunu jistgħu jippreservaw ir-riżorsi ta’ għana uman u naturali li bihom Alla bierek lil dal-pajjiż.  B’hekk huma jkollhom il-ħila jipproduċu r-riżorsi morali meħtieġa biex ikunu affrontati t-talbiet preżenti u biex lill-ġenerazzjonijiet futuri jittrażmettulhom soċjetà verament ġusta, solidali u paċifika.

Biex dawn l-għanijiet nazzjonali jseħħu, hu indispensabbli l-imperattiv morali li tkun żgurata l-ġustizzja soċjali u r-rispett lejn id-dinjità umana.  It-tradizzjoni kbira tal-Bibbja tirrikjedi d-dmir li l-popli kollha jisimgħu leħen il-foqra u jkissru l-ktajjen tal-inġustizzja u l-oppressjoni, li huma ċ-ċavetta tad-diżugwaljanzi soċjali tant ovvji u skandalużi.  Ir-riforma tal-istruttura soċjali li tinjora l-faqar u tħalli għaddejja l-eskużjoni tal-foqra, l-ewwelnett tirrikjedi konverżjoni tal-moħħ u tal-qalb.  L-Isqfijiet tal-Filippini talbu biex din is-sena tkun ipproklamata “Is-Sena tal-Foqra”.  Nittama li din it-talba profetika tnissel determinazzjoni f’kulħadd, f’kull livell tas-soċjetà, ta’ rifjut qawwi ta’ kull għamla ta’ korruzzjoni li tbiegħed ir-riżorsi mill-foqra.  Jalla tispira rieda ta’ sforz unanimu biex kull raġel, mara, tifel u tifla jkunu inklużi fil-ħajja tal-komunità.

Rwol fundamentali għat-tiġdid tas-soċjetà hu rappreżentat, naturalment, mill-familja u speċjalment miż-żgħażagħ.  Aspett partikolari taż-żjara tiegħi se jkun il-laqgħa mal-familji u maż-żgħażagħ hawn f’Manila.  Il-famillji għandhom missjoni indispensabbli fis-soċjetà.  Huwa fil-familja li t-tfal jitrabbew bil-valuri sani, bl-ideali għolja u bl-attenzjoni sinċiera lejn l-oħrajn.  Imma bħal kull don ta’ Alla, il-familja tista’ wkoll tiġi sfigurata u meqruda.  Għandha bżonn l-appoġġ tagħna.  Nafu kemm huwa diffiċli għad-demokraziji tagħna li jippreservaw u jiddefendu  l-valuri umani fundamentali bħalma huma r-rispett lejn id-dinjità invjolabbli ta’ kull persuna umana, ir-rispett lejn id-dirttijiet tal-libertà tal-kuxjenza u tar-reliġjon, ir-rispett lejn id-dirtt inaljenabbli tal-ħajja, ibda minn dik tat-trabi li għadhom mhux imwielda sa dik tal-anzjani u tal-morda.  Għal din ir-raġuni, il-familji u l-komunitajiet lokali għandhom ikunu mħeġġin u megħjuna fl-isforzi tagħhom biex jittrażmettu liż-żgħażagħ tagħna l-valuri u l-viżjoni li jgħinu tinbena u tinxtered kultura ta’ onestà – li tkun tali li tagħti ġieħ lit-tjubija, lis-sinċerità, lill-fedeltà u lis-solidarjetà bħala bażi solida u bħala “kolla morali” li żżomm magħquda lis-soċjetà.

Sur president, Awtoritajiet distinti, għeżież ħbieb,

fil-bidu taż-żjara tiegħi f’dan il-pajjiż ma nistax ma nsemmix ir-rwol importanti li għandhom il-Gżejjer Filippini biex jippromwovu l-ftehim u l-koperazzjoni fost in-nazzjonijiet tal-Asja, u anki l-kontribut, spiss minsi, imma mhux anqas minnu, li jagħtu l-Filippini tad-djaspora lill-ħajja u lill-benesseri tas-soċjetajiet fejn jgħixu.  Hu propju fid-dawl tal-wirt kulturali u reliġjuż tant għani tagħkom u li intom kburin bih, li jien inħallilkom sfida u inkoraġġiment.  Jalla l-valuri spiritwali mill-aktar profondi tal-poplu Filippin ikomplu jesprimu ruħhom fi sforz li joffri lill-konċittadini tagħkom żvilupp uman integrali.  B’hekk, kull persuna ssib il-ħila li ġġib fis-seħħ il-potenzjalitajiet tagħha biex b’għaqal u pożittivament, tkun ta’ kontribut lejn il-futur ta’ dan il-pajjiż.  Għandi fiduċja li, l-isforzi ta’ min ifaħħarhom, biex jimxu l’quddiem id-djalogu u l-koperazzjoni bejn is-segwaċi tar-reliġjonijiet differenti jgħatu frott tul il-mixja lejn dawn l-għanijiet.  B’mod partikolari nesprimi l-fiduċja tiegħi illi l-progress li sar biex inkisbet il-paċi fin-nofsinhar tal-pajjiż, jipproduċi soluzzjonijiet ġusti li jaqblu mal-prinċipji li fuqhom hu mibni n-nazzjon bir-rispett lejn id-drittijiet inaljenabbli ta’ kulħadd, inklużi l-popolazzjonijiet indiġeni u l-minoranzi reliġjużi.

Fuqkom u fuq kull raġel, mara, tifel u tifla ta’ dan in-nazzjon maħbub, ninvoka minn qalbi, barkiet abbundanti minn Alla.

 

 

 

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber