MISTOQSIJIET TAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

LILL-PAPA

 

1. FAMILJA: Nicola u Chiara Volpi (Perugia-Città della Pieve)

Aħna ż-żgħażagħ qed ngħixu f’soċjetà fejn fiċ-ċentru hemm il-benessri, id-divertiment, u li wieħed jaħseb għalih innifsu.  Għaż-żgħażagħ Insara, li jgħixu l-ħajja taż-Żwieġ saret ħaġa kumplessa, u li jinfetħu għall-ħajja hi sfida li tqanqal spiss il-biża’.  Bħala koppja żagħżugħa nħossu l-ferħ li qed ngħixu ż-żwieġ tagħna, imma nġarrbu wkoll it-tbatija u l-isfidi ta’ kuljum.  Il-Knisja kif tista’ tgħin, ir-rgħajja tagħna kif jistgħu jsostnuna, liema passi anki aħna msejħin nagħmlu?

 

2. XOGĦOL: Danilo Zampolini (Spoleto-Norcia) u David Girolami (Foligno)

Anki fl-Umbrija l-kriżi ekonomika ġenerali ta’ dawn l-aħħar snin wasslet għal sitwazzjonijiet ta’ skumdità u faqar.  Il-futur jidher inċert u bħal theddida quddiemna.  Ir-riskju hu li, mas-sigurtà ekonomika, nitilfu wkoll it-tama.  Żagħżugħ Nisrani kif għandu jħares lejn il-futur?  Liema toroq għandu jaqbad biex jibni soċjetà denja ta’ Alla u denja tal-bniedem?

 

3. VOKAZZJONI: Benedetto Fattorini (Orvieto-Todi) u Chiaroli Maria (Terni-Narni-Amelia)

X’għandi nagħmel f’ħajti?  Kif u fejn għandi nuża t-talenti li l-Mulej tani?  Xi kultant taffaxxinana l-idea tas-saċerdozju jew tal-ħajja kkonsagrata.  Imma dritt jitnissel il-biża’.  U mbagħad, impenn bħal dan: “għal dejjem”?  Kif nagħrfu s-sejħa ta’ Alla?  X’parir tagħti int lil min jixtieq jiddedika ħajtu fis-servizz ta’ Alla u ta’ l-aħwa?

 

4. MISSJONI: Luca Nassuato (Assisi-Nocera Umbra-Gualdo Tadino), Mirko Pierli (Città di Castello) u Petra Sannipoli (Gubbio)

 

Kemm hu sabiħ għalina li nġbarna hawn miegħek biex nisimgħu l-kliem tiegħek ta’ inkuraġġiment li jħeġġeġ lil qalbna.  Is-Sena tal-Fidi li ħa tagħlaq fi ftit ġimgħat oħra reġgħet ipproponiet lil dawk kollha li jemmnu l-urġenza tat-tħabbira tal-Bxara t-Tajba.  Anki aħna nixtiequ nieħdu sehem b’entużjażmu f’din l-avventura.  Imma kif?  Liema jista’ jkun il-kontribut tagħna?  X’għandna nagħmlu?

 

TWEĠIBIET TAL-PAPA

 

Għeżież żgħażagħ ta’ l-Umbrija, il-lejla t-tajba!

 

Grazzi li ġejtu hawn, grazzi ta’ din il-festa!  Verament, din hi festa!  U grazzi tal-mistoqsijiet tagħkom.

 

Ħadt gost li l-ewwel mistoqsija saritli minn koppja żagħżugħa.  X’xhieda sabiħa!  Żewġ żgħażagħ li għażlu, iddeċidew, bil-ferħ u bil-kuraġġ kollu li jsawru familja.  Iva, għax tabilħaqq hu minnu, trid il-kuraġġ biex tifforma familja!  Trid il-kuraġġ!  U l-mistoqsija tagħkom, żgħażagħ miżżewġa, hi marbuta ma’ dik dwar il-vokazzjoni.  X’inhu ż-żwieġ?  Hu vokazzjoni vera u propja, kif huma s-saċerdozju u l-ħajja reliġjuża.  Żewġ Insara li jiżżewġu, fl-istorja ta’ mħabba ta’ bejniethom għarfu s-sejħa tal-Mulej, il-vokazzjoni biex minn tnejn, raġel u mara, jiffurmaw ġisem wieħed, ħajja waħda.  U s-Sagrament taż-Żwieġ idawwar din l-imħabba bil-grazzja ta’ Alla, iniżżlilha għeruqha f’Alla nnifsu.  B’dan id-don, biċ-ċertezza ta’ din is-sejħa, nistgħu naqbdu t-triq b’qalbna qawwija, m’għandna għax nibżgħu minn xejn, nistgħu naffrontaw kollox, flimkien!

 

Naħsbu fil-ġenituri tagħna, fin-nanniet jew il-bużnanniet tagħna: iżżewġu f’kundizzjonijiet ħafna iżjed foqra minn tagħna, xi wħud fi żmien il-gwerra, jew ta’ wara l-gwerra; oħrajn huma emigranti, bħall-ġenituri tiegħi.  Mnejn ġabuha s-saħħa?  Sabuha fiċ-ċertezza li l-Mulej kien magħhom, li l-familja għandha fuqha l-barka ta’ Alla bis-Sagrament taż-Żwieġ, u li mbierka hi l-missjoni li ġġib fid-dinja l-ulied u tedukahom.  B’dawn iċ-ċertezzi rnexxielhom jissuperaw anki l-iżjed provi iebsin.  Kienu ċertezzi sempliċi, imma veri, li kienu bħal kolonni li żammew sħiħa l-imħabba tagħhom.  Ma kinitx ħafifa l-ħajja tagħhom; ħabbtu wiċċhom ma’ problemi, tant problemi.  Imma dawn iċ-ċertezzi sempliċi għenuhom biex jibqgħu mexjin ’il quddiem.  U rnexxielhom jagħmlu familja sabiħa, jagħtu l-ħajja, ikabbru l-ulied.

 

Għeżież ħbieb, biex nistgħu nibnu tajjeb, b’mod b’saħħtu, għandna bżonn ta’ din il-bażi morali u spiritwali!  Il-lum, din il-bażi m’hix iżjed garantita mill-familji u mit-tradizzjonijiet soċjali.  Anzi, is-soċjetà li fiha intom twelidtu tipprivileġġja d-drittijiet individwali iżjed milli lill-familja – dawn id-drittijiet individwali –, tipprivileġġja r-relazzjonijiet li jibqgħu sakemm ma tqumx xi diffikultà, u minħabba f’dan kultant tisma’ min jitkellem dwar relazzjoni ta’ koppja, ta’ familja u ta’ żwieġ b’mod superfiċjali u ekwivoku.  Biżżejjed tara ċerti programmi televiżivi u tkun taf liema huma dawn il-valuri!  Kemm drabi l-kappillani – anki jien kultant smajtha din – jisimgħu koppja li tkun ġiet biex tiżżewweġ: “Imma intom tafu li ż-żwieġ hu għall-ħajja kollha?”.  “Aħ, aħna ninħabbu ħafna, imma… nibqgħu flimkien sakemm tibqa’ l-imħabba.  Meta tispiċċa, min imur ’l hemm u min imur ’l hawn”.  Dan hu l-egoiżmu: meta jien ma nħoss xejn, naqta’ r-rabta taż-żwieġ u ninsieh dak il-“ġisem wieħed”, li ma jistax jinqasam.  Iż-żwieġ hu riskju: hu riskju!  Hu dak l-egoiżmu li jheddidna, għax ġo fina lkoll għandna l-possibbiltà ta’ personalità doppja: dik li tgħid: “Jien, liberu, jien irrid dan…”, u l-oħra li tgħid: “Jiena, tiegħi, miegħi, għalija…”.  Dejjem l-egoiżmu, li jirritorna u ma jafx jinfetaħ għall-oħrajn.  Id-diffikultà l-oħra hi din il-kultura tal-proviżorju: donnu xejn m’għadu definittiv.  Kollox sar proviżorju.  Kif għidt qabel: imma l-imħabba sakemm tibqa’.  Darba waħda smajt seminarista – bravu – li qal: “Jien irrid insir saċerdot, imma għal għaxar snin.  Wara mbagħad naħsibha”.  Hi l-kultura tal-proviżorju, u Ġesù ma salvaniex proviżorjament: salvana definittivament!

 

Imma l-Ispirtu s-Santu dejjem iqanqal tweġibiet ġodda skond l-esiġenzi ġodda!  U hekk fil-Knisja kotru l-mixjiet għall-għarajjes, il-korsijiet ta’ tħejjija għaż-Żwieġ, il-gruppi ta’ koppji żgħażagħ fil-parroċċi, il-movimenti familjari…  Huma għana kbir!  Huma punti ta’ riferiment għal kulħadd: żgħażagħ li qed ifittxu, koppji fi kriżi, ġenituri f’diffikultajiet ma’ wliedhom u viċi-versa.  Kollha jgħinuna!  Imbagħad hemm id-diversi forom ta’ akkoljenza: il-fostering, l-adozzjoni, id-djar ta’ kull tip għall-familji…  Il-fantasija – ippermettuli l-kelma – il-fantasija ta’ l-Ispirtu s-Santu hi bla tmiem, imma anki konkreta ħafna!  Allura nixtieq ngħidilkom biex ma tibżgħux tmiddu passi defenittivi: tibżgħux tagħmluhom.  Kemm drabi ġew ommijiet jgħiduli: “Imma, Dun, jien għandi tifel ta’ tletin sena u ma jridx jiżżewweġ: ma nafx x’naqbad nagħmel!  Għandu għarusa ħelwa, imma ma jridx jiddeċiedi”.  Imma, sinjura, tibqax tgħaddilu l-qomos!  Hekk hu!  Tibżgħux tagħmlu passi defenittivi, bħal dak taż-żwieġ: niżżlu mħabbitkom fil-fond, irrispettaw iż-żmien u l-espressjonijiet, itolbu, tħejjew tajjeb, imma mbagħad afdaw fil-Mulej li ma jitlaqkomx waħidkom!  Daħħluh fid-dar tagħkom bħal wieħed ta’ ġewwa, Hu jibqa’ jsostnikom dejjem.

 

Il-familja hi l-vokazzjoni li Alla naqqax fin-natura tar-raġel u tal-mara, imma hemm vokazzjoni oħra li tikkumplimenta ż-żwieġ: is-sejħa għaċ-ċelibat u għall-verġinità għas-Saltna tas-Smewwiet.  Hi l-vokazzjoni li għex Ġesù nnifsu.  Kif nagħrfuha?  Kif nimxu fiha?  Din hi t-tielet mistoqsija li għamiltuli.  Imma xi ħadd fostkom jista’ jgħid: Imma dan l-isqof, kemm hu bravu!  Għamilna l-mistoqsija u għandu t-tweġibiet kollha lesti, miktuba!  Jien dawn il-mistoqsijiet irċivejthom xi ġranet ilu.  Għalhekk naf x’fihom.  U nweġibkom b’żewġ elementi essenzjali dwar kif tagħrfu din il-vokazzjoni għas-saċerdozju jew għall-ħajja kkonsagrata.  Itolbu u imxu fil-Knisja.  Dawn iż-żewġ affarijiet imorru id f’id, huma minsuġa ma’ xulxin.  Fil-bidu ta’ kull sejħa għall-ħajja kkonsagrata dejjem hemm esperjenza qawwija ta’ Alla, esperjenza li ma ninsewhiex, nibqgħu niftakruha ħajjitna kollha!  Hi dik li kellu Franġisku.  U dan aħna la nistgħu nikkalkulawh u lanqas nipprogrammawh.  Alla dejjem jissorprendina!  Hu Alla li jsejjaħ; imma hu importanti li jkollna relazzjoni ta’ kuljum miegħU, nisimgħuh fis-skiet quddiem it-Tabernaklu u fil-ġewwieni tagħna nfusna, nitkellmu miegħu, inkunu qrib tas-Sagramenti.  B’din ir-relazzjoni familjari mal-Mulej inkunu qisna qed inżommu miftuħa t-tieqa ta’ ħajjitna biex Hu jista’ jsemmagħna leħnu, dak li jrid minna.  Kienet tkun ħaġa sabiħa kieku stajna nisimgħu x’għandkom x’tgħidulna intom, nisimgħu s-saċerdoti hawn preżenti, is-sorijiet…  Kienet tkun ħaġa sabiħa ħafna, għax kull storja hi unika, imma kull waħda twassal għal laqgħa li ddawwal fil-fond tal-qalb, li tmiss il-qalb u tolqot il-persuna kollha: affett, intellett, sensi, kollox.  Ir-relazzjoni ma’ Alla ma tolqotx biss parti minna nfusna, tolqot kollox.  Hi mħabba hekk kbira, hekk sabiħa, hekk vera, li timmerita kollox u timmerita l-fiduċja kollha tagħna.  U hemm ħaġa li rrid ngħidha bis-saħħa kollha tiegħi, speċjalment il-lum: il-verġinità għas-Saltna ta’ Alla m’hix “le”, hi “iva”!  Daż-żgur, titlob li wieħed jiċċaħħad mir-rabta konjugali u milli jibni familja tiegħu, imma fil-bażi hemm l-“iva”, bħala tweġiba għall-“iva” totali ta’ Kristu lilna, u din l-“iva” twassalna biex nagħmlu l-frott.

 

Imma hawn f’Assisi m’hemmx bżonn ta’ kliem!  Għandna lil Franġisku, għandna lil Kjara, jitkellmu huma!  Il-kariżma tagħhom tkompli tkellem lil tant żgħażagħ fid-dinja kollha: ġuvintur u tfajliet li jħallu kollox biex jimxu wara Ġesù fit-triq tal-Vanġelu.

 

Hekk hu, Vanġelu.  Irrid naqbad il-kelma “Vanġelu” biex inwieġeb għaż-żewġ mistoqsijiet l-oħra li għamiltuli, it-tieni u r-raba’.  Waħda hi dwar l-impenn soċjali, f’dan il-perjodu ta’ kriżi li qed jhedded it-tama; u l-oħra dwar l-evanġelizzazzjoni, li nwasslu l-aħbar ta’ Ġesù lill-oħrajn.  Staqsejtuni: X’nistgħu nagħmlu?  Liema għandu jkun il-kontribut tagħna?

 

Hawn f’Assisi, hawn qrib tal-Porzjunkola, donni qed nisma’ l-leħen ta’ San Franġisk qed itenni: “Vanġelu, Vanġelu!”.  Qed jgħidu anki lili, anzi, l-ewwel li qed jgħidu lili: Papa Franġisku, kun qaddej tal-Vanġelu!  Jekk jien m’iniex kapaċi nkun qaddej tal-Vanġelu, ħajti ma tiswa xejn!

 

Imma l-Vanġelu, ħbieb tiegħi, ma jolqotx biss ir-reliġjon, jolqot il-bniedem, il-bniedem sħiħ, jolqot id-dinja, is-soċjetà, iċ-ċiviltà umana.  Il-Vanġelu hu l-messaġġ ta’ salvazzjoni ta’ Alla għall-bnedmin.  Imma meta ngħidu “messaġġ ta’ salvazzjoni”, din m’hix biss espressjoni, m’hux sempliċi paroli u paroli fil-vojt li minnu l-lum għandna kemm trid!  L-umanità tabilħaqq għandha bżonn tiġi mifdija!  Dan narawh ta’ kuljum meta nqallbu l-gazzetta, jew nisimgħu l-aħbarijiet fuq it-televiżjoni; imma narawh ukoll madwarna, fil-persuni, fis-sitwazzjonijiet; u narawh fina nfusna!  Kull wieħed u waħda minna għandu bżonn tas-salvazzjoni!  Waħidna mhux ħa jirnexxielna!  Għandna bżonn tas-salvazzjoni!  Salvazzjoni minn xiex?  Mill-ħażen.  Il-ħażen jaħdem, xogħlu jagħmlu.  Imma l-ħażen m’hux invinċibbli u n-Nisrani quddiem il-ħażen ma jirrassenjax ruħu.  U intom, żgħażagħ, tridu tirrassenjaw ruħkom quddiem il-ħażen, quddiem l-inġustizzji, quddiem id-diffikultajiet?  Tridu jew ma tridux?  [Iż-żgħażagħ iwieġbu: Le!].  Aħ, tajjeb.  Hekk nieħu gost!  Is-sigriet tagħna hu li Alla hu ikbar mill-ħażen: dan hu veru!  Alla hu wisq ikbar mill-ħażen.  Alla hu mħabba infinita, ħniena bla qies, u fil-mewt u l-qawmien ta’ Kristu din l-Imħabba lill-ħażen rebħitlu minn għeruqu.  Dan hu l-Vanġelu, l-Aħbar it-Tajba: l-imħabba ta’ Alla ħarġet rebbieħa!  Kristu miet fuq is-salib għal dnubietna u qam.  MiegħU nistgħu aħna wkoll nissieltu lill-ħażen u nirbħuh kuljum.  Nemmnuh dan jew le?  [Iż-żgħażagħ iwieġbu: Iva!].  Imma din l-“iva” trid tibqa’ għaddejja f’ħajjitna!  Jekk jiena nemmen li Ġesù rebaħ il-ħażen u jsalvani, irrid nimxi wara Ġesù, irrid nimxi fit-triq ta’ Ġesù ħajti kollha.

 

Allura l-Vanġelu, dan il-messaġġ ta’ salvazzjoni, għandu żewġ destinazzjonijiet li jintrabtu ma’ xulxin: l-ewwel, li jqanqal il-fidi, u din hi l-evanġelizzazzjoni; it-tieni, li jibdel id-dinja skond il-pjan ta’ Alla, u din hi l-ħajja li l-Insara jagħtu lis-soċjetà.  Imma dawn m’humiex żewġ ħwejjeġ separati minn xulxin, huma missjoni waħda: inwasslu l-Vanġelu bix-xhieda tal-ħajja tagħna u b’dan nibdlu d-dinja!  Din hi t-triq: inwasslu l-Vanġelu bix-xhieda tal-ħajja tagħna.

 

Inħarsu lejn Franġisku: hu wettaqhom it-tnejn li huma dawn iż-żewġ ħwejjeġ, bil-qawwa ta’ l-istess Vanġelu.  Franġisku kabbar il-fidi, ġedded il-Knisja; u fl-istess ħin ġedded is-soċjetà, għamilha iktar fraterna, imma dejjem bil-Vanġelu, bix-xhieda.  Tafu darba waħda lil ħutu x’qalilhom Franġisku?  “Ippriedkaw dejjem il-Vanġelu u jekk ikun hemm bżonn, anki bil-kliem!”.  Imma kif?  Tista’ tippriedka l-Vanġelu mingħajr il-kliem?  Iva!  Bix-xhieda!  L-ewwel ix-xhieda, wara l-kliem!  Imma x-xhieda l-ewwel!

 

Żgħażagħ ta’ l-Umbrija: agħmlu hekk intom ukoll!  Il-lum, f’isem San Franġisk, ngħidilkom: la għandi deheb, lanqas fidda x’nagħtikom, imma għandi xi ħaġa tassew prezzjuża, il-Vanġelu ta’ Ġesù.  Morru bil-kuraġġ kollu!  Bil-Vanġelu f’qalbkom u bejn idejkom, kunu xhieda tal-fidi bil-ħajja tagħkom stess: wasslu lil Kristu fid-djar tagħkom, ħabbruh fost sħabkom, ilqgħuh u aqduh fil-foqra.  Żgħażagħ, wasslu lill-Umbrija messaġġ ta’ ħajja, ta’ paċi, ta’ tama!  Dan tistgħu tagħmluh!

 

Talba tal-Missierna u Barka.

 

U jekk jogħġobkom, nitlobkom: itolbu għalija!

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard