Dan hu d-diskors mhux miktub li għamel il-Papa:

Ninsabu qalb il-pjagi ta' Ġesù, kif għidt int, sinjura (Waħda mill-mexxejja tal-istitut kienet għamlet id-diskors ta' merħba u għamlet din l-affermazzjoni).  Għidt ukoll li dawn il-pjagi jeħtieġ li jinstemgħu u jingħataw għarfien.  Qed jiġini f'moħħi l-waqt meta Ġesù kien miexi flimkien mal-Appostli li kienu bil-geddum.  Fl-aħħar uriehom il-pjagi tiegħu u huma għarfuh.

Imbagħad hemm il-ħobż li hu jinsab fih.  Hija Domenico (l-isqof ta' Assisi) qalli li hawn issir l-adorazzjoni.  Anki dak il-ħobż hemm bżonn li jiġi mismugħ, għax Ġesù hu preżenti u moħbi fis-sempliċità, fil-manswetudni tal-ispeċi tal-ħobż.

Hawnhekk hawn Ġesù moħbi f'dawn iż-żgħażagħ, f'dawn it-tfal, f'dawn il-persuni.  Fuq l-altar aħna naduraw il-Ġisem ta' Ġesù: fihom insibu l-pjagi ta' Ġesù.  Ġesù moħbi fl-Ewkaristija u Ġesù moħbi f'dawn il-pjagi.  Jeħtieġ li leħinhom jinstama!  Mhux tant fil-gażżetti, bħala aħbar, dak hu leħen li jinstama għal ġurnata, tnejn, tlieta, imbagħad jasal ieħor u ieħor...  Jeħtieġ li leħinhom jisimugħ dawk li jgħidu li huma Nsara.

In-Nisrani jadura lil Ġesù, in-Nisrani jfittex lil Ġesù, in-Nisrani jaf jagħraf il-pjagi ta' Ġesù.  Illum, ilkoll kemm aħna hawn ġew, hemm bżonn li ngħidu: Jeħtieġ li nisimgħu lil dawn il-pjagi!  Imma hemm ħaġ'oħra li ttina t-tama.  Ġesù hu preżenti fl-Ewkaristija, hawn insibu l-Laħam ta' Ġesù: hemm il-pjagi ta' Ġesù f'dawn in-nies.

Iżda hu interessanti:  Meta Ġesù rxoxta kellu ġmiel tal-għaġeb.  Ma kellux aktar it-tbenġil, il-feriti... xejn!  Kien isbaħ!  Imma ried li jżomm biss il-pjagi u dawk ħadhom miegħu fis-sema.  Il-pjagi ta' Ġesù qegħdin hawn, u jinsabu fis-sema quddiem il-Missier.  Aħna nikkuraw il-pjagi ta' Ġesù hawnhekk u Hu, mis-sema, jurina l-pjagi tiegħu u jgħidilna, lilna llkoll: Qed nistennik!  Hekk ikun.

Il-Mulej iberikkom ilkoll.  Jalla l-imħabba tiegħu tinżel fuqna, timxi magħna.  Jalla Ġesù jgħidilna li dawn il-pjagi huma l-pjagi tiegħu u jgħinna nagħtuhom leħen biex aħna l-Insara nisimugħ.

 

Dan hu d-diskors li l-Papa kellu mħejji u li minflok qrah, tkellem impromptu, u tah lis-segretarju tiegħu biex jiġi pubblikat

 

Għeżież ħuti,

irrid nibda ż-żjara tiegħi f'Assisi magħkom.  Insellmilkom ilkoll!  Illum il-festa ta' San Franġisk, li jien, bħala Isqof ta' Ruma, għażilt li jkolli ismu.  Għalhekk qiegħed hawn illum.  Iż-żjara tiegħi hi fuq kollox, pellegrinaġġ ta' mħabba, biex nitlob fuq il-qabar ta' bniedem li neża' minn kollox biex libes lil Kristu, u fuq l-eżempju ta' Kristu, ħabb lil kulħadd, speċjalment lill-foqra u l-abbandunati.  Ħabb b'biża qaddis u bis-sempliċità l-ħolqien t'Alla.  Mal-wasla f'Assisi, fil-bieb tal-belt, wieħed isib dan l-istitut li hu msejjaħ “Serafiku”, appellattiv mogħti lil San Franġisk.  Kien waqqfu Franġiskan kbir, il-Beatu Ludovico da Casoria.

Għalhekk hu xieraq li nibda' minn hawn.  Fit-testment tiegħu San Franġisk jgħid: “Il-Mulej qal lili, Fra Franġisku, biex nibda' nagħmel il-penitenza b'dal-mod: meta kont fid-dnub kien wisq qares għalija nara lill-lebbrużi: u l-Mulej stess ħadni ħdejhom u jien użajt il-ħniena.  U meta tbiegħedt minnhom, dak li deherli li kien qares, inbidilli fi ħlewwa tal-qalbi u tal-ġismi.

Sfortunatament is-soċjetà hija mniġġża mill-kultura tat-”twarrib”, kultura li hija l-oppost tal-laqgħa, tal-akkoljenza.  U l-vittmi tal-kultura tat-twarrib huma propju l-persuni l-aktar debboli, l-aktar fraġli.  Iżda, f'din id-dar jien qed nara l-kultura tal-akkoljenza. Żgur li anki hawn mhux kollox perfett.  Imma kulħadd jikkollabora biex jagħti ħajja dinjituża lil persuni li jinsabu f'diffikultajiet kbar.

Nirringrazzjakom għal dan is-sinjal ta' mħabba li qed toffrulna.  Dan hu s-sinjal taċ-ċiviltà vera, umana, Nisranija!  Li tiġbdu l-attenzjoni soċjali u politika fuq dawn il-persuni mill-aktar żvantaġġati!  Iżda xi kultant il-familji jsibu li jkollhom iġorru dan il-piż waħedhom.  X'jista jsir?  Minn dal-post fejn wieħed jara l-imħabba konkreta ngħid lil kulħadd:  ejjew nimmoltiplikaw l-opri tal-kultura tal-akkoljenza, opri, li, qabel kollox, huma msaħħin mill-imħabba Nisranija profonda, imħabba lejn Ġesù Msallab u lejn il-Laħam ta' Kristu, opri li fihom jitwaħħdu l-professjonalità, il-ħidma speċjaliżżata mħallsa kif jixraq, flimkien mal-volontarjat li hu teżor prezzjuż.

Aħna u nservu bl-imħabba u bit-tenerezza lill-persuni li għandhom bżonn tant għajnuna, nikbru fl-umanità, għax huma veramnet riżorsa umana.  San Franġisk kien żgħażugħ sinjur, kien mimli ideali ta' glorja, imma Ġesù, fil-persuna ta' dak il-lebbruż, kellmu fis-skiet, u bidlu.  Ġegħelu jifhem dak li verament ta' siwi fil-ħajja: mhux l-għana, il-qawwa tal-armi, il-glorja tad-dinja, imma l-umiltà, il-ħniena, il-maħfra.

Hawnhekk, għeżież ħuti, nixtieq naqralkom xi ħaġa li hi personali, waħda mill-isbaħ ittri li rċevejt, rigal ta' mħabba mingħand Ġesù.  Kitilbhieli Nicolas, żgħażugħ ta' 16-il sena, li twieled b'diżabbiltà u jgħix f'Buenos Aires.  Se naqrahielkom:

“Għażiż Franġisku, jiena Nicolas u għandi 16-il sena.  Peress li ma nistax niktiblek jiena (għax għadni ma nitkellimx u ma nimxix) tlabt lill-ġenituri tiegħi jiktbulek għalija, għax huma l-persuni li jafuni l-aktar.  Irrid nirrakkuntalek li meta kelli 6 snin, fil-kulleġġ tiegħi li kien jismu Aedin, Padre Pablo kien għamilli l-Ewwel Tqarbina u dis-sena, f'Novembru, se nagħmel il-Konfermazzjoni, ħaġa li qed tnissilli ħafna ferħ.

Sa minn mindu tlabtni int, kull lejl, jien nitlob lil-Anġlu Kustodju tiegħi, li jismu Eusebio, u li hu paċenzjuż ħafna, biex iħarsek u jgħinek.  Oqgħod ċert li dan jagħmlu tajjeb ħafna għax jieħu ħsiebi u jakkumpanjani kuljum!!  Ah!  U meta ma jkollix ngħas..... jiġi jilgħab miegħi!!  Nixtieq niġi narak u nirċievi l-barka tiegħek u bewsa: dan biss!!  Nibgħatlek ħafna xewqat u nkompli nitlob lil Eusebio biex jieħu ħsiebek u jtik is-saħħa.  Bews.  NICO.

F'din l-ittra, fil-qalb ta' dan it-tfajjel hemm il-ġmiel, l-imħabba, il-poeżija t'Alla.  Alla li juri ruħu lil min għandu qalb sempliċi, liż-żgħar, lill-umli, lil min ta' spiss aħna nqisuh bħala tal-aħħar, anki lilkom, għeżież ħbieb.  Dak iż-żgħażugħ, meta ma jkunx jista' jorqod joqgħod jilgħab mal-Anġlu Kustodju tiegħu; huwa Alla li jinżel jilgħab miegħu.

Fil-kappella ta' dan l-istitut, l-Isqof ried li jkun hemm l-Adorazzjoni Ewkaristika Perpetwa: l-istess Ġesù li aħna naduraw fis-Sagrament, li niltaqgħu miegħu f'ħuna l-aktar fraġli, li minnu nitgħallmu, mingħajr ħitan u kumplikazzjonijiet, li Alla jħobb bis-sempliċità tal-qalb.

Nirringrazzjakom ta' din il-laqgħa.  Se nġorrkom miegħi bl-imħabba u bit-talb.  Imma anki intom, itolbu għalija!  Il-Mulej iberikkom u l-Madonna u San Franġisk jipproteġukom.

 

Wara li ħareġ mill-kappella, l-Qdusija Tiegħu tfaċċa f'tieqa u sellem lil dawk miġburin barra mill-bini b'dan il-kliem:

L-għodwa t-tajba. Insellmilkom.  Grazzi ta' dan kollu.  Itolbu għat-tfal kollha, għaż-żgħażagħ, għall-persuni li jinsabu hawn, għal dawk kollha li jaħdmu hawn.  Għalihom.  Tant hu sabiħ!  Il-Mulej iberikkom!  Itolbu għalija wkoll! Dejjem! Itolbu favur mhux kontra!!  Il-Mulej iberikkom.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Joe Huber