Għeżież ħuti tal-Komunita’ Djoċesana, il-wara nofsinhar it-tajjeb!

Inroddilkom ħajr tal-merħba tagħkom, saċerdoti, reliġjużi rġiel u nisa, lajċi mpenjati fil-Kunsilli Pastorali!  Kemm huma meħtieġa l-kunsilli pastorali!  Isqof ma jistax imexxi d-djoċesi mingħajr il-kunsilli pastorali!  Kappillan ma jistax imexxi l-parroċċa mingħajr il-kunsill pastorali.  Dan huwa fundamentali!  Ninsabu f’dan il-Kattidral!  Hawn jinsab il-fonti tal-magħmudija fejn San Franġisk u Santa Kjara ġew imgħammda; dak iż-żmien dan il-fonti kien jinsab fil-Knisja ta’ Santa Marija.  It-tifkira tal-Magħmudija hija importanti!  Il-Magħmudija hija t-twelid tagħna bħala wlied t’Ommna l-Knisja.  Nixtieq insaqsikom:  min minnkom jaf il-jum tal-Magħmudija tiegħu jew tagħha?  Ftit!  Ftit!... Issa meta tmorru d-dar saqsu: Ma, Pa, għidli: meta ġejt mgħammed jiena?  Dan huwa importanti għaliex huwa l-jum tat-twelid tagħna bħala wlied Alla,  Spirtu wieħed, Magħmudija waħda, fil-varjeta’ tal-kariżmi u tal-ministeri.  X’don kbir huwa nkunu Knisja, tagħmel sehem mill-Poplu t’Alla!  Ilkoll aħna il-Poplu t’Alla!  Fl-armonija, fil-komunjoni tad-diversita’, li hija opra tal-Ispirtu s-Santu, għaliex l-Ispirtu s-Santu huwa l-armonija, u jagħmel l-armonija: hija don tiegħU, u jeħtieġilna nkunu miftuħin biex nirċevuh!

L-Isqof  huwa l-ħarries ta’ din l-armonija.  L-Isqof huwa l-ħarries ta’ dan id-don tal-armonija fid-diversita’.  Għalhekk il-Papa Benedittu ried li l-attivita’ pastorali tal-Bażilki papali franġiskani tkun integrata f’dik djoċesana.  Għaliex huwa l-Isqof li għandu jagħmel l-armonija: hija l-ħidma tiegħu, huwa d-dmir tiegħu u l-vokazzjoni tiegħu.  U huwa għandu don speċjali biex jagħmilha.  Jiena kuntent li qed timxu tajjeb f’din it-triq, b’ġid għal kulħadd, taħdmu flimkien bis-serenita’ u ninkuraġġikom tkomplu.  Iż-Żjara pastorali li għadha kif intemmet u s-Sinodu djoċesan li sejrin tiċċelebraw huma mumenti qawwija għal din il-Knisja biex tikber, li Alla bierek b’mod partikulari.  Il-Knisja tikber imma mhux biex tagħmel il-proselitiżmu:  le, le!  Il-Knisja ma tikbirx bil-proselitiżmu.  Il-Knisja tikber għax tiġbed lill-oħrajn, tiġbed lill-oħrajn bix-xhieda li kull wieħed u waħda minna jagħti lill-Poplu t’Alla.

Issa, fil-qosor nixtieq nisħaq fuq xi aspetti tal-ħajja tagħkom bħala Komunita’.  Ma nixtieqx ngħidilkom affarijiet ġodda, imma nsaħħaħkom f’dawk li huma l-aktar importanti u li huma l-karatteristiċi tal-mixja tagħkom djoċesana.

1.  L-ewwel ħaġa hija nisimgħu l-Kelma t’Alla.  Il-Knisja hija dan: il-komunita’ – qalu issa l-Isqof – il-komunita’ li tisma’ bil-fidi u bl-imħabba l-Mulej jitkellem.  Il-pjan pastorali li qegħdin tgħixu flimkien jisħaq proprju fuq din id-dimensjoni fundamentali.  Hija l-Kelma t’Alla li tqajjem il-fidi, tgħajjixha u tagħtiha l-ħajja mill-ġdid.  Hija l-Kelma t’Alla li tmiss il-qlub, li tikkonverti għal Alla u għall-mod tal-ħsieb tiegħu li huwa ħafna differenti minn dak tagħna;  hija l-Kelma t’Alla li ġġedded kontinwament il-komunitajiet tagħna...

Naħseb li lkoll nistgħu ntejjbu xi ftit dan l-aspett:  insiru lkoll aktar semmiegħa tal-Kelma t’Alla, biex inkunu inqas għanja ta’ kliemna u aktar għanja tal-Kliem tiegħu.  Naħseb fuq is-saċerdot li għandu d-dmir li jippriedka.  Kif jista’ jippriedka jekk qabel ma jkunx fetaħ qalbu, ma jkunx sema’, fis-skiet, il-Kelma t’Alla?  Inwarrbu dawn l-omeliji li ma jispiċċaw qatt, li jdejjqu, li minnhom wieħed ma jifhem xejn.  Dan huwa għalikom!  Naħseb fuq dak il-missier jew dik l-omm, li huma l-ewwel edukaturi: kif jistgħu jedukaw jekk il-kuxjenza tagħhom ma tkunx imdawla mill-Kelma t’Alla, jekk il-mod li bih jaħsbu u jaġixxu mhuwiex immexxi mill-Kelma, u liema eżempju jistgħu jagħtu lill-uliedhom?  Dan huwa importanti, għaliex imbagħad l-ommijiet u l-missirijiet igergru: “dan it-tifel...”  Imma inti, x-xhieda tajtu?  Kif kellimtu?  Bil-Kelma t’Alla jew bil-kelma li tisma’ fl-a]barijiet tat-televiżjoni? L-ommijiet u l-missirijiet għandhom jitkellmu fuq kollox bil-Kelma t’Alla!  U naħseb fuq il-katekisti, u fl-edukaturi kollha:  jekk qalbhom mhix taħraq bil-Kelma, kif jistgħu isaħħnu l-qlub tal-oħrajn, tat-tfal, taż-żgħażagħ, tal-adulti?  Mhux biż-żejjed naqraw il-Kotba Mqaddsa, hu meħtieġ nisimgħu lil Ġesu’ jitkellem fihom.  Jeħtieġ li nkunu bħall-antenna li tirċievi, sintoniżżata fuq il-Kelma t’Alla, biex inkunu antenni li nittrasemttu!  Nirċievu biex nittrasmettu.  Huwa l-Ispirtu s-Santu li jagħmel ħajja l-Kotba Mqaddsa, li jagħmel li nifhmuha mill-qiegħ, fis-sens veru u mimli!  Insaqsu lilna nfusna, bħala waħda mill-mistoqsijiet hekk kif aħna miexja lejn is-Sinodu:  X’post għandha l-Kelma t’Alla fil-ħajja tiegħi, f’ħajti ta’ kuljum?  Jiena jien sintoniżżat ma’ Alla jew ma’ tant kliem li huwa moda llum jew fuqi nnifsi?  Din hija mistoqsija li kull wieħed u waħda minna jeħtieġlu jagħmel lilu nnifsu jew lilha nnifisha?

2. It-tieni aspett huwa dak li nimxu.  Hija waħda mill-kelmiet li nippreferi meta naħseb dwar in-nisrani fil-Knisja.  Imma għalikom għandha sens speċjali:  intom deħlin fis-Sinodu tad-djoċesi; u tagħmel “sinodu” jfisser timxi flimkien.  Naħseb li din tassew hija l-esperjenza l-aktar sabiħa li ngħixu: tagħmel parti minn poplu f’mixjietu, f’mixjietu fl-istorja, flimkien mal-Mulej tiegħu, li jimxi f’nofsna!  M’aħniex iżolati, ma nimxux weħidna, imma aħna parti mill-merħla waħda ta’ Kristu li timxi flimkien.

Hawn naħseb ukoll fikom, saċerdoti, u ħalluni ngħodd lili nnifsi magħkom.  X’hemm isbaħ għalina milli nimxu flimkien mal-poplu tagħna?  Dan huwa sabiħ!  Meta jiena naħseb fuq dawn il-kappillani li jafu b’isimhom il-persuni tal-parroċċa, li jmorru għandhom biex isibuhom; u wkoll bħal ma qalli wieħed: “Jiena naf l-isem tal-kelb ta’ kull familja”, l-isem tal-kelb ukoll, jafu!  Kemm kien sabiħ dan!  X’hemm isbaħ minn dan? Intennieh spiss:  nimxu mal-poplu tagħna, xi drabi quddiem, drabi oħra fin-nofs u drabi wara: quddiem biex immexxu l-komunita’; fin-nofs biex nagħmlulha l-qalb u nsaħħuha; wara biex inżommuha mgħaquda sabiex ħadd ma jibqa’ lura ħafna ħafna, biex inżommuha mgħaquda; imma wkoll għal raġuni oħra: għaliex il-poplu għandu “mod kif ixomm”. Għandu dan il-mod kif isib toroq ġodda fil-mixja, għandu “s-sens tal-fidi”, kif jgħidu t-teoloġi.  X’hemm isbaħ minn dan?  U fis-Sinodu għandu jkun hemm ukoll dak li l-Ispirtu s-Santu jgħid lill-lajċi, lill-Poplu t’Alla, lil kulħadd.

Imma l-aktar ħaġa importanti hija li nimxu flimkien, naħdmu flimkien, ngħinu lil xulxin; nitolbu skuża lil xulxin, nagħarfu l-iżbalji ta’ xulxin u nitolbu maħfra;  imma wkoll nilqgħu l-iskużi tal-oħrajn billi naħfru – kemm huwa importanti dan!  Xi drabi naħseb f’dawk iż-żwiġijiet li wara tant snin jisseparaw.  “Hekku... le, ma niftehmux, tbegħedna minn xulxin”.  Jista’ jkun għaliex ma għarfux jitolbu skuża f’waqtu.  Jista’ jkun li ma għarfux jaħfru f’waqtu.  U dejjem, lill-għarajjes ġodda jiena nagħtihom dan il-parir: “Tlewwmu kemm tridu. Jekk il-platti jtiru ħalluhom.  Imma qatt tħallu jum jgħaddi mingħajr ma tagħmlu paċi! Qatt”.  U jekk il-miżżewġin jitgħallmu jgħidu: “Imma, skużani, kont għajjien”, jew xi ġest ċkejken: din hija l-paċi; u nkomplu bil-ħajja fil-jum ta’ wara.  Dan huwa sigriet sabiħ, u dan iwarrab dawn is-separazzjonijiet ta’ niket.  Kemm huwa important nimxu flimkien, mingħajr ma naħarbu quddiem, mingħajr nostalġiji tal-imgħoddi.  U meta nkunu mixjin, nitkellmu, insiru nafu lil xulxin, nirrakkuntaw ġrajjietna lil xulxin, nikbru flimkien biex inkunu familja.  Hawnhekk insaqsu lilna nfusna: Kif aħna sejrin?  Kif inhija r-realta’ djoċesana tagħna?  Qed nimxu flimkien?  U jien x’qiegħed nagħmel biex id-djoċesi timxi tassew flimkien?  Jien hawnhekk ma rridx nidħol fl-argument tat-tpaċpiċ, imma intom tafu li l-kliem żejjed dejjem jifred!

3.  Għalhekk: Nisimgħu, Nimxu; u t-tielet aspett huwa dak missjunarju: inxandru sal-periferiji.  U dan ukoll ħadtu minn għandkom, mill-proġetti pastorali tagħkom.  L-Isqof tkellem milux.  Imma jien irrid nisħaq fuqu wkoll għaliex huwa ukoll element li jiena għixtu ħafna meta kont Buenos Aires:  l-importanza li toħroġ  sabiex tmur tiltaqa’ mal-ieħor, fil-periferiji, li huma postijiet; imma fuq kollox huma persuni f’qagħadiet ta’ ħajja speċjali.  Dan huwa l-każ tad-djoċesi li kelli qabel dik ta’ Buenos Aires.  Periferija waħda li ġagħalitni nbati; hemm sibt fost il-familji tal-klassi medja tfal li ma kienux jafu jroddu s-Salib.  Imma, din hija periferija waħda!  Jiena nistaqsikom: hawnhekk, f’din id-djoċesi, hawn tfal li ma jafux jagħmlu s-Sinjal tas-Salib?  Aħsbu ftit fuq dan.  Dawn huma periferiji tassew, eżistenzjali, fejn m’hemmx Alla.

Fl-ewwel mod, il-periferiji ta’ din id-djoċesi, per eżempju, huma ż-żoni tad-Djoċesi li qegħedin f’riskju li jkunu fit-trufijiet, ‘il barra mid-dwal tar-rifletturi.  Imma wkoll, huma dawk il-persuni, realtajiet umani li fil-fatt huma emarġinati, disprezzati.  Huma persuni li forsi jistgħu jkunu fiżikament fiċ-“ċentru”, imma spiritwalment huma ‘l bogħod.

La tibżgħux toħorġu u tmorru tiltaqgħu ma’ dawn il-persuni, ma’ dawn is-sitwazzjonijiet.  Tkunux miżmumin minn preġudizzji, minn drawwiet, riġidita’ mentali jew pastorali, immexxijin mill-motto famuż “imma dejjem hekk sar!”.  Imma nistgħu biss immorru fil-periferiji jekk inġorru l-Kelma t’Alla fi qlubna, u nimxu mal-Knisja, bħal San Franġisk.  Jekk ma jkunx hekk, inġorru lilna nfusna u mhux il-Kelma t’Alla; u dan mhux tajjeb, ma jgħin lil ħadd!  Mhux aħna li nsalvaw id-dinja: huwa proprju l-Mulej li jsalvaha!

Hekku, ħbieb għeżież tiegħi, ma tajtkomx soluzzjonijiet ġodda.  Ma għandix, u temmnux lil dawk li jgħidu li għandhom: ma hemmx. Imma jiena sibt fil-mixja tal-Knisja tagħkom aspetti sbieħ u importanti li għandkom tkabbruhom u nixtieq inseddaqkom fihom.  Isimgħu l-Kelma, imxu flimkien bħala fraternita’, ħabbru l-Evanġelju fil-periferiji!  Il-Mulej iberikkom, il-Madonna tħariskom u San Franġisk jgħinkom ilkoll biex tgħixu l-ferħ li tkunu dixxipli tal-Mulej!   Grazzi.

 

 

Miġjub għall-Malti minn Patri Silvestru Bonavia OFM Cap.