Jiena ħsibt li din il-laqgħa tagħna kienet sa tkun bħalma konna għamilna darbtejn f’Castel Gandolfo, fis-sala kapitulari, waħdi mas-sorijiet, imma, nistqarr magħkom, m’għandix il-qalb inkeċċi lill-Kardinali.  Nagħmluha hekk.

 

Tajjeb.  Qabel xejn nirringrazzjakom tal-laqgħa tagħkom u għat-talb li tagħmlu għall-Knisja.  Meta soru tal-klawsura tikkonsagra ħajjitha kollha lill-Mulej, isseħħ bidla li mhux faċli nifhmuha.  Il-moħħ tagħna aktarx jaħseb li din is-soru tkun iżolat ruħha, waħidha ma’ l-Assolut, waħidha ma’ Alla; hi ħajja axxetika, penitenti.  Imma din m’hix it-triq ta’ soru tal-klawsura Kattolika, lanqas dik Nisranija.  It-triq tgħaddi minn ġo Ġesù Kristu, dejjem!  Ġesù Kristu jinsab fiċ-ċentru ta’ ħajjitkom, tal-penitenza tagħkom, tal-ħajja komunitarja tagħkom, tat-talb tagħkom u anki ta’ l-universalità tat-talb.  U tul din it-triq jiġri bil-maqlub ta’ min jaħseb li din sa tkun soru axxetika tal-klawsura.  Meta wieħed jimxi t-triq tal-kontemplazzjoni ta’ Ġesù Kristu, tat-talb u tal-penitenza ma’ Ġesù Kristu, isir iktar u iktar uman.  Is-sorijiet tal-klawsura huma msejħin biex ikollhom umanità kbira, umanità bħal dik ta’ Ommna l-Knisja; umani, jifhmu l-ħwejjeġ kollha tal-ħajja, ikunu persuni li jafu jifhmu l-problemi umani, li jafu jaħfru, li jafu jitolbu lill-Mulej għall-persuni.  L-umanità tagħkom.  U l-umanità tagħkom issibuha f’din it-triq, l-Inkarnazzjoni tal-Verb, it-triq ta’ Ġesù Kristu.  U liema hu s-sinjal ta’ soru daqshekk umana?  Il-ferħ, il-ferħ, meta jkun hemm il-ferħ!  Lili jnikkitni meta nsib sorijiet li m’humiex ferħana.  Forsi jitbissmu, imma bit-tbissima ta’ ħostess fuq ajruplan.  Imma mhux bit-tbissima tal-ferħ, ta’ dak il-ferħ li jiġi minn ġew.  Dejjem ma’ Ġesù Kristu.

 

Il-lum fil-Quddiesa, meta tkellimt dwar il-Kurċifiss, għidt li Franġisku kien ikkontemplah b’għajnejh miftuħa, bil-ġrieħi miftuħa, bid-demm nieżel minnu.  U din hi l-kontemplazzjoni tagħkom: ir-realtà.  Ir-realtà ta’ Ġesù Kristu.  Mhux ideat astratti, mhux ideat astratti, għax dawn lill-moħħ inixxfuh.  Il-kontemplazzjoni tal-pjagi ta’ Ġesù Kristu!  U dawn hu ħadhom miegħu fis-Sema, u għadhom fuqu!  Din hi t-triq ta’ l-umanità ta’ Ġesù Kristu: dejjem ma’ Ġesù, Alla magħmul bniedem.  U minħabba f’dan hi ħaġa wisq sabiħa li n-nies tmur fil-parlatorju tal-monasteri u tixtieq lis-sorijiet jitolbu għaliha u taqsam magħhom il-problemi tagħha.  Forsi s-soru ma tgħidilhom xejn ta’ barra minn hawn, imma tkun kelma li tasal għandha propju mill-kontemplazzjoni ta’ Ġesù Kristu, għax is-soru, bħall-Knisja, miexja fit-triq biex issir esperta ta’ l-umanità.  U din hi triqitkom: mhux spiritwali żżejjed!  Meta xi ħadd ikun spiritwali żżejjed, tiġini f’moħħi l-fundatriċi tal-monasteri kompetituri tagħkom, Santa Tereża, ngħidu aħna.  Meta kienet tmur għandha soru, oħ, b’dawn l-affarijiet ġo moħħha… kienet taqbad tgħid lill-koka: “’Tiha biċċa laħam!”.  Dejjem ma’ Ġesù Kristu, dejjem.  L-umanità ta’ Ġesù Kristu!  Għax il-Verb ħa l-laħam tagħna, Alla sar laħam għalina, u dan lilkom jagħtikom qdusija umana, kbira, sabiħa, matura, qdusija ta’ omm.  U l-Knisja hekk tridkom: ommijiet, omm, omm.  Tagħtu l-ħajja.  Meta intom titolbu, ngħidu aħna, għas-saċerdoti, għas-seminaristi, intom tibnu relazzjoni ta’ maternità magħhom; bit-talb tgħinuhom isiru Rgħajja tajbin tal-Poplu ta’ Alla.  Imma ftakru fil-biċċa laħam ta’ Santa Tereża!  Importanti.  U din hi l-ewwel ħaġa: dejjem ma’ Ġesù Kristu, il-pjagi ta’ Ġesù Kristu, il-pjagi tal-Mulej.  Għax din hi r-realtà: li, wara l-Qawmien, Hu kellu l-pjagi u ġarrhom fuqu.

 

U t-tieni ħaġa li ridt ngħidilkom, fil-qosor, hi dwar il-ħajja tal-komunità.  Aħfru, issaportu lil xulxin, għax il-ħajja komunitarja m’hix ħafifa.  Ix-Xitan japprofitta ruħu minn kollox biex jaqsam!  Tgħid: “Jien ma rrid ngħid xejn ħażin, imma…”, u tibda l-firda.  Le, dan m’għandux ikun, għax ma jwassal għal imkien: għall-firda.  Ħudu ħsieb il-ħbiberija ta’ bejnietkom, il-ħajja tal-familja, l-imħabba ta’ bejnietkom.  U agħmlu mod li l-monasteru ma jkunx Purgatorju, imma jkun familja.  Il-problemi hemm qegħdin, hemm ħa jkunu, imma, kif wieħed jagħmel ġo familja, bl-imħabba, ifittex soluzzjoni bl-imħabba; m’għandux jeqred din biex isolvi dak; tħallux il-kompetizzjoni tidħol bejnietkom.  Ħudu ħsieb il-ħajja komunitarja, għax meta fil-ħajja tal-komunità tkunu hekk, bħal familja, hu sewwa sew l-Ispirtu s-Santu li jgħammar f’nofs il-komunità.

 

Dawn iż-żewġ affarijiet ridt ngħidilkom: il-kontemplazzjoni dejjem, dejjem ma’ Ġesù; Ġesù, Alla u Bniedem.  U l-ħajja komunitarja, dejjem b’qalb kbira.  Aħfru u insew, titkabbrux bikom infuskom, issaportu kollox, tbissmu mill-qalb.  U s-sinjal jidher fil-ferħ tagħkom.  U jien nitlob għalikom biex ikollkom dan il-ferħ li jitnissel propju mill-vera kontemplazzjoni u minn ħajja komunitarja sabiħa.  Grazzi!  Grazzi li lqajtuni għandkom.  Nitlobkom titolbu għalija, jekk jogħġobkom, tinsewx!  Qabel il-Barka, ejjew nitolbu lill-Madonna: Ave Maria…

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard