Santitajiet

illustri Rappreżentanti tal-Knejjes Insara u tar-Reliġjonijiet,

għeżież ħuti!

 

B’rispett u mħabba kbira nsellmilkom u niżżikom ħajr tal-preżenza tagħkom. Irrodd ħajr lill-Komunità ta’ Sant’Eġidju, lid-Djoċesi ta’ Assisi u lill-Familji Franġiskani li ħejjew dan il-jum ta’ talb. Aħna ġejna Assisi bħala pellegrini nfittxu l-paċi. Fina nġorru u nqiegħdu quddiem Alla t-tamiet u l-uġigħ ta’ tant popli u persuni. Għatxana għall-paċi, nixtiequ nagħtu xhieda tal-paċi, fuq kollox jeħtieġ li nitolbu għall-paċi, għax il-paċi hi don ta’ Alla u jeħtieġ nitolbuhielu, nilqgħuha u nibnuha jum wara l-ieħor bl-għajnuna tiegħu.

 

“Henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:9). Ħafna minnkom għamlu mixja twila biex ġew f’dan l-imkien qaddis. Noħorġu, nimxu, niltaqgħu flimkien, inħabirku għall-paċi: dawn mhumiex biss movimenti tal-ġisem, imma fuq kollox tar-ruħ, huma tweġibiet spiritwali konkreti biex negħlbu l-għeluq billi ninfetħu għal Alla u għal ħutna. Dan qed jitlobhulna Alla, meta jsejħilna naffrontaw il-marda l-kbira ta’ żmienna: l-indifferenza. Hi marda li tipparalizza, tgħażżen u ġġib insensibbli, paraliżi li tagħmel ħsara lill-istess qalba tar-reliġjożità, u toħloq paganiżmu ikrah ħafna: il-paganiżmu tal-indifferenza.

 

Ma nistgħux nibqgħu indifferenti. Illum id-dinja għandha għatx miklub għall-paċi. F’ħafna pajjiżi hemm min qed ibati l-gwerra, spiss minsija, imma dejjem kawża ta’ tbatija u faqar. F’Lesbo, mal-għażiż Patrijarka Ekumeniku Bartilmew, f’għajnejn ir-rifuġjati lmaħna t-tbatija tal-gwerra, l-uġigħ ta’ popli sħaħ għatxana għall-paċi. Jiġuni f’moħħi familji, li ħajjithom inqalbet ta’ taħt fuq; tfal, li f’ħajjithom ma rawx ħlief vjolenza; anzjani, imġiegħla jħallu artijiethom: dawn kollha għandhom għatx kbir għall-paċi. Ma rridux li dawn it-traġedji jintesew. Irridu li flimkien nagħtu leħen lil dawk li qed batu, lil dawk li huma bla vuċi u mhu jismagħhom ħadd. Huma jafu tajjeb, spiss aħjar mis-setgħana tal-art, li fil-gwerra m’hemmx għada u li l-vjolenza tal-armi teqred il-ferħ tal-ħajja.

 

Aħna m’għandniex armi f’idejna. Imma nemmnu fil-qawwa ħelwa u umli tat-talb. F’dan il-jum, l-għatx għall-paċi nbidel f’talba quddiem Alla, biex jieqfu darba għal dejjem il-gwerer, it-terroriżmu u l-vjolenza. Il-paċi li qed nitolbu minn Assisi mhix sempliċi protesta kontra l-gwerra, lanqas “hi r-riżultat ta’ negozjati, ta’ ftehim politiku jew ta’ negozjar ekonomiku. Imma l-frott tat-talb” (Ġwanni Pawlu II, Diskors, Bażilika ta’ Santa Marija tal-Anġli, 27 ta’ Ottubru 1986: Insegnamenti IX, 2 [1986], 1252). F’Alla, li hu l-għajn tal-komunjoni, infittxu l-ilma ċar tal-paċi, li għalih hu għatxan il-bniedem: dan ma jistax inixxi mid-deżerti tal-kburija u tal-interessi pesonali, mill-artijiet niexfa tal-profitt ikun xi jkun il-prezz u tal-kummerċ tal-armi.

 

Bosta huma t-tradizzjonijiet reliġjużi tagħna. Imma d-differenza m’għandhiex tkun motiv għall-kunflitt, għall-polemika jew għad-distakk biered. Illum ma tlabniex kontra xulxin, kif b’xorti ħażina seħħ xi drabi tul l-istorja. Mingħajr sinkretiżmi u mingħajr relattiviżmi, tlabna ma’ xulxin, għal xulxin. San Ġwanni Pawlu II f’dan l-istess post qalilna: “Forsi qatt daqs illum fl-istorja tal-bniedem ma dehret hekk ċara għal kulħadd ir-rabta intrinsika bejn atteġġjament awtentikament reliġjuż u l-ġid għoli tal-paċi” (Diskors, Pjazza ta’ isfel tal-Bażilika ta’ San Franġisk, 27 ta’ Ottubru 1986: l.c., 1268). Waqt li nissoktaw bil-mixja mibdija tletin sena ilu f’Assisi, fejn hi ħajja t-tifkira ta’ dak il-bniedem ta’ Alla u tal-paċi li kien San Franġisk, “għal darb’oħra aħna, flimkien hawn miġbura, naffermaw li min jinqeda bir-reliġjon biex jiffomenta l-vjolenza jkun qed imur kontra t-tnebbiħa l-iżjed awtentika u profonda tagħha” (Id., Diskors lir-Rappreżentanti tar-Reliġjonijiet, Assisi, 24 ta’ Jannar 2002: Insegnamenti XXV, 1 [2002], 104), li kull għamla ta’ vjolenza ma tirrappreżentax “in-natura vera tar-reliġjon. Anzi hi miżinterpretazzjoni tagħha u twassal għall-qerda tagħha” (Benedittu XVI, Intervent fil-Jum ta’ riflessjoni, djalogu u talb għall-paċi u għall-ġustizzja fid-dinja, Assisi, 27 ta’ Ottubru 2011: Insegnamenti VII, 2 [2011], 512). Ma negħjew qatt intennu li l-isem ta’ Alla ma jista’ qatt jiġġustifika l-vjolenza. Il-paċi waħidha hi qaddisa. Il-paċi biss hi qaddisa, mhux il-gwerra!

 

Illum tlabna għad-don qaddis tal-paċi. Tlabna biex il-bniedem iħoss il-kuxjenza tqanqlu biex jiċċaqlaq minn postu u jħares il-qdusija tal-ħajja umana, biex jippromovi l-paċi bejn il-popli u jħares il-ħolqien, id-dar komuni tagħna. It-talb u l-kollaborazzjoni konkreta jgħinuna ma nibqgħux ilsiera tal-loġika tal-kunflitt u niċħdu l-atteġġjamenti ribelli ta’ min jaf biss jipprotesta u jagħdab. It-talb u r-rieda tagħna li naħdmu flimkien jimpenjawna b’riżq paċi vera, mhux illużorja: mhux l-inkwiet ta’ min ifittex jaħrab id-diffikultajiet u jdawwar wiċċu band’oħra, sakemm ma jintmessux l-interessi tiegħu; mhux iċ-ċiniżmu ta’ min jaħsel idejh mill-problemi li mhumiex tiegħu; mhux l-istil virtwali ta’ min jiġġudika kollox u lil kulħadd mit-tastiera ta’ kompjuter, bla ma jiftaħ għajnejh għall-ħtiġijiet ta’ ħutu u jħammeġ idejh għal min hu fil-bżonn. Triqitna hi dik li nixteħtu fil-qalba tas-sitwazzjonijiet u nagħtu l-ewwel post lil min qed ibati; li nidħlu fil-kunflitti biex infejquhom minn ġewwa; li b’koerenza nimxu fit-toroq tat-tjieba, flok ngħaddu mit-toroq iqsar tal-ħażen; li bis-sabar kollu, bl-għajnuna ta’ Alla u b’rieda tajba, naqbdu proċessi li jwasslu għall-paċi.

 

Il-paċi, ħajta ta’ tama li tgħaqqad l-art mas-sema, kelma hekk sempliċi u tqila fl-istess ħin. Il-paċi tfisser Maħfra li, frott il-konverżjoni u t-talb, toħroġ minn ġewwa u, f’isem Alla, tagħmilha possibbli li ndewwu l-ġrieħi tal-imgħoddi. Paċi tfisser Merħba, disponibbiltà għad-djalogu, li negħlbu l-għeluq, għax dan mhuwiex strateġija ta’ sigurtà, imma pont mibni fuq il-vojt. Paċi tfisser Kollaborazzjoni, skambju ħaj u konkret mal-ieħor, li hu don u mhux problema, ħija li id f’id miegħu għandi nipprova nibni dinja aħjar. Paċi tfisser Edukazzjoni: sejħa biex ta’ kuljum nitgħallmu l-arti iebsa tal-komunjoni, biex niksbu l-kultura tal-laqgħa, insaffu l-kuxjenza minn kull tentazzjoni ta’ vjolenza u ta’ qalb iebsa, li teħodha kontra l-isem ta’ Alla u d-dinjità tal-bniedem.

 

Aħna hawn, flimkien u fil-paċi, nemmenu u nittamaw f’dinja ta’ mħabba bejn l-aħwa. Nixtieq li l-bnedmin ta’ twemmin differenti, kullimkien jinġabru u joħolqu l-għaqda, speċjalment fejn hemm il-gwerer. Il-ġejjieni tagħna hu li ngħixu flimkien. Għalhekk aħna msejħin neħilsu mit-tagħbijiet tqal tas-suspetti, tal-fundamentaliżmi u tal-mibegħda. Dawk li jemmnu huma bennejja tal-paċi fit-talb tagħhom lil Alla u fl-għemil b’riżq il-bniedem! U aħna, bħala Mexxejja reliġjużi, aħna għandna nkunu pontijiet b’saħħithom ta’ djalogu, medjaturi kreattivi ta’ paċi. Induru wkoll fuq min għandu f’idejh l-ogħla responsabbiltà fis-servizz tal-popli, fuq il-Mexxejja tal-Ġnus, biex ma jegħjew qatt ifittxu u jippromovu toroq ta’ paċi, u jħarsu lil hemm mill-interessi personali tagħhom u tal-mument: ħalli ma jaqgħux fuq widnejn torox l-appell ta’ Alla lill-kuxjenzi, il-karba tal-foqra għas-sliem, u x-xewqat tajba tal-ġenerazzjonijiet żgħażagħ. Hawn, tletin sena ilu, San Ġwanni Pawlu II qal: “Il-paċi hi post tal-bini miftuħ għal kulħadd, u mhux biss għall-ispeċjalisti, għall-għorrief u għall-istrateġisti. Il-paċi hi responsabbiltà universali” (Diskors, Pjazza ta’ isfel tal-Bażilika ta’ San Franġisk, 27 ta’ Ottubru 1986: l.c., 1269). Ħuti, ejjew nagħmlu tagħna din ir-responsabbiltà, u ntennu mill-ġdid illum l-iva tagħna li nkunu, flimkien, bennejja tal-paċi li Alla jrid u li l-bnedmin huma għatxana għaliha.

 

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard