Padre Lombardi:

Santità, grazzi ħafna li fi tmiem dan il-vjaġġ pjuttost qasir imma intens ħafna, tinsab hawn magħna. Ħadna gost nakkumpanjawk u issa nixtiequ bħas-soltu napprofittaw mill-ġentilezza tiegħek u nagħmlulek xi ftit mistoqsijiet. Għandna lista ta’ persuni li nkitbu hawn biex jitkellmu, u nistgħu nibdew, bħas-soltu, bil-kollegi mill-Armenja, nagħtuhom il-prijorità. L-ewwel wieħed hu Arthur Grygorian, mit-televiżjoni pubblika Armena.

 

Il-Papa Franġisku:

Il-lejla t-tajba! Grazzi ħafna tal-għajnuna tagħkom f’dan il-vjaġġ u tax-xogħol kollu tagħkom li bih qed tagħmlu tant ġid: tikkomunikaw tajjeb l-affarijiet ifisser tagħtu aħbarijiet tajba, u l-aħbarijiet tajba dejjem ġid jagħmlu. Grazzi ħafna, grazzi.

 

Arthur Grygorian, televiżjoni pubblika Armena:

(bl-Ingliż) Santità, sirna nafu li int għandek ħbieb Armeni. Diġà kellek kuntatti mal-komunitajiet Armeni fl-Arġentina. Matul l-aħħar tlitt ijiem, int – biex ngħidu hekk – wasalt biex missejt b’idejk l-ispirtu Armen. X’inhuma s-sentimenti tiegħek, l-impressjonijiet tiegħek, u x’inhu l-messaġġ għall-futur, it-talbiet tiegħek għalina l-Armeni?

 

Il-Papa Franġisku:

Tajjeb, ejja naħsbu fil-futur u  mbagħad wara mmorru għall-passat. Jiena nawgura lil dan il-poplu l-ġustizzja u s-sliem. U nitlob għal dan, għax dan hu poplu kuraġġjuż. U nitlob biex isib il-ġustizzja u l-paċi. Jiena naf li hemm ħafna qed iħabirku għal dan. U jien kont ukoll kuntent ħafna, il-ġimgħa l-oħra, meta rajt ritratt tal-President Putin maż-żewġ Presidenti tal-Armenja u l-Ażerbajġan: tal-inqas jitkellmu. U anki mat-Turkija: il-President tar-Repubblika [Armena] fid-diskors tiegħu ta’ merħba tkellem ċar; kellu l-kuraġġ jgħid: “Ejja niftehmu, naħfru lil xulxin u nħarsu lejn il-futur”. Dan hu kuraġġ kbir! Poplu li sofra ħafna! L-ikona tal-poplu Armen – u dan il-ħsieb ġieni f’moħħi llum jiena u nitlob ftit – hu ħajja tal-ġebel u ħlewwa ta’ omm. Refa’ slaleb, imma slaleb tal-ġebel – għadek tista’ tarahom ukoll [is-slaleb karatteristiċi tal-ġebel imsejħa khachkar] –; imma ma tilifx dik il-ħlewwa, l-arti, il-mużika, dawk il-“kwarti toni” hekk diffiċli biex tifhimhom, u b’ġenjalità kbira… Poplu li bata wisq fl-istorja tiegħu, u l-fidi biss, il-fidi żammitu fuq saqajh. Għax il-fatt li kien l-ewwel nazzjon Nisrani, dan mhux biżżejjed; kien l-ewwel nazzjon Nisrani għax il-Mulej bierku, għax kellu l-qaddisin, kellu isqfijiet qaddisin, martri… U għalhekk issawret fir-reżistenza tiegħu dik il-“ġilda samma” – ħa ngħidu hekk –, imma ma tilifx il-ħlewwa ta’ qalb ta’ omm; u l-Armenja hi omm ukoll. Din kienet it-tieni mistoqsija. U niġu għall-ewwel waħda issa. Iva, jien kelli ħafna kuntatti mal-Armeni, spiss kont immur għandhom għall-Quddies; ħafna ħbieb Armeni; u xi ħaġa li s-soltu ma niħux gost nagħmel biex nistrieħ, imma kont immur niekol għandhom, u intom tagħmlu ikliet peżanti! Imma jien ħabib ħafna magħhom, ħbieb sew kemm tal-Arċisqof Kissag Mouradian, tal-Knisja Appostolika, u kemm ta’ Boghossian, dak Kattoliku. Imma fostkom, iżjed importanti mill-appartenenza għall-Knisja Appostolika jew għall-Knisja Kattolika, hemm l-“Armenità”, u jien dak iż-żmien din il-ħaġa kont fhimtha. Illum sellimli Arġentin ta’ familja Armena li, meta kont immur għall-Quddiesa, l-Arċisqof dejjem kien ipoġġih bilqiegħda ħdejja biex jispjegali ċerti ċerimonji jew xi kliem li jien ma kontx nifhem.

 

Padre Lombardi:

Grazzi ħafna, Santità. Issa ngħaddu l-kelma lil rappreżentanta oħra Armena li hi s-Sinjura Jeanine Paloulian, ta’ Nouvelles d’Arménie.

 

Jeanine Paloulian, Nouvelles d’Arménie:

(bil-Franċiż) Grazzi, Santità. Ilbieraħ filgħaxija, fil-laqgħa ekumenika ta’ talb, int tlabt liż-żgħażagħ biex ikunu bennejja tar-rikonċiljazzjoni mat-Turkija u mal-Ażerbajġan. Nixtieq sempliċement nistaqsik – billi fi ftit ġimgħat oħra int sejjer l-Ażerbajġan – int, is-Santa Sede x’tistgħu tagħmlu konkretement biex tgħinuna, biex tgħinuna nimxu ’l quddiem. Liema huma s-sinjali konkreti? Int għamilt minnhom fl-Armenja. Liema huma s-sinjali li int se tagħmel, għada, fl-Ażerbajġan?

 

Il-Papa Franġisku:

Lin-nies tal-Ażerbajġan jien ħa nkellimhom fuq il-verità, fuq dak li rajt, fuq dak li nħoss. U sa nħeġġeġ lilhom ukoll. Jien iltqajt mal-President tagħhom u tkellimt miegħu. U se ngħid ukoll illi li ma tagħmilx paċi għal biċċa art – għax mhix xi ħaġa kbira – hi ħaġa kerha ħafna… Imma dan ngħidu lil kulħadd: lill-Armeni u lil tal-Ażerbajġan. Forsi ma jiftehmux fuq il-mod kif jagħmlu l-paċi, u fuq dan hemm bżonn li wieħed jaħdem. Imma ma nafx x’naqbad ngħid iżjed. Ngħidilhom dak li jiġini minn qalbi f’dak il-ħin, imma dejjem fil-pożittiv, billi nfittex soluzzjonijiet li jistgħu jintlaħqu, li jmexxu ’l quddiem.

 

Padre Lombardi:

Grazzi ħafna. U issa ngħaddu l-kelma lil Jean-Louis de la Vaissière, minn France Presse. Naħseb li dan hu l-aħħar vjaġġ li qed jagħmel magħna. Għalhekk aħna kuntenti li ngħaddulu l-kelma.

 

Jean-Louis de la Vaissière, France Presse:

Santità, qabelxejn nixtieq nirringrazzjak f’ismi u f’isem Sébastien Maillard ta’ La Croix. Aħna ħa nitilqu minn Ruma u xtaqna mill-qalb nirringrazzjawk għal dan in-nifs ta’ rebbiegħa ġdida li qed tonfoħ fuq il-Knisja. Imbagħad kelli mistoqsija: Għaliex iddeċidejt li bla kantunieri żżid il-kelma “ġenoċidju” fid-diskors tiegħek fil-Palazz Presidenzjali? Fuq tema ta’ wġigħ il-qalb bħal din, taħseb li hu utli għall-paċi f’dan ir-reġjun hekk kumpless?

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi. Fl-Arġentina, meta nitkellmu fuq l-isterminju Armen, dejjem użajna l-kelma “ġenoċidju”. Jien ma nafx b’kelma oħra. U fil-Katidral ta’ Buenos Aires, fuq it-tielet altar tax-xellug poġġejna salib tal-ġebel biex infakkru l-“ġenoċidju Armen”. Ġie l-Arċisqof, iż-żewġ Arċisqfijiet Armeni, dak Kattoliku u dak Appostoliku, u inawgurawh flimkien. Barra minn dan, l-Arċisqof Appostoliku fil-knisja Kattolika ta’ San Bartilmew – [knisja] oħra – waqqaf altar b’tifkira ta’ San Bartilmew [evanġelizzatur tal-Armenja]. Imma dejjem…, jien ma kontx naf b’kelma oħra ħlief din. Jien ġejt b’din il-kelma. Meta wasalt Ruma, smajt bil-kelma l-oħra, “il-Ħażen il-Kbir” jew “it-traġedja terribbli”, bil-lingwa Armena [Metz Yeghern], li ma nafx illissinha sew. U qaluli li l-kelma ġenoċidju hi offensiva, li din kelli nuża. Jien dejjem tkellimt fuq tliet ġenoċidji tal-aħħar seklu, dejjem tlieta. L-ewwel, dak Armen; imbagħad, dak ta’ Hitler; u l-aħħar wieħed, dak ta’ Stalin. It-tlieta. Hemm oħrajn iżgħar. Kien hemm ieħor fl-Afrika [l-Irwanda]. Imma fl-isfera taż-żewġ gwerer kbar, dawn huma t-tlieta. U staqsejt, għax xi ħadd jgħidlek: “Xi wħud jaħsbu li mhux veru, li ma kienx ġenoċidju”. Ieħor qalli – bniedem tal-liġi qalhieli din, u interessanti ferm –: “Il-kelma ġenoċidju hi kelma teknika, kelma li għandha tekniċità, li mhix sinonima ta’ sterminju. Tista’ tgħid sterminju, imma li tiddikjara ġenoċidju jitlob azzjonijiet ta’ kumpens u ħwejjeġ simili”. Dan hu li qalli dan l-avukat. Is-sena l-oħra, jiena u nħejji d-diskors [għaċ-ċelebrazzjoni tat-12 ta’ April 2015 f’Ruma], rajt li San Ġwanni Pawlu II użaha l-kelma, it-tnejn li huma użahom: “il-Ħażen il-Kbir” u “ġenoċidju”. U jien ikkwotajtu bejn il-virgoletti. U ma niżlitx tajjeb: il-Gvern Tork ħareġ stqarrija; it-Turkija fi ftit jiem sejħet lura f’Ankara lill-Ambaxxatur – li hu raġel tal-affari tiegħu, ambaxxatur “ta’ lussu” bagħtitilna t-Turkija! – reġa’ lura xahrejn jew tlieta ilu… Kienet “sawma diplomatika”… Imma għandhom dritt: dritt għall-protesta kollha għandna. U f’dan id-diskors [fl-Armenja], fil-bidu l-kelma ma kinitx hemm, dan hu minnu; u ħa nwieġbek għaliex żidtha. Wara li smajt it-ton tad-diskors tal-President, u bil-passat tiegħi wkoll fuq din il-kelma, u wara li użajt din il-kelma s-sena l-oħra f’San Pietru, pubblikament, kienet ħa ddoqq stramba ħafna li tal-inqas ma ngħidx l-istess ħaġa. Imma hemm ridt nisħaq fuq ħaġa oħra, u naħseb – jekk m’iniex sejjer żball – li għidt: “F’dan il-ġenoċidju, bħal fit-tnejn l-oħra, il-qawwiet internazzjonali l-kbar dawru wiċċhom band’oħra”. U din kienet l-akkuża. Fit-Tieni Gwerra Dinjija, xi potenzi kellhom f’idejhom ir-ritratti tal-ferroviji lejn Auschwitz: setgħu jibbumbardjaw, u m’għamlu xejn. Dan hu eżempju. Fil-kuntest tal-Ewwel Gwerra, fejn kien hemm il-problema tal-Armeni, u fil-kuntest tat-Tieni Gwerra, fejn kien hemm il-problema ta’ Hitler u Stalin, u wara Yalta l-lager u l-bqija, ħadd ma jitkellem? Hemm bżonn nisħqu fuq dan, u nagħmlu l-mistoqsija storika: Għaliex dan m’għamiltuhx? Intom il-qawwiet il-kbar – m’iniex nakkuża, imma qed nistaqsi. Interessanti: rawha, iva, il-gwerra, tant affarijiet, imma dak il-poplu… U, ma nafx hux minnu, imma nixtieq nara jekk hux minnu, li meta Hitler kien qed jippersegwita tant lil-Lhud, waħda mill-affarijiet li jingħad li qal kienet: “Imma llum min għadu jiftakar fl-Armeni? L-istess ħa nagħmlu bil-Lhud!”. Ma nafx hix vera, forsi qlajja’, imma jien smajtha din. Ħa jfittxu l-istoriċi u jaraw hix vera. Naħseb li tajtha t-tweġiba. Imma din il-kelma, qatt ma għidtha fi spirtu offensiv, pjuttost oġġettivament.

 

Padre Lombardi:

Grazzi ħafna, Santità. Messejt argument delikat, b’sinċerità kbira u profondità. Issa ngħaddu l-kelma lil Elisabetta Piqué li, bħalma taf int, hi mill-Arġentina, minn La Nación.

 

Elisabetta Piqué, La Nación:

(bl-Ispanjol) Qabelxejn, prosit ta’ dan il-vjaġġ li kellek. Nixtieq nistaqsik: nafu li int il-Papa, imma hemm anki l-Papa Benedittu, il-Papa emeritu. Dan l-aħħar xterdu xi xnigħat, dikjarazzjoni tal-Prefett tad-Dar Pontifiċja, Mons. Georg Gänswein, li qalu li jeżisti ministeru Petrin maqsum fi tnejn – jekk m’iniex sejra żball – bejn Papa attiv u ieħor kontemplattiv. Għandna żewġ Papiet?

 

Il-Papa Franġisku:

(bl-Ispanjol) Kien hemm żmien fil-Knisja meta kien hemm tlieta! (jirripeti bit-Taljan) F’ċertu żmien, fil-Knisja, kien hemm tlieta! Jien ma qrajthiex dik id-dikjarazzjoni għax ma kellix ħin. Benedittu hu Papa emeritu. Hu qalha ċara, dakinhar tal-11 ta’ Frar, li kien qed jirriżenja b’effett mit-28 ta’ Frar ’il quddiem, li kien ħa jirtira biex jgħin lill-Knisja bit-talb. U Benedittu jinsab fil-monasteru, u jitlob. Jien mort narah kemm-il darba, jew kellimtu bit-telefon… L-aħħar darba kitibli daqsxejn ta’ ittra – għadu jiffirma b’dik il-firma tiegħu – u awgurali għal dan il-vjaġġ. U darba – mhux darba, bosta drabi – għidt li hi grazzja li jkollok in-“nannu” għaref miegħek id-dar. Anki quddiemu stess għidtha din, u hu jidħak. Imma għalija hu l-Papa emeritu, hu n-“nannu” għaref, hu l-bniedem li jieħu ħsieb tiegħi bit-talb tiegħu. Ma nistgħu ninsewh qatt dak id-diskors li għamlilna, lilna l-Kardinali, fit-28 ta’ Frar: “Wieħed minnkom żgur li ħa jkun is-suċċessur tiegħi. Inwiegħed ubbidjenza”. U hekk għamel. Imbagħad smajt – imma ma nafx huwiex minnu dan – nisħaq: smajt, forsi huma qlajjiet, imma jaqblu mal-karattru tiegħu, li xi wħud marru hemm igergru għax “dan il-Papa ġdid…”, u hu keċċiehom! Bl-aqwa stil Bavariż tiegħu: edukat, imma keċċiehom. U jekk dan mhux minnu, xorta jinftiehem, għax hekk hu magħmul dan il-bniedem: hu raġel ta’ kelmtu, bniedem rett, rett, rett! Il-Papa emeritu. Imbagħad, ma nafx tiftakarx, jien irringrazzjajt pubblikament – ma nafx meta, imma naħseb waqt xi titjira – lil Benedittu li fetaħ il-bieb għall-Papiet emeriti. Sebgħin sena ilu l-isqfijiet emeriti ma kinux jeżistu; illum għandna minnhom. Imma ladarba l-ħajja dejjem qiegħda titwal, il-Knisja tista’ tibqa’ tmexxiha meta jkollok ċerta età, bl-uġigħ f’ġismek, jew le? U hu, bil-kuaġġ – bil-kuraġġ! – u bit-talb, u anki b’ħafna għerf, b’teoloġija, iddeċieda li jiftaħ dan il-bieb. U nemmen li dan hu ta’ ġid għall-Knisja. Imma Papa wieħed hemm. L-ieħor… jew forsi – bħal fil-każ tal-isqfijiet emeriti – ma ngħidx ħafna, imma forsi jista’ jkun hemm tnejn jew tlieta, ikunu emeriti. Kienu [Papiet], [issa] huma emeriti. Jumejn oħra jiċċelebra l-ħamsa u sittin anniversarju mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu. Sa jkun hemm ħuh Georg [din il-preżenza ma ġietx ikkonfermata], għax it-tnejn ġew ordnati flimkien. U sa jkun hemm att ċkejken, flimkien mal-Kapijiet tad-Dikasteri u xi ftit tan-nies, għax hu hekk jippreferi… Aċċetta, imma b’modestja kbira; u anki jien sejjer. U sa ngħid kelmtejn lil dan il-bniedem kbir ta’ talb, ta’ kuraġġ li hu l-Papa emeritu – mhuwiex it-tieni Papa – li hu fidil għall-kelma tiegħu u li hu bniedem ta’ Alla. Hu intelliġenti ħafna, u għalija hu n-nannu għaref li għandna d-dar.

 

Padre Lombardi:

Issa ngħaddu l-kelma lil Alexej Bukalov, li hu wieħed mid-dekani tagħna u li – kif int taf tajjeb – jirrappreżenta lil Itar-Tass, u allura l-kultura Russa fostna.

 

Il-Papa Franġisku:

Tkellimt bir-Russu fl-Armenja?

 

Alexej Bukalov – Itar-Tass:

Iva, bi pjaċir kbir. Nirringrazzjak dejjem… Grazzi, Santità, grazzi ta’ dan il-vjaġġ, li hu l-ewwel vgjaġġ fuq territorju eks-Sovjetiku. Għalija kien importanti ħafna nsegwih… Il-mistoqsija tiegħi tmur ftit lil hemm minn dan l-argument: jien naf li int inkuraġġejt ħafna dan il-Konċilju Panortodoss, saħansitra fil-laqgħa tiegħek mal-Patrijarka Kirill f’Kuba semmejtu bħala awgurju tiegħek. Issa int x’ġudizzju għandek fuq dan – ħa nsejħulu – forum? Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Ġudizzju pożittiv! Sar pass ’il quddiem: mhux il-mija fil-mija, imma pass ’il quddiem. Dak li ġġustifikaw, biex ngħidu hekk, [l-assenzi] għalihom kienu sinċiera, huma affarijiet li biż-żmien jistgħu jissolvew. Riedu – l-erbgħa li marru – jlaqqgħuh daqsxejn iktar tard. Imma nemmen li l-ewwel pass jista’ jsir b’xi mod. Bħat-tfal, meta jmiddu l-ewwel pass kif jafu: l-ewwel jagħmluh bħall-qtates, u mbagħad jagħmlu l-ewwel passi. Jiena kuntent. Tkellmu fuq ħafna ħwejjeġ. Nemmen li r-riżultat hu pożittiv. Il-fatt biss li dawn il-Knejjes awtoċefali nġabru flimkien, f’isem l-Ortodossija, biex iħarsu f’wiċċ xulxin, biex jitolbu flimkien u jitkellmu u forsi jlissnu xi battuta, imma din hi ħaġa pożittiva ħafna. Irrodd ħajr lil Alla. F’li jmiss ikunu iżjed. Ikun imbierek il-Mulej!

 

Padre Lombardi:

Grazzi, Santità. Issa ngħaddu l-mikrofonu lil Edward Pentin, li qed jirrappreżenta xi ftit il-lingwa Ingliża: din id-darba n-National Catholic Register.

 

Edward Pentin –National Catholic Register:

Santità, bħal Ġwanni Pawlu II int donnok sostenitur tal-Unjoni Ewropea: għamilt eloġju sħiħ fuq il-proġett Ewropew meta dan l-aħħar irċivejt il-Premju Karlu Manju. Int imħasseb bil-fatt li Brexit jista’ jwassal għad-disintegrazzjoni tal-Ewropa u eventwalment għall-gwerra?

 

Il-Papa Franġisku:

Fl-Ewropa diġà għandna gwerra! Imbagħad hemm arja ta’ firda, u mhux biss fl-Ewropa, imma fl-istess pajjiżi. Ftakru fil-Katalunja, is-sena l-oħra l-Iskozja… Dawn il-firdiet ma ngħidx li huma perikulużi, imma rridu nistudjawhom sewwa u, qabel ma nagħmlu pass ’il quddiem lejn xi qasma, nitkellmu tajjeb bejnietna u nfittxu soluzzjonijiet li jistgħu jintlaħqu. Jien veru ma nafx, ma studjajtx x’kienu r-raġunijiet għaliex ir-Renju Unit ried jieħu din id-deċiżjoni. Imma hemm deċiżjonijiet – u naħseb li dan diġà għidtu xi darba, ma nafx fejn, imma għidtu – ta’ indipendenza, li jsiru b’emanċipazzjoni. Ngħidu aħna, il-pajjiżi tagħna kollha fl-Amerika Latina, anki l-pajjiżi tal-Afrika, ġew emanċipati mill-kuruni ta’ Madrid, ta’ Lisbona; anki fl-Afrika: minn Pariġi, Londra; minn Amsterdam, l-Indoneżja fuq kollox… L-emanċipazzjoni tifhimha iżjed, għax warajha hemm kultura, mod ta’ ħsieb. Imma l-qasma ta’ pajjiż – għadni m’iniex nitkellem fuq il-Brexit –, tiġini f’moħħi l-Iskozja, hi ħaġa li ħadet l-isem – u dan qed ngħidu bla ma rrid noffendi lil ħadd, billi ninqeda b’kelma li jużawha l-politiċi – ta’ “balkanizzazzjoni” – bla ma ngħid xejn ħażin fuq il-Balkani! Din qasma, mhux emanċipazzjoni, u warajha hemm stejjer, kulturi, nuqqas ta’ ftehim; anki ħafna rieda tajba f’persuni oħra. Dan irridu nżommuh ċar quddiem għajnejna. Għalija l-għaqda hi dejjem ikbar mill-kunflitt, dejjem! Imma hemm ħafna għamliet ta’ għaqda; u anki l-fratellanza – u hawn niġi għall-Unjoni Ewropea – hi aqwa min-nuqqas ta’ ħbiberija jew mid-distanzi. Ħdejn id-distanzi – ngħidu aħna – il-fratellanza hi aqwa. U l-pontijiet huma aqwa mill-ħitan. Dan kollu għandu jġegħilna nirriflettu. Hu minnu, pajjiż [jgħid]: “Jiena qiegħed fl-Unjoni Ewropea, imma rrid li ċerti affarijiet jibqgħu tiegħi, tal-kultura tiegħi…”. U l-pass – u hawn niġi għall-Premju Karlu Manju – li trid tmidd l-Unjoni Ewropea biex terġa’ ssib saħħitha li kellha fl-għeruq tagħna hu pass ta’ kreattività u anki ta’ “diżunjoni sana”: jiġifieri li tagħti iżjed indipendenza, tagħti iżjed libertà lill-pajjiżi tal-Unjoni. Naħsbu f’xejra oħra ta’ għaqda, inkunu kreattivi. Kreattivi dwar il-postijiet tax-xogħol, l-ekonomija. Illum hemm ekonomija “likwida” fl-Ewropa li mħabba fiha – ngħidu aħna fl-Italja – iż-żgħażagħ minn ħamsa u għoxrin sena ’l isfel huma bla xogħol: l-40%! Hemm xi ħaġa mhix sejra sew f’din l-Unjoni kbira… Imma ejja ma narmux it-tarbija ’l barra mit-tieqa mal-ilma maħmuġ! Nippruvaw insalvaw l-affarijiet u noħolqu mill-ġdid… Għax il-ħolqien mill-ġdid tal-ħwejjeġ umani – anki tal-personalità tagħna – hu mixja, u dejjem irridu nagħmluha. Adolexxent mhuwiex l-istess bħall-persuna adulta jew il-persuna anzjana: hu l-istess u mhuwiex l-istess, kontinwament jerġa’ joħloq lilu nnifsu. U dan jagħtih il-ħajja u x-xewqa li jgħix, u jkun għammiel. U dan nisħaq fuqu: illum iż-żewġ kelmiet-muftieħ għall-Unjoni Ewropea huma kreattività u fekondità. Din hi l-isfida. Ma nafx, hekk naħsibha jien.

 

Padre Lombardi:

Grazzi, Santità. Mela issa ngħaddu l-kelma lil Tilmann Kleinjung, li hu mill-Adr, ir-radju nazzjonali Ġermaniż. Anki għalih naħseb li dan hu l-aħħar vjaġġ… Għalhekk aħna kuntenti li qed nagħtuh din il-possibbiltà.

 

Tilmann Kleinjung – Adr:

Iva, anki jien sejjer lura l-Bavarja. Grazzi li qed tħalluni nagħmel din il-mistoqsija. “Zu viel Bier, zu viel Wein”. Heiliger Vater, jien ridt nistaqsik: Int illum tkellimt fuq doni maqsuma bejn iż-żewġ Knejjes, flimkien. Billi naf li int sejjer – fi żmien erba’ xhur oħra – f’Lund biex tfakkar il-ħames mitt anniversarju tar-Riforma, naħseb li forsi dan hu l-waqt it-tajjeb anki biex mhux biss infakkru l-ġrieħi taż-żewġ partijiet, imma anki biex nagħrfu d-doni tar-Riforma, u forsi anki – u din hi mistoqsija eretika – biex titneħħa jew tiġi irtirata l-iskomunika ta’ Martin Luteru jew ta’ xi tip ta’ riabilitazzjoni. Grazzi.

 

Il-Papa Franġisku:

Jiena nemmen li l-intenzjonijiet ta’ Martin Luteru ma kinux ħżiena: kien riformatur. Forsi ċerti metodi ma kinux tajbin, imma f’dak iż-żmien, jekk naqraw l-istorja tal-Pastor, ngħidu aħna – Luteran Ġermaniż li mbagħad ikkonverta meta ra r-realtà ta’ dak iż-żmien, u sar Kattoliku – naraw li l-Knisja ma kinitx xi mudell li timitah: kien hemm il-korruzzjoni fil-Knisja, kien hemm il-mondanità, kien hemm rabta mal-flus u l-poter. U għalhekk hu pprotesta. Imbagħad kien intelliġenti, u għamel pass ’il quddiem u ġġustifika għaliex għamel hekk. U llum Luterani u Kattoliċi, mal-Protestanti kollha, naqblu fuq id-duttrina tal-ġustifikazzjoni: fuq dan il-punt hekk importanti hu ma żbaljax. Hu ħoloq “mediċina” għall-Knisja, imbagħad din il-mediċina ssaħħet fi struttura, f’dixxiplina, f’mod ta’ kif wieħed jemmen, f’mod ta’ kif isiru l-affarijiet, f’mod liturġiku. Imma ma kienx waħdu: kien hemm Zwingli, kien hemm Kalvinu… U warajhom min kien hemm? Il-prinċipji, “cuius regio eius religio”. Irridu nidħlu fl-istorja ta’ dak iż-żmien. Hi storja xejn faċli biex tifhimha, mhix faċli. Imbagħad l-affarijiet baqgħu mexjin. Illum id-djalogu hu tajjeb ħafna u dak id-dokument fuq il-ġustifikazzjoni nemmen li hu wieħed miż-żewġ dokumenti ekumeniċi l-iżjed għonja, l-iżjed għonja u profondi. Taqbel? Jeżistu firdiet, imma dawn jiddipendu anki mill-Knejjes. Fi Buenos Aires kien hemm żewġ knejjes Luterani: waħda kienet taħsibha mod u l-oħra mod ieħor. Lanqas fl-istess Knisja Luterana ma hemm għaqda. Jirrispettaw lil xulxin, iħobbu lil xulxin… Id-diversità hi forsi dak li għamel tant ħsara lilna kollha u llum qed infittxu li nsibu mill-ġdid it-triq biex niltaqgħu wara ħames mitt sena. Jiena nemmen li rridu nitolbu flimkien, nitolbu. Għalhekk it-talb hu importanti. It-tieni: naħdmu għall-foqra, għall-ippersegwitati, għal tant nies li qed ibatu, għall-immigranti… Naħdmu flimkien u nitolbu flimkien. U t-teologi ħa jistudjaw flimkien, ifittxu… Imma din hi triq twila, twila ħafna. Darba għidt hekk b’ċajta: “Jien naf meta sa jkun il-jum tal-għaqda sħiħa” – “Meta?” – “L-għada tal-miġja ta’ Bin il-bniedem!”. Għax ma nafux… L-Ispirtu s-Santu għad jagħtina din il-grazzja. Imma sadattant hemm bżonn nitolbu, ninħabbu u naħdmu flimkien, fuq kollox għall-foqra, għal min qed ibati, għall-paċi u tant ħwejjeġ oħra, kontra l-isfruttament tal-persuni… Tant ħwejjeġ li għalihom qed naħdmu flimkien.

 

Padre Lombardi:

Grazzi. Allura issa ngħaddu l-kelma lil Cécile Chambraud, minn Le Monde, li tirrappreżenta mill-ġdid il-lingwa Franċiża.

 

Cécile Chambraud – Le Monde:

(Mistoqsija bl-Ispanjol) Santità, xi ġimgħat ilu, int tkellimt fuq Kummissjoni biex tirrifletti fuq it-tematika tan-nisa djakni. Nixtieq naf hux diġà twaqqfet din il-Kummissjoni u x’sa jkunu l-mistoqsijiet li fuqhom sa tirrifletti biex jissolvew. U fl-aħħar nett, xi drabi Kummissjoni sservi biex ninsew il-problemi: nixtieq naf hux dan il-każ.

 

Il-Papa Franġisku:

L-Arġentina kellna president li kien jgħid, u jagħti parir lill-presidenti tal-pajjiżi l-oħra: Jekk trid li ħaġa ma tissolviex, oħloq kummissjoni! L-ewwel li ssorprendejt ruħi b’din l-aħbar kont jien, għax id-djalogu tiegħi mar-reliġjużi, li ġie rrekordjat u mbagħad ippubblikat fuq L’Osservatore Romano, kien ħaġa oħra, fuq din il-linja: “Aħna smajna kif fl-ewwel sekli kien hemm id-djakonessi. Dan jista’ jiġi studjat? Issir kummissjoni?…”. Xejn iżjed. Staqsew, kienu edukati, u mhux biss edukati, imma anki għax iħobbu lill-Knisja, nisa kkonsagrati. Jien irrakkuntajt li kont naf wieħed Sirjan, teologu Sirjan li llum miet, dak li għamel l-edizzjoni kritika ta’ San Efrem bit-Taljan. Darba, meta konna qed nitkellmu fuq id-djakonessi – meta kont niġi, kont noqgħod f’Via della Scrofa u hu hemm kien joqgħod – waqt il-kolazzjon, qalli: “Iva, imma ma nafux sewwasew x’kienu, jekk kellhomx l-ordinazzjoni…”. Bla dubju kien hemm dawn in-nisa li kienu jgħinu lill-isqof; u kienu jgħinuh fi tliet ħwejjeġ: l-ewwel, fil-Magħmudija tan-nisa, għax kien hemm il-Magħmudija bit-tagħdis; it-tieni, fid-dilkiet qabel u wara l-Magħmudija tan-nisa; u t-tielet – din tad-daħk – meta kien hemm xi mara miżżewġa li kienet tmur għand l-isqof tgerger li r-raġel kien qed isawwatha, u l-isqof kien isejjaħ lil waħda minn dawn id-djakonessi, li kienet tifli l-ġisem tal-mara biex tara ssibx dbabar li jippruvaw dawn l-affarijiet. Jiena hekk għidt. “Nistgħu nistudjawha?” – “Iva, jien sa ngħid lill-[Kongregazzjoni għad-] Duttrina tal-Fidi biex toħloq din il-Kummissjoni”. L-għada [fuq il-ġurnali]: “Il-Knisja tiftaħ il-bieb għad-djakonessi!”. Veru, irrabjajt għall-midja, għax hekk ma tkunx qed tgħid il-verità lin-nies. Tkellimt mal-Prefett tal-[Kongregazzjoni għad-] Duttrina tal-Fidi, li qalli: “Af li hemm studju li għamlet il-Kummissjoni Teoloġika Internazzjonali fis-snin tmenin”. Imbagħad tkellimt mal-president [tas-Superjuri Ġenerali nisa] u għidtilha: “Ħu paċenzja, ibgħatli lista ta’ persuni li taħseb li nistgħu nagħżlu għal fuq din il-Kummissjoni”. U bagħtitli lista. Anki l-Prefett bagħatli l-lista, u issa qiegħda hemm, fuq l-iskrivanija tiegħi, biex inwaqqfu din il-Kummissjoni. Jien naħseb li sar ħafna studju fuq din it-tema fis-snin tmenin u mhux sa jkun diffiċli nixħtu dawl fuq dan l-argument. Imma hemm ħaġa oħra. Xi sena u nofs ilu, jien waqqaft kummissjoni ta’ nisa teologi li ħadmu mal-Kardinal Ryłko [President tal-Kunsill Pontifiċju għal-Lajċi], u għamlu xogħol sabiħ ħafna, għax hu importanti ħafna l-ħsieb tal-mara. Għalija l-funzjoni tal-mara mhix daqshekk importanti daqs il-ħsieb tal-mara: il-mara taħseb b’mod differenti minna l-irġiel. U ma tistax tieħu deċiżjoni tajba, tajba u ġusta, bla ma tisma’ x’għandhom x’jgħidu n-nisa. Xi drabi, fi Buenos Aires, kont nikkonsulta mal-konsulturi tiegħi, nisma’ xi jridu jgħiduli fuq xi suġġett; imbagħad kont insejjaħ xi nisa u huma kienu jaraw l-affarijiet f’dawl ieħor, u dan kien jagħni tant id-diskussjoni; u mbagħad id-deċiżjoni kienet tħalli ħafna ħafna frott, sabiħa ħafna. Jien irrid niltaqa’ ma’ dawk it-teologi nisa, li għamlu xogħol tajjeb ħafna, imma li waqaf. Għaliex? Għax id-Dikasteru għal-lajċi issa sa jinbidel, sa jiġi ristrutturat. U jien qed nistenna li dan iseħħ biex nistgħu nkomplu din it-tieni ħidma, dik tad-djakonessi. Ħaġa oħra dwar id-djakni nisa – u dan irrid nisħaq fuqu –: huwa iktar importanti l-mod kif in-nisa jifhmu, kif jaħsbu, kif jaraw l-affarijiet, milli l-funzjonalità tal-mara. U mbagħad intenni dak li ngħid dejjem: il-Knisja hi mara, hi l-Knisja. U mhix mara li baqgħet ma żżewġitx u bla tfal, hi mara mgħarrsa mal-Iben ta’ Alla, l-Għarus tagħha hu Ġesù Kristu. Aħseb fuq dan u mbagħad għidli x’taħseb…

 

Padre Lombardi:

Allura, ladarba tkellimt fuq in-nisa, inħallu mara oħra tagħmel mistoqsija tal-aħħar; wara, nagħmlu oħra u nagħlqu… Hekk wara siegħa nħalluk fil-kwiet. Cindy Wooden, responsabbli mis-Cns, l-Aġenzija Kattolika tal-Istati Uniti.

 

Cindy Wooden – Cns:

Grazzi, Santità. Fl-aħħar jiem, il-Kardinal Ġermaniż Marx, huwa u jitkellem f’konferenza importanti ħafna f’Dublin, fuq il-Knisja fid-dinja tal-lum, qal li l-Knisja Kattolika għandha titlob skuża lill-komunità gay talli warrbet għall-ġenb lil dawn il-persuni. Fil-jiem ta’ wara fl-istraġi ta’ Orlando, ħafna qalu li l-komunità Nisranija għandha x’taqsam ma’ din il-mibegħda lejn dawn il-persuni. Int x’taħseb?

 

Il-Papa Franġisku:

Sa ntenni l-istess ħaġa li għidt fl-ewwel vjaġġ tiegħi, u ntenni wkoll dak li jgħid il-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: li m’għandhomx jiġu ddiskriminati, li għandhom jiġu rrispettati, imsieħba pastoralment. Jistgħu jiġu kkundannati, mhux għal motivi ideoloġiċi, imma għal motivi – biex ngħidu hekk – ta’ mġiba politika, ċerti manifestazzjonijiet offensivi żżejjed għal oħrajn. Imma dawn l-affarijiet ma għandhomx x’jaqsmu mal-problema: jekk il-problema hi persuna li għandha dik il-kundizzjoni, li għandha rieda tajba u li tfittex lil Alla, aħna min aħna biex niġġudikawha? Jeħtieġ insieħbu sewwa, skond dak li jgħid il-Katekiżmu. Hu ċar il-Katekiżmu! Imbagħad hemm tradizzjonijiet f’xi pajjiżi, f’xi kulturi li għandhom mentalità differenti fuq din il-problema. Jiena nemmen li l-Knisja mhux biss għandha titlob skuża – kif qal dak il-Kardinal “Marxista” [il-Kardinal Marx] – lil dik il-persuna gay li offendiet, imma għandha titlob maħfra wkoll lill-foqra, lin-nisa u lit-tfal abbużati fuq ix-xogħol; għandha titlob maħfra li bierket tant armi… Il-Knisja trid titlob maħfra li ħafna, ħafna drabi ma mxietx sew… – u meta ngħid “Knisja” qed nifhem l-Insara; il-Knisja hi mqaddsa, il-midibin huma aħna! – l-Insara għandhom jitolbu maħfra li ma kinux hemm biex isieħbu tant għażliet, tant familji… Niftakar il-kultura ta’ Buenos Aires meta kont għadni żgħir, il-kultura Kattolika magħluqa – jien minn hemm ġej! –: ma stajtx tidħol fid-dar ta’ familja divorzjata! Qed nitkellem fuq tmenin sena ilu. Il-kultura nbidlet, għall-grazzja ta’ Alla. Bħala Nsara rridu nitolbu ħafna skuża, u mhux għal dan biss. Maħfra, u mhux biss skuża! “Maħfra, Mulej!”: hi kelma li qed ninsewha – issa qed nitkellem bħala ragħaj u ħa nipprietka! Le, dan hu minnu, ħafna drabi nkunu l-“qassis li jordna” u mhux il-qassis missier, il-qassis “li jsawwat” u mhux il-qassis li jgħannaq, jaħfer, ifarraġ… Imma hemm ħafna! Tant kappillani ta’ sptarijiet, kappillani ta’ ħabsijiet, tant qaddisin! Imma dawn ma narawhomx, għax il-qdusija għandha l-“pudur” tagħha, tinħeba. Min-naħa l-oħra min m’għandux dan il-pudur hu xi ftit sfaċċat: hu sfaċċat u jrid jidher. Tant organizzazzjonijiet, b’nies tajba u nies mhux daqshekk tajba; jew nies li int ixxaħħamhom b’“borża” xi ftit mimlija u huma jħarsu band’oħra, bħall-potenzi internazzjonali bit-tliet ġenoċidji. Anki aħna l-Insara – qassisin, isqfijiet – għamilnieh dan; imma aħna l-Insara għandna wkoll lil Teresa ta’ Calcutta u tant Teresi ta’ Calcutta! Għandna tant sorijiet fl-Afrika, tant lajċi, tant koppji ta’ miżżewġin qaddisa! Il-qamħ u s-sikrana, il-qamħ u s-sikrana. Hekk jgħid li hi s-Saltna Ġesù. Ma rridux nieħdu skandlu b’dan. Jeħtieġ nitolbu biex il-Mulej jagħmel mod li din is-sikrana tinqered u jkun hemm iżjed qamħ. Imma din hi l-ħajja tal-Knisja. Ma tistax tqegħdilha limitu. Aħna lkoll qaddisin, għax ilkoll kemm aħna għandna l-Ispirtu s-Santu ġewwa fina, imma aħna – ilkoll kemm aħna – midinbin. Jien l-ewwel wieħed. Sewwa? Grazzi. Ma nafx weġibtekx… Mhux biss skuża, imma maħfra!

 

Padre Lombardi:

Santità, ippermettili nagħmillek jien l-aħħar mistoqsija u mbagħad inħalluk tmur fil-kwiet…

 

Il-Papa Franġisku:

Iġġibnix dahri mal-ħajt….

 

Padre Lombardi:

Dwar il-vjaġġ li jmiss fil-Polonja, li diġà qed nitħejjew għalih. U int sa tiddedika dan ix-xahar ta’ Lulju biex tipprepara għalih. Għidilna xi ħaġa fuq is-sentimenti li bihom sejjer għal dan il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, f’dan il-Ġublew tal-Ħniena. U punt ieħor, xi ftit speċifiku, hu dan: aħna żorna miegħek il-Memorjal ta’ Tzitzernakaberd, tul iż-żjara fl-Armenja, u int sa żżur ukoll Auschwitz u Birkenau, matul il-vjaġġ tiegħek fil-Polonja. Jien smajt li int tixtieq tgħix dawn il-mumenti iktar bis-silenzju milli bil-kliem, l-istess kif għamilt hawn, forsi anki f’Birkenau. Għalhekk ridt nistaqsik tistax tgħidilna intix se tagħmel diskors hemm jew ippreferejtx, minflok, tagħmel mument ta’ talb fis-skiet b’motivazzjoni speċifika tiegħek.

 

Il-Papa Franġisku:

Sentejn ilu, f’Redipuglia, għamilt l-istess biex infakkar iċ-ċentinarju tal-Gwerra l-Kbira. F’Redipuglia mort fis-skiet. Imbagħad kien hemm il-Quddiesa u fil-Quddiesa għamilt il-prietka, imma din kienet ħaġa oħra. Is-silenzju. Illum rajna – dalgħodu – is-silenzju… Dak illum kien? [P. Lombardi: Le, ilbieraħ] Nixtieq immur f’dak il-post ta’ orrur mingħajr ma nagħmel diskorsi, bla nies, ħlief il-ftit li jkun hemm bżonn… Imma l-ġurnalisti żgur hemm ħa jkunu!… Imma mingħajr ma noqgħod insellem lil dan jew lil dak… Le, le. Waħdi, nidħol, nitlob… U nitlob lill-Mulej li jagħtini l-grazzja li nibki.

 

Padre Lombardi:

Grazzi, Santità. Mela nakkumpanjawk fit-tħejjija għal dan il-vjaġġ li jmiss u nirringrazzjawk ħafna għall-ħin li ddedikajt magħna. Issa strieħ ftit, kul int ukoll… U strieħ ukoll fix-xahar ta’ Lulju, imbagħad.

 

Il-Papa Franġisku:

Grazzi ħafna! Mill-ġdid grazzi, grazzi wkoll tal-ħidma tagħkom u l-ġid li tixtiquli.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard