Santità, Ħija Meqjum,

Patrijarka Suprem u Catholicos tal-Armeni Kollha,

Għeżież ħuti fi Kristu!

 

Ħassejtni kommoss nirfes l-għatba ta’ dan il-post qaddis, xhieda tal-istorja tal-poplu tagħkom, ċentru li jilma bid-dawl tal-ispiritwalità tiegħu; u nqisu bħala don prezzjuż ta’ Alla li nista’ nersaq lejn l-altar imqaddes li minnu idda d-dawl ta’ Kristu fuq l-Armenja. Insellem lill-Catholicos tal-Armeni Kollha, il-Qdusija Tiegħu Karekin II, li rroddlu ħajr minn qalbi għall-istedina sabiħa tiegħu biex inżur l-Imqaddsa Etchmiadzin, lill-Arċisqfijiet u l-Isqfijiet tal-Knisja Appostolika Armena, u nirringrazzja lilkom kollha tal-merħba sabiħa u ferrieħa li tajtuni. Grazzi, Santità, li lqajtni fid-dar tiegħek; dan is-sinjal ta’ mħabba jitkellem b’mod elokwenti, wisq aktar mill-kliem, fuq xi jfissru l-ħbiberija u l-imħabba tal-aħwa.

 

F’din l-okkażjoni solenni rrodd ħajr lill-Mulej għad-dawl tal-fidi li xegħel fl-art tagħkom, fidi li tat lill-Armenja l-identità partikulari tagħha u għamlitha messaġġiera ta’ Kristu fost il-Ġnus. Kristu hu l-glorja tagħkom, id-dawl tagħkom, ix-xemx li dawlitkom u tatkom ħajja ġdida, li seħbitkom u weżnitkom, speċjalment fil-mumenti ta’ prova ikbar. Nitbaxxa quddiem il-ħniena ta’ Alla, li ried li l-Armenja ssir l-ewwel Nazzjon, sa mis-sena 301, li jilqa’ l-Kristjaneżmu bħala r-reliġjon tiegħu, fi żmien meta fl-Imperu Ruman kienu għadhom iħeġġu l-persekuzzjonijiet.

 

Il-fidi fi Kristu għall-Armenja ma kinitx bħal libsa li tista’ tilbisha u tinżagħha skond iċ-ċirkustanzi jew il-konvenjenzi, imma realtà kostituttiva tal-istess identità tagħha, don ta’ importanza enormi li hi laqgħetu bil-ferħ u ħarsitu b’impenn u b’qawwa, bi prezz għall-istess ħajjitha. Kif kiteb San Ġwanni Pawlu II, “bil-‘Magħmudija’ tal-komunità Armena, […] twieldet identità ġdida tal-poplu, li saret parti kostituttiva u inseparabbli tal-istess ħajja Armena. Minn dakinhar ma baqax iżjed possibbli taħseb li, fost il-komponenti ta’ din l-identità, ma jkunx hemm il-fidi fi Kristu, bħala aspett essenzjali li jsawwarha” (Ittra appostolika fl-1700 anniversarju tal-magħmudija tal-poplu Armen [2 ta’ Frar 2001], 2). Iberikkom il-Mulej għal din ix-xhieda mdawla tal-fidi, li turi b’mod eżemplari l-effikaċja qawwija u għammiela tal-Magħmudija li rċivejtu iżjed minn elf u seba’ mitt sena ilu bis-sinjal elokwenti tal-martirju, li baqa’ element kostanti tal-istorja tal-poplu tagħkom.

 

Nirringrazzja lill-Mulej ukoll għall-mixja li l-Knisja Kattolika u l-Knisja Appostolika Armena terrqu flimkien lejn djalogu sinċier u fratern, bl-għan li jaslu biex jaqsmu b’mod sħiħ mill-Mejda Ewkaristika. L-Ispirtu s-Santu jgħinna hu biex naslu għal din l-għaqda li għaliha talab il-Mulej, biex id-dixxipli tiegħu jsiru ħaġa waħda u d-dinja temmen. Nixtieq hawn infakkar fl-impuls deċiżiv li wassal biex jissaħħu iżjed ir-relazzjonijiet u jitqawwa d-djalogu bejn iż-żewġ Knejjes tagħna fiż-żminijiet riċenti tal-Qdusija Tiegħu Vasken II u Karekin I, minn San Ġwanni Pawlu II u minn Benedittu XVI. Fost it-tappi partikularment sinifikattivi ta’ dan l-impenn ekumeniku niftakru fit-tifkira tax-Xhieda tal-fidi tas-seklu għoxrin, fil-kuntest tal-Ġublew il-Kbir tas-sena 2000; l-għoti lill-Qdusija Tiegħek tar-relikwa ta’ Missier l-Armenja Nisranija San Girgor l-Illuminatur għall-katidral il-ġdid ta’ Yerevan; id-Dikjarazzjoni konġunta tal-Qdusija Tiegħu Ġwanni Pawlu II u l-Qdusija Tiegħek, iffirmata propju hawn fl-Imqaddsa Etchmiadzin; u ż-żjajjar li l-Qdusija Tiegħek għamilt fil-Vatikan fl-okkażjoni ta’ ġrajjiet u tifkiriet importanti.

 

B’xorti ħażina d-dinja hi mmarkata minn firdiet u kunflitti, kif ukoll minn xejriet koroh ta’ faqar materjali u spiritwali, fosthom l-isfruttament tal-persuni, saħansitra t-tfal u l-anzjani, u tistenna mill-Insara xhieda ta’ stima reċiproka u kollaborazzjoni fraterna, li quddiem kull kuxjenza tagħmel li tilma l-qawwa u l-verità tal-Qawmien ta’ Kristu. L-impenn kollu sabar u mġedded lejn l-għaqda sħiħa, l-intensifikazzjoni tal-inizjattivi komuni u l-kollaborazzjoni bejn id-dixxipli kollha tal-Mulej fid-dawl tal-ġid komuni, huma bħal dawl qawwi f’lejl mudlam u sejħa biex anki d-differenzi ta’ bejnietna ngħixuhom fl-imħabba u fil-ftehim reċiproku. L-ispirtu ekumeniku jikseb valur eżemplari anki ’l barra mill-ħitan viżibbli tal-komunità ekkleżjali, u jirrappreżenta għal kulħadd sejħa qawwija biex id-differenzi nħituhom bid-djalogu u nagħtu valur lil dak li jgħaqqadna. Barra minn hekk, dan iżommna milli nistrumentalizzaw u nimmanipulaw il-fidi, għax jobbligana niskopru mill-ġdid l-għeruq ġenwini tagħha, nikkomunikaw, niddefendu u nippropagaw il-verità fir-rispett tad-dinjità ta’ kull bniedem u b’modi li fihom tidher il-preżenza ta’ dik l-imħabba u dik is-salvazzjoni li jeħtieġ inxerrdu. Hekk inkunu qed noffru lid-dinja – li għandha bżonn urġenti ta’ dan – xhieda konvinċenti li Kristu hu ħaj u qed jaħdem fina, kapaċi jiftaħ toroq dejjem ġodda ta’ rikonċiljazzjoni bejn il-ġnus, iċ-ċiviltajiet u r-reliġjonijiet. Naraw b’għajnejna kemm hu kredibbli li Alla hu mħabba u ħniena.

 

Għeżież ħuti, meta l-għemejjel tagħna huma mnebbħa u mqanqla mill-qawwa tal-imħabba ta’ Kristu, jikbru l-għarfien u l-istima reċiproka, jinħolqu kundizzjonijiet aħjar għal mixja ekumenika li tħalli l-frott u, fl-istess ħin, quddiem kull persuna ta’ rieda tajba u quddiem is-soċjetà kollha tinfetaħ triq konkreta li nistgħu nimxu fiha biex insewwu l-kunflitti li qed ifieru l-ħajja ċivili u joħolqu firdiet li qajla jitfejqu. Alla li jista’ kollox, Missier Sidna Ġesù Kristu, għall-interċessjoni ta’ Marija Santissma, ta’ San Girgor l-Illuminatur, “kolonna ta’ dawl tal-Knisja Mqaddsa tal-Armeni”, u ta’ San Girgor ta’ Narek, Duttur tal-Knisja, ibierku lilkom ilkoll u lin-Nazzjon Armen kollu u jħarsuh dejjem fil-fidi li rċieva mill-missirijiet u li glorjożament ta xhieda tagħha matul is-sekli.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard