“Mill-ġdid għad jibnu l-ħerbiet tal-qedem, itellgħu t-tiġrif tal-imgħoddi, iġeddu l-bliet imġarrfa” (Is 61:4). F’dawn il-postijiet, għeżież ħuti, nistgħu ngħidu li twettaq kliem il-profeta Isaija li għadna kemm smajna. Wara t-tiġrif terribbli tat-terremot, illum ninsabu hawn biex ngħidu grazzi lil Alla għal dak kollu li reġa’ nbena.

 

Imma nistgħu anki nistaqsu lilna nfusna: Il-Mulej x’qed jistedinna nibnu llum fil-ħajja, u fuq kollox: fuq xiex qed isejħilna nibnu ħajjitna? Jiena u nfittex li nwieġeb għal din il-mistoqsija, illum nixtieq nipproponilkom tliet pedamenti b’saħħithom li fuqhom nistgħu nibnu u nerġgħu nibnu l-ħajja Nisranija, bħal ma negħjew.

 

L-ewwel pedament hi l-memorja. Grazzja li għandna nitolbu hi dik li nagħrfu niksbu lura l-memorja, il-memorja ta’ dak li l-Mulej wettaq fina u għalina: niftakru li, kif jgħid il-Vanġelu tal-lum, hu ma nsiniex, imma “ftakar” (Lq 1:72) fina: għażilna, ħabbna, sejħilna u ħafrilna; seħħu ġrajjiet kbar fl-istorja personali ta’ mħabbitna miegħu, li aħna nżommuhom ħajja bil-ħsieb tagħna u bil-qalb. Imma hemm ukoll memorja oħra li rridu nħarsu: il-memorja tal-poplu. Il-popli fil-fatt għandhom memorja, bħall-persuni. U l-memorja tal-poplu tagħkom hi antika ħafna u prezzjuża. Fl-ilħna tagħkom jidwu dawk tal-għorrief imqaddsa tal-imgħoddi; fi kliemkom hemm l-eku ta’ min ħoloq l-alfabett tagħkom biex iħabbar il-Kelma ta’ Alla; fl-innijiet tagħkom hemm il-krib u l-ferħ tal-istorja tagħkom. Meta taħsbu f’dan kollu, tistgħu bla dubju ta’ xejn tagħrfu l-preżenza ta’ Alla: hu ma telaqkomx waħidkom. Anki qalb tant kuntrarju kbir, nistgħu ngħidu mal-Vanġelu tal-lum li l-Mulej żar il-poplu tagħkom (ara Lq 1:68): ftakar fil-fedeltà tagħkom lejn il-Vanġelu, fl-ewwel frott tal-fidi tagħkom, f’dawk kollha li taw xhieda, anki bil-prezz ta’ demmhom, li l-imħabba ta’ Alla tiswa iżjed mill-ħajja (ara Salm 63:4). Kemm hi ħaġa sabiħa li intom tistgħu tiftakru bi gratitudni li l-fidi Nisranija saret in-nifs tal-poplu tagħkom u l-qalb tal-memorja tiegħu.

 

Il-fidi hi wkoll it-tama għall-ġejjieni tagħkom, id-dawl fil-mixja tal-ħajja, u hi t-tieni pedament li fuqu rrid inkellimkom. Dejjem hemm il-periklu, li jista’ jitfi d-dawl tal-fidi: din hi t-tentazzjoni li nirrenduha xi ħaġa tal-passat, xi ħaġa importanti imma li hi ta’ żminijiet oħra, bħallikieku l-fidi kienet ktieb sabiħ ta’ minjaturi li sewwa jiġi kkonservat f’mużew. Madankollu, jekk tibqa’ magħluqa fl-arkivji tal-istorja, il-fidi titlef il-qawwa li għandha li tibdel, il-ġmiel ħaj tagħha, il-ftuħ pożittiv tagħha għal kulħadd. Imma l-fidi titwieled u terġa’ titwieled mil-laqgħa ma’ Ġesù li tagħti l-ħajja, mill-esperjenza tal-ħniena tiegħu li tagħti l-ħajja lis-sitwazzjonijiet kollha ta’ ħajjitna. Jagħmlilna tajjeb li ta’ kuljum inġeddu din il-laqgħa ħajja mal-Mulej. Jagħmlilna tajjeb naqraw il-Kelma ta’ Alla u ninfetħu fit-talb silenzjuż għall-imħabba tiegħu. Jagħmlilna tajjeb inħallu din il-laqgħa mal-ħlewwa tal-Mulej tqabbad bil-ferħ lill-qalb tagħna: ferħ ikbar mid-diqa, ferħ li jirreżisti anki f’wiċċ it-tbatija, u jinbidel fi sliem. Dan kollu jġedded il-ħajja, jagħmilha ħielsa u doċli għas-sorpriżi, lesta u disponibbli għall-Mulej u għall-oħrajn. Jista’ jiġri wkoll li Ġesù jsejjaħ lil xi wħud biex jimxu warajh iżjed mill-qrib, biex jagħtu ħajjithom għalih u għall-aħwa: meta jistieden, speċjalment lilkom iż-żgħażagħ, tibżgħux, għidulu “iva”! Hu jafna, iħobbna tassew, u jixtieq jeħles il-qalb tagħna mit-toqol tal-biża’ u tal-kburija. Meta nagħmlulu l-wisa’, insiru kapaċi nġorru fina dak id-dawl tal-imħabba. Hekk tistgħu tissoktaw bl-istorja kbira tagħkom ta’ evanġelizzazzjoni, li l-Knisja u d-dinja tant għandhom bżonn f’dawn iż-żminijiet ta’ prova, li huma wkoll, imma, iż-żminijiet tal-ħniena.

 

It-tielet pedament, wara l-memorja u l-fidi, hu sewwasew l-imħabba ħanina: hu fuq din il-blata, fuq il-blata tal-imħabba li wieħed jirċievi mingħand Alla u li joffriha lill-proxxmu, li tinbena l-ħajja tad-dixxiplu ta’ Ġesù. U l-wiċċ tal-Knisja jerġa’ jsir żagħżugħ u attraenti meta hi tgħix il-karità. L-imħabba konkreta hi l-biljett tan-Nisrani: modi oħra ta’ kif jippreżenta ruħu jistgħu jkunu qarrieqa u anki bla siwi, għax minn dan isir jaf kulħadd li aħna dixxipli tiegħu: jekk inħobbu lil xulxin (ara Ġw 13:35). Aħna msejħin qabelxejn biex nibnu u nerġgħu nibnu toroq ta’ komunjoni, bla qatt negħjew, u nibnu pontijiet ta’ għaqda u negħlbu l-ħitan li jifirduna. Jalla dawk li jemmnu jagħtu dejjem l-eżempju, jikkollaboraw bejniethom fir-rispett reċiproku u fid-djalogu, għax jafu li “l-unika kompetizzjoni possibbli bejn id-dixxipli tal-Mulej hi dik li jivverifikaw min kapaċi joffri l-ikbar imħabba!” (Ġwanni Pawlu II, Omelija, 27 ta’ Settembru 2001: Insegnamenti XXIV, 2 [2001], 478).

 

Il-profeta Isaija, fl-Ewwel Qari, fakkarna li l-ispirtu tal-Mulej hu dejjem ma’ min iwassal l-aħbar it-tajba lill-imsejkna, jinfaxxa l-ġrieħi tal-qlub maqsuma u jfarraġ lill-maħqura (ara 61:1-2). Alla jgħammar fil-qalb ta’ min iħobb; Alla jgħammar fejn hemm l-imħabba, speċjalment fejn wieħed jieħu ħsieb, b’kuraġġ u kompassjoni, tad-dgħajfa u tal-foqra. Hemm tant bżonn ta’ dan: hemm bżonn ta’ Nsara li ma jħallux l-għeja tħabbathom u ma jaqtgħux qalbhom minħabba fil-kuntrarju, imma jkunu disponibbli u miftuħa, lesti biex jaqdu; hemm bżonn ta’ nies ta’ rieda tajba, li bil-fatti u mhux biss bit-tpaċpiċ jgħinu lill-aħwa li jinsabu f’diffikultà; hemm bżonn ta’ soċjetajiet iżjed ġusti, fejn kulħadd jista’ jkollu ħajja dinjituża u qabelxejn xogħol bi ħlas ġust.

 

Imma mbagħad nistgħu nistaqsu lilna nfusna: Kif nistgħu nsiru ħanina, bid-difetti u l-miżerji kollha li kull wieħed isib fih innifsu u madwaru? Nixtieq nitnebbaħ minn eżempju konkret, minn ħabbâr kbir tal-ħniena divina, li ridt nipproponih għall-attenzjoni ta’ kulħadd meta daħħaltu fost id-Dutturi tal-Knisja universali: San Girgor ta’ Narek, kelma u leħen tal-Armenja. Diffiċli ssib xi ħadd li daqsu niżel fil-fond tal-miżerji abbissali li jistgħu jbejtu fil-qalb tal-bniedem. Imma hu dejjem qiegħed fi djalogu l-miżerji umani u l-ħniena ta’ Alla, u għolla quddiem il-Mulej talba mill-qalb magħmula mid-dmugħ u l-fiduċja fih, hu “li jagħti kull ġid, li min-natura tiegħu hu tjieba […], leħen ta’ konsolazzjoni, aħbar ta’ faraġ, qabża ta’ ferħ, […] ħlewwa li m’hemmx bħalha, ħniena kotrana, […] bewsa feddejja” (Ktieb tal-lamentazzjonijiet, 3,1), fiċ-ċertezza li “d-dawl tal-ħniena [tiegħu] qatt ma ġie mdellel mid-dalma tal-korla” (ibid., 16,1). Girgor ta’ Narek hu mgħallem tal-ħajja, għax jgħallimna li qabelxejn hu importanti nagħrfu li neħtieġu l-ħniena u mbagħad, quddiem il-miżerji u l-ġrieħi li nintebħu bihom, ma ningħalqux fina nfusna, imma ninfetħu b’sinċerità u fiduċja għall-Mulej, “Alla li hu qrib tagħna, ħlewwa ta’ tjieba” (ibid., 17,2), “mimli mħabba għall-bniedem, […] nar li jaħraq il-karfa tad-dnub” (ibid., 16,2).

 

Bi kliemu rrid fl-aħħar nett insejjaħ lill-Ħniena divina u nitlobha d-don li ma negħjew qatt inħobbu: Spirtu s-Santu, “ħarries qawwi, interċessur u paċifikatur, lejk induru bit-talbiet tagħna […]. Agħtina l-grazzja li nitħeġġu għall-karità u għall-opri tajba […]. Spirtu ta’ ħlewwa, ta’ kompassjoni, ta’ mħabba għall-bniedem u ta’ ħniena, […] int li int biss ħniena, […] ħenn għalina, Mulej Alla tagħna, skond il-ħniena kbira tiegħek” (Innu ta’ Pentekoste).

 

 


 

Fi tmiem din iċ-Ċelebrazzjoni nixtieq nesprimi l-gratitudni kbira tiegħi għall-Catholicos Karekin II u għall-Arċisqof Minassian għall-kelmtejn sbieħ li għamluli, kif ukoll lill-Patrijarka Ghabroyan u lill-Isqfijiet preżenti, lis-saċerdoti u lill-Awtoritajiet li laqgħuna.

 

Nirringrazzja lilkom ilkoll li ħadtu sehem, li ġejtu Gyumri wkoll minn bosta reġjuni u mill-Ġorġja fil-qrib. B’mod partikulari nixtieq insellem lil min, b’tant ġenerożità u mħabba konkreta, jgħin lil dawk li jinsabu fil-bżonn. Qed jiġini f’moħħi fuq kollox l-isptar ta’ Ashotsk, inawgurat ħamsa u għoxrin sena ilu u magħruf bħala l-“Isptar tal-Papa”: twieled mill-qalb ta’ San Ġwanni Pawlu II, u għadu preżenza hekk importanti u qrib ta’ min qed ibati; jiġuni f’moħħi l-opri li qed jagħmlu l-komunità Kattolika lokali, is-Sorijiet Armeni tal-Immakulata Kunċizzjoni u l-Missjunarji tal-Karità tal-Beata Madre Teresa ta’ Calcutta.

 

Il-Verġni Marija, l-Omm tagħna, isseħibkom dejjem u tmexxi l-passi tagħkom kollha fit-triq tal-fraternità u tas-sliem.

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard