Sur President,
Awtoritajiet Distinti,
Illustri Membri
tal-Korp Diplomatiku,
Sinjuri,

Hu ta’ ferħ kbir għalija li ninsab hawn, riġlejja fuq din l-art Armena tant għażiża, inżur poplu ta’ tradizzjonijiet għonja u antiki, li bil-kuraġġ kien xhud tal-fidi tiegħu, li bata ħafna imma li dejjem sab il-mod kief jerġa’ jqum.

«Is-sema kaħlani tagħna, l-ilmijiet ċari, l-għadira ta’ dawl, ix-xemx sajfija u fix-xitwa, “il-borea” fiergħa, (....) il-ġebla tal-millennji, (....), il-kotba mitbugħin bl-istilografu, li saru talb» (Elise Ciarenz, Ode all’Armenia).  Dawn huma xbiehat qawwija li toffrilna poeta illustri tagħkom biex iddawwalna dwar il-profondità tal-istorja u s-sbuħija tan-natura tal-Armenja.  Fi ftit espressjonijiet dawn il-versi jiġbru fihom l-eku u l-intensità tal-esperjenza glorjuża u drammatika ta’ poplu u l-imħabba mqanqla tal-qalb lejn il-Patrija.

Sur President, jien inħossni grat ħafna lejk għad-diskors ta’ merħba li għamiltli f’isem il-gvern u l-abitanti tal-Armenja, u talli tajtni l-possibbiltà, grazzi għall-istedina ġentili tiegħek, li rrodd lura ż-żjara li int għamilt is-sena li għaddiet fil-Vatikan, meta kont preżenti għaċ-ċelebrazzjoni solenni fil-Bażilika ta’ San Pietru, flimkien  mal-Qdusija Tagħhom Karekin II, Patrijarka Suprem u Catholicos tal-Armeni kollha, u Aram I, Catholicos tad-Dar Kbira taċ-Ċiliċja, u l-Beatitudni Tiegħu Nerses Bedros XIX, Patrijarka taċ-Ċiliċja tal-Armeni, li miet m’ilux.  F’dik l-okkażjoni saret it-tifkira taċ-ċentinarju tal-Metz Yeghérn, (“Il-Ħażen il-Kbir”), li laqat lill-poplu tagħkom u ħalla mejta għadd enormi ta’ persuni.  Dik it-traġedja, dak il-ġenoċidju, sfortunatament, kien l-inawgurazzjoni tal-lista ta’ swied il-qalb tal-katastrofi bla qies tas-seklu li għadda, li seħħew minħabba raġunijiet mistmerra ta’ razziżmu, ideoliġija u reliġjon, li dallmu l-imħuħ tal-biċċiera li waslu sal-punt li riedu jeqirdu popli sħaħ.  Hu tant ta’ djieqa li – kemm f’dal-każ kif ukoll fit-tnejn l-oħra – il-qawwiet il-kbar kienu qed iħarsu n-naħa l-oħra.

Nagħti ġieħ lill-poplu Armen li, mdawwal mill-Evanġelju, anki fil-waqtiet l-aktar traġiċi tal-istorja tiegħu, dejjem sab fis-Salib u fil-Qawmien ta’ Kristu, il-forza biex jerġa’ jqum u jerġa’ jibda l-mixja mill-ġdid, bid-dinjità.  Dan jikxef kemm huma fondi l-għeruq tal-fidi nisranija u liema teżor bla tarf ta’ faraġ u tama tħaddan fiha. Filwaqt li quddiem għajnejna għandna r-riżultati tad-diżgrazzji li tul is-seklu li għadda żergħu il-mibgħeda, il-preġudizzju u x-xewqa sfrenata tad-dominazzjoni, nawgura minn qalbi li minn dawk l-esperjenzi traġiċi l-umanità tagħraf tislet tagħlima biex taġixxi bir-responsabbiltà u l-għaqal biex tevita l-periklu li dawn l-orruri jerġgħu jitwettqu.  Għalhekk hemm bżonn li min-naħa ta’ kulħadd, jiżdiedu ħafna l-isforzi biex il-kontroversji internazzjonali jkunu dejjem affrontati bid-djalogu, it-tfittxija dejjiema u ġenwina tal-paċi, il-kollaborazzjoni bejn l-istati u bl-impenn bla heda tal-organiżmi internazzjonali, bl-għan li tinbena klima ta’ fiduċja li tħejji t-triq biex jintlaħaq ftehim li jibqa’u li jħares lejn il-futur.

Il-Knisja Kattolika tixtieq tikkollabora attivament ma’ dawk kollha li għandhom għal qalbhom id-destin taċ-ċiviltà u r-rispett lejn id-drittijiet tal-persuna umana, biex fid-dinja jsaltnu l-valuri spiritwali, u jinkixfu dawk li jħassru t-tifsira u s-sbuħija tagħha. A propożitu ta’ dan hu ta’ importanza vitali li dawk kollha li jistqarru l-fidi tagħhom f’Alla, jgħaqqdu flimkien l-isforzi tagħhom biex jiżolaw lil kull min jinqeda bir-reliġjon ħalli jwettaq proġetti ta’ gwerra, soprafazzjoni u persekuzzjoni vjolenta, billi jistrumetaliżżaw u jimmanipolaw l-Isem Qaddis ta’ Alla.

Illum, partikolarment l-insara, bħal u forsi aktar minn żmien l-ewwel martri, f’xi nħawi huma diskriminati u persegwitati esklussivament minħabba l-fidi li jistqarru, filwaqt li wisq kunflitti f’inħawi differenti tad-dinja għad ma nstabitx soluzzjoni pożittiva għalihom, b’hekk inisslu luttu, qerda u migrazzjonijiet forzati ta’ popolazzjonijiet sħaħ. Għalhekk huwa indispensabbli li min għandu f’idejh id-destin tan-nazzjonijiet, bil-kuraġġ u mingħajr telf ta’ żmien, jieħu inizjattivi mmirati biex itemm dawn it-tbatijiet, billi l-għanijiet ewlenin tiegħu jkunu t-tfittxija għall-paċi, id-difiża u l-akkoljenza ta’ min hu fil-mira ta’ aggressjonijiet u persekuzzjonijiet, billi jmexxi ‘l quddiem il-ġustizzja u l-iżvilupp sostenibbli.  Il-poplu Armen ġarrab dawn is-sitwazzjonijiet fuq ġildu; jaf it-tbatija u s-sofferenza, jaf il-persekuzzjoni; fil-memorja għandu mhux biss il-feriti tal-passat, imma wkoll l-ispirtu li bih, kull darba, beda mill-ġdid.  F’das-sens jien ninkuraġġikom biex ma tonqsux li tagħtu lill-komunità internazzjonali l-kontribut prezzjuż tagħkom.

Dis-sena jaħbat il-25 anniversarju tal-indipendenza tal-Armenja.  Hija ċirkustanza hienja li tferraħ u okkażjoni biex jitfakkar dak li nkiseb u biex ikunu proposti objettivi ġodda li wieħed jimmira għalihom.  Il-festi għal dil-okkażjoni hienja ikollhom tifsira akbar jekk, għall-Armeni kollha, kemm li jgħixu fil-Patrija kif ukoll dawk li jinsabu fid-djaspora, ikun mument li fih jingħaqdu flimkien u jkunu kordinati l-enerġiji bl-għan li jiffavorixxu żvilupp ċivili u soċjali tal-pajjiż, li jkun ejwu u inklussiv.  Ifisser li l-għajnejn jibqgħu miftuħin  il-ħin kollu biex qatt ma jonqsu l-imperattivi morali ta’ ġustizzja ugwali għal kulħadd u s-solidarjetà mad-dgħajfa u dawk li huma l-anqas ixxurtjati (cfr Gwanni Pawli II, Diskors tat-tluq mill-Armenja, 27 ta’ Settembru, 2001: Insegnamenti XXIV, 2 -2001 -, 489). L-istorja ta’ pajjiżkom timxi id f’id mal-identità kristjana tagħkom, imħarsa tul il-mixja tas-sekli.  Din l-identità nisranija, aktar milli tostakola l-lajċità sana tal-istat, pjuttost tgħinha u żżoqqha, billi tiffavorixxi l-parteċipazzjoni tal-membri kollha tas-soċjetà, il-libertà reliġjuża u r-rispett tal-minoranzi.  L-għaqda bejn l-Armeni kollha, l-impenn imseddaq biex isiru magħrufa toroq utli ħalli jingħelbu t-tensjonijiet ma’ xi pajjiżi ġirien, jagħmlu dawn il-miri importanti eħfef, u jinawguraw fl-Armenja epoka ta’ twelid ġdid veru.

Min-naħa tagħha, il-Knisja Kattolika, minkejja li hi preżenti fil-pajjiż b’riżorsi umani limitati, hi ferħana li tista’ toffri l-kontribut tagħha lejn it-tkabbir tas-soċjetà, partikolarment bil-ħidma mal-aktar dgħajfa u foqra, fl-oqsma sanitarji u edukattivi u speċifikament dak tal-karità, kif tixhed il-ħidma li issa ilha għaddejja ħamsa u għoxrin sena fl-isptar “Redemptrois Mater” f’Ashotsk, l-attività fl-istitut edukattiv f’Yerevan, l-inizjattivi tal-Caritas Armena u l-opri mmexxijin mill-kongregazzjonijiet reliġjużi.

Alla jbierek u jħares lill-Armenja, art imdawwla bil-fidi, bil-kuraġġ tal-martri, bit-tama li hi aktar qawwija minn kull weġgħa.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber