Padre Lombardi:

 

Santità, merħba fostna. Insellmulek bħala komunità “volanti” ta’ ħbieb u kollaboraturi tiegħek ġurnalisti. Kif hu soltu f’dawn il-vjaġġi, ninsabu ftit iktar minn sebgħin li qed nirrappreżentaw bħal dejjem tant pajjiżi, tant midja differenti. Qalulna li fl-Armenja hemm akkreditati iżjed minn 600 li qed jistennewna hemm, biex ikomplu l-ħidma fuq il-post. Aħna nafu li int ħa tagħmel il-konferenza tas-soltu bil-mistoqsijiet u t-tweġibiet fl-aħħar, fi triqitna lura, u anki din id-darba noqogħdu għal dak li soltu jsir, waqt li issa kollha qed nistennew li neħdulek b’idejk u nsellmulek ftit. Imma, naħseb li kollha, ladarba aħna ġurnalisti, dalgħodu għandna żewġ mistoqsijiet f’moħħna li nixtequk tweġibna xi ħaġa fuqhom u mbagħad wara nħalluk fil-kwiet sat-titjira lura.

 

Iż-żewġ mistoqsijiet huma: l-ewwel, dwar il-kontinent tiegħek, jiġifieri l-aħbar tajba li smajna lbieraħ dwar il-Kolombja, dwar il-progress fil-proċess ta’ paċi fil-Kolombja; u t-tieni hi l-aħbar li biha qomna dalgħodu, din id-darba dwar il-kontinent Ewropew u l-eżitu ta’ dan ir-referendum [fuq il-“Brexit”]. Jekk int tgħidilna xi ħaġa fuq dawn iż-żewġ affarijiet, imbagħad inħalluk issellem lil min trid…

 

Il-Papa Franġisku:

 

L-għodwa t-tajba lil kulħadd, u grazzi, grazzi ħafna tal-kumpanija u x-xogħol tagħkom: grazzi ħafna. U skużawni li qed nitkellem b’dahri lejn xi wħud minnkom, imma jgħidu li l-anġli m’għandhomx dahar!

 

Fuq l-ewwel mistoqsija, ninsab kuntent b’din l-aħbar li waslitli lbieraħ: iżjed minn ħamsin sena ta’ gwerra, ta’ gwerrilja, tant demm imxerred… L-aħbar kienet sabiħa u nawgura li l-pajjiżi li ħadmu għall-paċi u li qed jagħtu l-garanzija li din tibqa’, dan “jarmawh” b’mod li qatt ma nkunu nistgħu nerġgħu lura, la minn ġewwa u la minn barra, għal stat ta’ gwerra. U awguri lill-Kolombja li issa qed tmidd dan il-pass.

 

Fuq it-tieni, it-tieni mistoqsija: jien sirt naf bir-riżultat hawn, fuq l-ajruplan, għax meta ħriġt mid-dar qrajt Il Messaggero u kien għadu mhux defenittiv. Din kienet ir-rieda tal-poplu, u dan jitlob minna responsabbiltà kbira biex niggarantixxu l-ġid tal-poplu tar-Renju Unit u anki l-ġid u l-konvivenza tal-Kontinent Ewropew kollu. Hekk nittama.

 

U grazzi ħafna, u mbagħad nerġgħu nitkellmu fil-vjaġġ lura. U grazzi: grazzi mill-ġdid.

 

Padre Lombardi:

 

Grazzi, grazzi ħafna, Santità…

 

 

miġjuba mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard