Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

F’dawn il-Ħdud il-liturġija ttina dak li jissejjaħ Id-Diskors tal-Muntanja, skont l-Evanġelju ta’ San Mattew.  Wara li l-Ħadd li għadda ppreżentatilna l-Beatitudnijiet, illum titfa’ dawl fuq kliem Ġesù meta jiddeskrivi l-missjoni tad-dixxipli tiegħu fid-dinja (cfr Mt 5,13-16).  Hu juża l-metafri tal-melħ u tad-dawl  u kliemu hu ndirizzat lid-dixxipli ta’ kull żmien, għalhekk anki lilna.

Ġesù jistedinna biex inkunu rifless tad-dawl tiegħu, permezz ta’ xhieda bl-opri tajba.  U jgħid: «Hekk jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin, biex huma jaraw l-għemejjel tajba tagħkom u jagħtu ġieħ lil Missierkom li hu fis-smewwiet» (Mt 5,16).  Dal-kliem juri ċar ħafna li aħna nintgħarfu bħala dixxipli veri ta’ Dak li hu d-Dawl tad-Dinja, mhux minn kliemna, imma minn għemilna.  Infatti, hu fuq kollox il-mod kif inġibu ruħna li – fit-tajjeb u fil-ħażin – iħalli marka fuq l-oħrajn.  Għalhekk għandna dmir u responsabbiltà lejn dar-rigal li  rċevejna: id-dawl tal-fidi li jinsab fina permezz ta’ Kristu u tal-ħidma tal-Ispirtu s-Santu - m’għandniex inżommuh għalina qiesu propjetà tagħna.  Imma minflok, aħna msejħin biex permezz tagħna, dan jilma fid-dinja, u ntuh lill-oħrajn bl-opri tajba.  U kemm għandha bżonn id-dinja tad-dawl tal-Evanġelju li jittrasforma, ifejjaq u jiggarantixxi s-salvazzjoni lil min jilqgħu!  Dan id-dawl aħna għandna nwassluh permezz tal-opri tajba tagħna.

Meta jingħata, id-dawl tal-fidi tagħna, ma jintefiex imma jissaħħaħ.  Iżda, jista’ jiddgħajjef jekk aħna ma nżoqquhx bl-imħabba u bl-opri tal-karità.  B’hekk it-tixbiha tad-dawl, tiltaqa’ ma’ dik tal-melħ.  Infatti, l-paġna tal-Evanġelju tgħidilna li, bħala dixxipli ta’ Kristu, aħna wkoll «il-melħ tad-dinja» (v. 13).  Il-melħ hu element li filwaqt li jagħti togħma, jippreserva l-ikel milli jitħassar u jitnawwar – fi żmien Ġesù ma kienx hemm friġġ!  Għaldaqstant, il-missjoni tal-Insara fis-soċjetà hi dik li jagħtu “togħma” lill-ħajja permezz tal-fidi u l-imħabba li tana Kristu, u, fl-istess waqt, iżommu bogħod minnhom iż-żerriegħa tat-taħsir; l-egoiżmu, l-għira, id-diċeriji, u affarijiet bħal dawn.  Diż-żerriegħa tirvina n-nisġa tal-komunitajiet tagħna li, minflok, għandhom ikunu jiddu bħala mkejjen ta’ akkoljenza, solidarjetà, rikonċiljazzjoni.  Biex naqdu dil-missjoni jeħtieġ qabel xejn li aħna stess inkunu tal-ewwel li ninħelsu mit-taħsir deġenerattiv tal-influwenzi modani, li jmorru kontra Kristu u l-Evanġelju;  u din it-tisfija ma tintemm qatt, trid tibqa’ ssir il-ħin kollu, trid issir ta’ kuljum!

Kull wieħed u waħda minna aħna msejħin biex inkunu dawl u melħ fl-ambjenti tagħna tal-ħajja ta’ kuljum, billi nipperseveraw fid-dmir li nirriġeneraw ir-realtà umana fl-ispirtu tal-Evanġelju u fil-perspettiva tas-Saltna t’Alla.  Tkun dejjem ta’ għajnuna għalina l-protezzjoni ta’ Marija Santissma, l-ewwel dixxiplu ta’ Ġesù u mudell għal min jemmen u jgħix kuljum fl-istorja, il-vokazzjoni u l-missjoni tiegħu.  L-Omm tagħna tgħinna biex inħallu dejjem ‘il-Mulej isaffina u jdawwalna, biex min-naħa tagħna nsiru “melħ tal-art” u “dawl tad-dinja”.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Illum fl-Italja qed ikun iċċelebrat Il-Jum għall-Ħajja bit-tema “Nisa u rġiel għall-ħajja fir-radda tal-moħriet ta’ Santa Tereża ta’ Kalkutta”.  Ningħaqad mal-isqfijiet Taljani biex nawgura azzjoni edukattiva kuraġġuża favur il-ħajja umana.  Kull ħajja hi sagra!  Immexxu ‘l quddiem il-kultura tal-ħajja bħala tweġiba għal-loġika tal-iskart u t-tnaqqis demografiku; nibqgħu qrib xulxin u nitolbu għat-tfal li jinsabu fil-periklu tal-interruzzjoni tat-tqala, kif ukoll għall-persuni li jinsabu fi tmiem ħajjithom – kull ħajja hi sagra! – sabiex ħadd ma jitħalla waħdu u l-imħabba tiddefendi s-sens tal-ħajja.  Niftakru fi kliem Madre Tereża: «Il-ħajja hi sbuħija, ammiraha; il-ħajja hi ħajja, iddefendiha!», kemm mat-tarbija li se titwieled kif ukoll mal-persuna li tinsab qrib il-mewt: kull ħajja hi sagra!

 

Insellem lil kull min jaħdem favur il-ħajja, l-għalliema tal-Universitajiet ta’ Ruma u kull min jikkollabora fil-formazzjoni tal-ġenerazzjonijiet il-ġodda, biex ikunu kapaċi jibnu soċjetà akkoljenti u denja għal kull persuna.

Insellem lill-pellegrini, lill-familji, lill-gruppi parrokkjali u l-assoċjazzjonijiet li gew minn ħafna nħawi tad-dinja.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Vjenna, Granada, Melilla, Acquvia delle Fonti u Bari; kif ukoll lill-istudenti minn Penafiel (il-Portugall) u Badajoz (Spanja).

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber