SOLENNITŔ TAT-TLUGĦ FIS-SEMA TAL-VERĠNI MQADDSA MARIJA

 IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

 Castel Gandolfo - Il-Ħamis 15 ta’ Awwissu 2013

 

Għeżież ħuti,

Fi tmiem din iċ-Ċelebrazzjoni nduru fuq il-Verġni Marija bit-talba ta’ l-Angelus.  Il-mixja ta’ Marija lejn is-Sema bdiet minn dik l-“iva” imlissna f’Nazareth, fi tweġiba lill-Messaġġier tas-Sema li ħabbrilha r-rieda ta’ Alla għaliha.  U fir-realtŕ hu tassew hekk: kull “iva” lil Alla hi pass lejn is-Sema, lejn il-ħajja ta’ dejjem.  Għax dan hu li jrid il-Mulej: li wliedu kollha jkollhom il-ħajja bil-kotra!  Alla jridna kollha miegħu, fid-dar tiegħu!

B’dispjaċir jaslulna aħbarijiet ta’ niket mill-Eġittu.  Nixtieq inwiegħed it-talb tiegħi għall-vittmi kollha u l-familjari tagħhom, għal dawk milquta u dawk kollha li qed ibatu.  Nitolbu flimkien għall-paċi, għad-djalogu, għar-rikonċiljazzjoni f’dik l-art għażiża u fid-dinja kollha.  Marija, Sultana tal-Paċi, itlob għalina!  Ngħidu lkoll flimkien: Marija, Sultana tal-Paċi, itlob għalina!

Nixtieq infakkar il-ħamsa u għoxrin anniversarju ta’ l-Ittra Appostolika Mulieris dignitatem, tal-Beatu Papa Ġwanni Pawlu II, dwar id-dinjitŕ u l-vokazzjoni tal-mara.  Dan id-dokument hu għani b’punti li jixraq li nerġgħu naqbduhom f’idejna u niżviluppawhom; u fil-pedament ta’ kollox hemm il-figura ta’ Marija, tant li din ħarġet fl-okkażjoni tas-Sena Marjana.  Ejjew nagħmlu tagħna t-talba li hemm fi tmiem din l-Ittra Appostolika (ara n. 31): biex hekk, huma u jimmeditaw il-misteru Bibliku tal-mara, miġbur kollu f’Marija, in-nisa kollha jsibu lilhom infushom u l-milja tal-vokazzjoni tagħhom, u fil-Knisja kollha r-rwol hekk kbir u importanti tal-mara jiġi approfondit u mifhum iżjed.

Nirringrazzja lilkom ilkoll hawn preżenti, residenti ta’ Castel Gandolfo u pellegrini!  Nirringrazzja lilkom u lil dawk li joqogħdu Castel Gandolfo, grazzi ħafna!  …  U lill-pellegrini kollha, b’mod partikulari dawk li ġew mill-Guinea flimkien ma’ l-Isqof tagħhom.  Insellem bi mħabba lill-istudenti tal-Kulleġġ Passjonista Michael Ham ta’ Vicente López, fl-Arġentina; kif ukoll liż-żgħażagħ tal-Banda Mużikali tal-Kulleġġ José de Jesús Rebolledo de Coatepec, il-Messiku.

U issa, ilkoll flimkien, nitolbu lill-Madonna:

Angelus Domini…

 

miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Francesco Pio Attard