SOLENNITÀ TAL-EPIFANIJA TAL-MULEJ

IL-PAPA FRANĠISKU

ANGELUS

Pjazza San Pietru
Il-Ħadd, 6 ta’ Jannar, 2019

 

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Illum, solennità tal-Epifanija tal-Mulej, hi l-festa tal-manifestazzjoni ta’ Ġesù, bis-simbolu tad-dawl.  Fit-testi profetiċi dan id-dawl hu wegħda, imwiegħed id-dawl.  Iżaija, infatti, idur lejn Ġerusalemm b’dal-kliem: “Qum, ħa jiddi wiċċek!  Id-dawl tiegħek wasal!  Ħa jiddi fuqek il-Mulej” (60,1).  L-istedina tal-profeta – għall-qawmien għax ġej id-dawl – tidher sorprendenti, għax tasal l-għada tat-turufnament iebes u tal-oppressjoni li kien għadu kif ġarrab il-poplu.

Illum, din l-istedina tidwi għalina wkoll, aħna li ċċelebrajna l-Milied ta’ Ġesù u tinkoraġġina biex inħallu d-dawl ta’ Betlem jilħaqna.  Aħna wkoll mistednin biex ma nieqfux quddiem is-sinjali li jidhru tal-avveniment, imma biex minnu nerġgħu nibdew u bin-novità tal-ħajja nterrqu triqtna bħala bnedmin u nies li nemmnu.

Id-dawl li kien ħabbar il-Profeta Iżaija jinsab preżenti u nitlaqgħu miegħu fl-Evanġelju.  U Ġesù. Imwieled f’Betlem, belt ta David ġie jġib is-salvazzjoni lil min hu qrib u lil min hu mbiegħed: lil kulħadd.  L-evanġelista Mattew juri bosta modi kif nistgħu niltaqgħu ma’ Kristu u nwieġbu għall-preżenza tiegħu.  Per eżempju, Erodi u l-iskribi ta’ Ġerusalemm għandhom qalbhom iebsa, u jwebbsu rashom, jirrifjutaw iż-żjara ta’ dak il-Bambin.  Hija possibiltà: l-għeluq għad-dawl.  Huma jirrappreżentaw lil dawk, anki fi żmienna, li jibżgħu mill-miġja ta’ Ġesù u jagħlqu qlubhom għall-aħwa li jeħtieġu l-għajnuna.  Erodi jibża’ li jitlef il-poter u ma jimpurtahx mill-veru ġid tan-nies, imma biss minn dak lil jaqbel lilu personalment.  L-iskribi u l-kapijiet tal-poplu huma beżgħana għax bla ħila li jħarsu aktar ‘l hinn miċ-ċertezzi tagħhom, u b’hekk ma jirnexxilhomx jilqgħu n-novità li tinsab f’Ġesù.

Iżda l-esperjenza tal-Maġi hi differenti għal kollox (cfr Mt 2,1-12).  Huma, li ġew mill-orjent, jirrappreżentaw lill-popli kollha mbegħeda mill-fidi Għebrajka tradizzjonali.  Madankollu jħallu l-kewkba tmexxihom u jaffrontaw vjaġġ twil mimli riskji sabiex jilħqu l-għan tagħhom u jsiru jafu l-verità dwar il-Messija.  Il-Maġi kienu miftuħin għan-novità, u lilhom tintwera l-akbar novità u l-aktar sorprendenti tal-istorja: Alla magħmul bniedem.  Il-Maġi jinżlu jaduraw lil Ġesù u joffrulu rigali simboliċi: deheb, inċens u mirra; għax it-tfittxija tal-Mulej timplika mhux biss il-perseveranza fil-mixja, iżda wkoll il-ġenerożità tal-qalb.  U fl-aħħar imorru lura lejn pajjiżhom (v. 12); u l-Evanġelju jgħidilna li reġgħu lura minn triq oħra.  Ħuti, kull darba li raġel jew mara jiltaqgħu ma’ Ġesù, jibdlu t-triq, iduru lura lejn il-ħajja b’mod differenti, iduru lura mġeddin, minn triq oħra.  Huma reġgħu lura pajjiżhom bil-misteru ta’ dak ir-Re umli u fqir fi qlubhom; aħna nistgħu nimmaġinaw li huwa rrakkuntaw l-esperjenzi li kienu għexu: li s-salvazzjoni offuta minn Alla fi Kristu hi għall-bnedmin kollha, qrib u mbegħedin. Mhux possibbli li nakkapparraw għalina personalment lil dak il-Bambin: Huwa hu don għal kulħadd.

Aħna wkoll nagħmlu ftit silenzju fi qlubna u nħalluha tiddawwal bid-dawl ta’ Ġesù li ġej minn Betlem.  Ma nħallux il-biżgħat tagħna jagħlqulna qlubna, imma għandu jkollna l-kuraġġ li ninfetħu għal dad-dawl li hu manswet u diskret.  Allura, bħall-Maġi “inġarrbu ferħ kbir” (v. 10) li ma nkunux nistħgu nżommuh għalina waħedna.  F’dil-mixja ssostnina l-Verġni Marija, kewkba li twassal għand Ġesù, u Omm li turi ‘l Ġesù lill-Maġi u lil kull min jersaq lejha.

 

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

għal bosta ġranet 49 persuna salvati fil-Baħar Mediterran jinsabu fuq żewġ vapuri ta’ organiżżazzjonijiet mhux governattivi, jistennew port żgur fejn jistgħu jinżlu l-art.  Nagħmel appell imqanqal lill-mexxejja Ewropej biex juru solidarjetà konkreta fil-konfront ta’ dawn il-persuni.

Xi Knejjes orjentali, kattoliċi u ortodossi, li jimxu fuq il-kalendarju Ġuljan, għada jiċċelebraw il-Milied imqaddes.  Minn qiegħ qalbi nagħtihom l-awguri fraterni bis-sinjal tal-komunjkoni bejnna l-insara kollha, li nagħrfu lil Ġesù bħala l-Mulej u s-Salvatur.  Lilhom ilkoll: il-Milied it-tajjeb.

L-Epifanija hi wkoll il-Ġurnaata Missjunarja taż-Żgħażagħ li dis-sdena qed tistieden lill-missjunarji ż-żgħar biex ikunu “atleti ta’ Ġesù”, sabiex ikunu xhieda tal-Evanġelju fl-iskola u fil-postijiet tad-divertiment.

Insellem minn qiegħ qalbi lilkom ilkoll, pellegrini individwali, familji, parroċċi u assoċjazzjonijiet, ġejjin mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Marsala, Peveragno u San Martino in Rio, lill-adoloxxenti li se jagħmlu l-Griżma minn Bonate Sotto u l-grupp Fraterna Domus.

Tislima speċjali lill-korteo storiku/folkloristiku li jippromwovi l-valuri tal-Epifanija u li dis-sena huwa dedikat lit-territorju tal-Abruzzo.   Nixtieq infakkar fil-korteo tal-Maġi li jsir f’bosta bliet tal-Polonja bil-parteċipazzjoni numeruża tal-familji u l-assoċjazzjonijiet.  U nsellem ukoll lill-mużiċisti tal-banda li smajtha ddoqq.  Komplu doqqu l-ferħ ta’ dal-jum tal-Epifanija.

Lilkom ilkoll nawguralkom il-festa t-tajba.  U, jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti  mit-Taljan minn Joe Huber