Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb

Fl-Evanġelju tal-lum, ir-rakkont tal-Maġi li ġew Betlem mill-orjent biex iqimu l-Messija, jagħti bixra ta’ universalità lill-Epifanija.  Din hi l-bixra tal-Knisja li tixtieq li l-popli kollha tad-dinja jkunu jistgħu jiltaqgħu ma’ Ġesù, ikollhom esperjenza tal-imħabba mimlija ħniena tiegħu.  U din hi x-xewqa tal-Knisja: li jsibu l-ħniena ta’ Ġesù, imħabbtu.

Kristu li għadu kif twieled, għadu ma jafx jitkellem, u l-ġnus kollha – rappreżentati mill-Maġi – jistgħu jiltaqgħu miegħu, jagħrfuh, jadurawh.  Il-Maġi jgħidu: «Rajna l-kewkba tiegħu u ġejna nadurawh» (Mattew 2,2).  Erodi sama’ b’dan malli l-Maġi waslu Ġerusalemm.  Dawn il-Maġi kienu nies ta’ prestiġju, minn reġjuni mbegħda u kulturi differenti, u kienu telqu għal għonq it-triq lejn l-art ta’ Iżrael biex jaduraw lir-re li kien għadu kif twieled.  Il-Knisja minn dejjem rat fihom ix-xbieha tal-umanità kollha kemm hi, u biċ-ċelebrazzjoni tal-lum, bil-festa tal-Epifanija, trid, kważi bir-rispett, turi lil kull bniedem ta’ din id-dinja, lill-Bambin li twieled għas-salvazzjoni ta’ kulħadd.

Fil-lejl tal-Milied Ġesù wera ruħu lir-rgħajja, bnedmin umli u disprezzati – uħud jgħidu li kienu ħallelin – kienu huma l-ewwel li wasslu ftit sħana fil-grotta kiesħa ta’ Betlem.  Issa jaslu l-Maġi minn artijiet imbiegħda, huma wkoll miġbudin b’mod misterjuż minn dak il-Bambin.  Ir-rgħajja u l-Maġi huma differenti ħafna minn xulxin: iżda hemm ħaġa li tgħaqqadhom: is-sema.  Ir-rgħajja ta’ Betlem marru jiġru biex jaraw lil Ġesù, mhux għax kienu partikolarment tajbin, imma għax kienu jgħassu billejl u x’ħin refgħu rashom ‘il fuq raw sinjal, semgħu l-messaġġ tiegħu u mxew warajh.  L-istess il-Maġi: kienu jgħarrxu s-smewwiet, raw kewkba ġdida, interpretaw is-sinjal u telqu jimxu mill-bogħod.  Ir-rgħajja u l-Maġi jgħallmuna li biex niltaqgħu ma’ Ġesù jeħtiġilna nerfgħu ħarsitna lejn is-sema, ma nibqgħux magħluqin fina nfusna, fl-egoiżmu tagħna, imma għandu jkollna qalbna u moħħna miftuħin għax-xefaq ta’ Alla, li dejjem jissorprendina, ngħarfu nilqgħu l-messaġġi tiegħu u nwieġbu minnufih bil-ġenerożità.

L-Evanġelju jgħidilna li malli l-Maġi «raw il-kewkba, ħassew ferħ kbir» (Mattew 2,10). Għalina wkoll hemm faraġ kbir meta naraw il-kewkba, jew aħjar meta nħossu li għandna gwida u m’aħniex abbandunati għad-destin tagħna.  Hija l-kewkba tal-Evanġelju, il-Kelma tal-Mulej, kif jgħid is-Salm: «Musbiħ għal-riġlejja hija kelmtek, dawl għal-mogħdija tiegħi» (119, 195). Dan id-dawl imexxina lejn Kristu.  Mingħajr is-smigħ tal-Evanġelju mhux possibbli niltaqgħu miegħu!  Infatti, il-Maġi li mxew wara l-kewkba, waslu fil-post fejn kien jinsab Ġesù.  U hemm «raw lit-tarbija ma’ Marija ommu u niżlu jadurawh» (Mattew 2,11).  L-esperjenza tal-Maġi tħeġġiġna biex ma nikkuntentawx ruħna bil-medjokrità, biex ma ngħixux ħajjitna bit-tqanċiċ imma nfittxu s-sens tal-affarijiet u b’ħeġġa kbira nidħlu fil-fond tal-misteru kbir tal-ħajja.  U tgħallimna biex ma niskandaliżżawx ruħna biċ-ċokon u l-faqar, imma nagħfru l-majesotżità tal-umiltà u nagħrfu mmilu rkupptejna quddiemha.

Il-Verġni Marija, lil tat merħba lill-Maġi f’Betlem, tgħinna nħarsu ‘l bogħod minna nfusna, inħallu l-Kewkba tal-Evanġelju tmexxina biex niltaqgħu ma’ Ġesù  u nagħrfu nitbaxxew biex nagħtuh qima.  B’hekk inkunu nisgħu nwasslu lill-oħrajn raġġ tad-dawl tiegħu, u naqsmu magħhom il-ferħ tal-mixja.


Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Illum nesprimu l-qrubija spiritwali tagħna ma’ ħutna tal-Orjent Kristjan, Kattoliċi u Ortodossi, li ħafna minnhom għada jiċċelebraw il-Milied tal-Mulej.  Jaslilhom l-awgurju tagħna ta’ paċi u ġid.  U wkoll applaws sabiħ bħala tislima!

Niftakru wkoll li l-Epifanija hija l-Jum Dinji tal-Infanzja Missjunarja.  Hi l-festa tat-tfal li bit-talb u s-sagrifiċċji tagħhom jgħinu lil tfal bħalhom li jinsabu fil-bżonn u jsiru missjunarji u xhieda tal-fraternità u l-qsim mal-oħrajn.

Insellem minn  qalbi lilkom ilkoll pellegrini singoli, familji, gruppi parrokkjali u assoċjazzjonijiet li ġejtu mill-Italja u minn diversi pajjiżi.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Acerra, Modena u Terlizzi; lill-Iskola tal-arti ta’ Firenze; liż-żgħażagħ tal-Kamp Internazzjonali tal-“Lions Club”.

Tislima speċjali li kull min jieħu sehem fil-korteo storiku/folkloristiku li dis-sena hu dedikat lill-Valle dell’Amaseno.  Nixtieq infakkar ukoll il-korteo tal-Maġi li jsir f’ħafna bliet tal-Polonja bil-parteċipazzjoni numeruża tal-familji u l-assoċjazzjonijiet; kif ukoll lill-Presepju Ħaj li ttella’ fil-Campidoglio mill-UNITALSI u mill-Patrijiet Minuri, li fih qed jieħdu sehem ukoll persuni diżabbli.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  Il-pranzu t-tajjeb u arrivederci!

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber