Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb u l-festa t-tajba!

Fil-lejl tal-Milied immeditajna dwar il-pasturi, li kienu jiffurmaw parti mill-poplu ta’ Iżrael, li marru jgħaġġlu lejn il-grotta ta’ Betlem; illum, solennità tal-Epifanija, niftakru fil-wasla tal-Maġi, li ġew mill-Orjent biex jaduraw lit-tarbija Sultan tal-Lhud u Salvatur universali, biex joffrulu rigali simboliċi.  Bil-ġest ta’ adorazzjoni tagħhom, il-Maġi jagħtu xhieda li Ġesù ġie fid-dinja mhux biss biex isalva poplu wieħed, imma lill-ġnus kollha.  Għalhekk, fil-festa tal-lum ħarsitna tmur lejn ix-xefaq usa tad-dinja kollha biex niċċelebraw il-“manifestazzjoni” tal-Mulej lill-popli kollha, jiġifieri l-manifestazzjoni tal-imħabba u tas-salvazzjoni universali ta’ Alla.  Hu ma jħobbx biss lil xi ftit privileġġjati, imma joffri mħabbtu lil kulħadd.  Bħalma hu l-Ħallieq u l-Missier ta’ kulħadd, bl-istess mod irid ikun is-Salvatur ta’ kulħadd.  Għal din ir-raġuni aħna msejħin biex ikollna dejjem fiduċja kbira u tama fil-konfront ta’ kull persuna u tas-salvazzjoni tagħha: anki ta’ dawk li jidhrilna li huma mbegħdin mill-Mulej għax huma wkoll għandhom warajhom – jew aħjar għandhom jiġri warajhom – l-imħabba appassjonata tiegħu, l-imħabba fidila u umli tiegħu.  Għax l-imħabba t’Alla hija umli, umli ħafna!

Ir-rakkont Evanġeliku tal-Maġi jiddeskrivi l-vjaġġ tagħhom mill-Orjent bħala vjaġġ tar-ruħ, bħala mixja lejn il-laqgħa ma’ Kristu.  Huma attenti għas-sinjali li juru l-preżenza tiegħu; ma jgħejewx quddiem id-diffikultajiet li toffrilhom it-tfittxija; għandhom il-kuraġġ li mill-laqgħa tagħhom mal-Mulej jisiltu l-konsegwenzi li din tħalli f’ħajjithom.  Din hi l-ħajja: il-ħajja Nisranija hija mixi, imma bl-attenzjoni, bla heda u bil-kuraġġ.  L-esperjenza tal-Maġi tfakkarna fil-mixja ta’ kull bniedem lejn Kristu.  Bħalma hu fil-każ tal-Maġi anki għalina t-tfittxija ta’ Alla hija mixja – u, kif kont qed ngħid: attenta, bla ma tehda u kuraġġuża – b’ħarsitna mwaħħla lejn is-sema biex naraw il-sinjal li jidher tal-kewkba ta’ Alla li ma jidhirx, li jkellem lill-qalb tagħna.  Il-kewkba li tmexxi lil kull bniedem lejn Ġesù hija l-Kelma t’Alla, Kelma li qiegħda fil-Bibbja, fl-Evanġelji.  Il-Kelma t’Alla hija dawl li jagħti direzzjoni lill-mixja tagħna, tmantni l-fidi tagħna u ġġeddida.  Hija l-Kelma t’Alla li ġġedded kontinwament ‘il qlubna, il-komunitajiet tagħna.  Għalhekk m’għandniex ninsew naqrawha u nimmeditawha, biex issir għal kull wieħed u waħda minna, fjamma li nġorru fina biex ma nieħdux riskji fil-passi tagħna, u anki f’dawk ta’ min jimxi magħna, li forsi jaraha bi tqila jsib it-triq lejn Kristu.  Dejjem bil-Kelma t’Alla!  Il-Kelma t’Alla fejn insibuha malajr: ktieb tal-Evanġelju żgħir fil-but, fil-basket, dejjem, biex naqrawh.  Tinsewhx dan: inġorru dejjem il-Kelma t’Alla fuqna!

F’dan il-jum tal-Epifanija, ħsiebna jmur ukoll lejn ħutna tal-Orjent Nisrani, Kattoliċi u Ortodossi, li ħafna minnhom jiċċelebraw il-Milied tal-Mulej, għada.  Lilhom inwasslulhom l-awguri minn qalbna.

Nixtieq infakkar ukoll li llum niċċelebraw il-Jum Dinji tal-Infanzja Missjunarja.  Hija l-festa tat-tfal li jgħixu fil-ferħ id-don tal-fidi u jitolbu biex id-dawl ta’ Ġesù jasal għand it-tfal kollha tad-dinja.  Inħeġġeġ lill-edikaturi biex jikkoltivaw fit-tfal l-ispirtu missjunarju.  Jalla ma jkunux tfal magħluqin, imma miftuħin; jalla jaraw quddiemhom xefaq kbir, jalla qlubhom jimxu lejn dan ix-xefaq biex minn fosthom jinbtu xhieda tat-tenerezza ta’ Alla u ħabbara tal-Evanġelju.

Issa nduru lejn il-Verġni Marija u nitolbu l-protezzjoni tagħha fuq il-Knisja Universali, biex hi tifrex mad-dinja kollha l-Evanġelju ta’ Kristu, id-dawl tal-ġnus, dawl għall-popli kollha.  U jalla Hi tgħinna dejjem nimxu ‘l quddiem; tgħinna nimxu bl-attenzjoni, mingħajr heda u bil-kuraġġ.

 

Wara l-Angelus:

Għeżież ħuti,

Insellem lilkom ilkoll, Rumani u pellegrini, filwaqt li nġedded l-awguri ta’ paċi u kull ġid fil-Mulej.

Insellem lill-fidili minn Aachen (Ġermanja), minn Kilbeggan (Irlanda), u l-istudenti minn Northfield – Minnesota (Stati Uniti tal-Amerika); dawk li se jirċievu l-Konfermazzjoni li ġejjin minn Romano di Lombardia u l-ġenituri tagħhom; il-fidili minn Biassono, Verona, Arzignano, Acerra u minn xi djoċesijiet tal-Puglia; iż-żgħażagħ tal-Opera Don Orione.

Tislima speċjali li dawk li qed janimaw il-korteo storiko-folkloristiku, li dis-sena hu dedikat lit-territorju tal-Comuni ta’ Segni, Artena, Carpineto Romano, Gorga u Montelancio.

U ftakru sewwa: il-ħajja hija mixja, mixja li ma tieqafx, dejjem tfittex ‘l Alla.  Nimxu bl-attenzjoni, bla heda u bil-kuraġġ.  U hemm xi ħaġa nieqsa, hemm xi ħaġa nieqsa: bl-attenzjoni, bla heda, bil-kuraġġ... u x’hemm nieqes?  Nimxu mad-dawl!  U x’inhu d-dawl?  L-Evanġelju, il-Kelma t’Alla.  Dejjem mal-Evanġelju: fil-but, fil-basket, biex naqrawh, dejjem fuqna.  Nimxu, bl-attenzjoni, mingħajr heda, bil-kuraġġ u bid-dawl tal-Kelma t’Alla.

Nawgura lil kulħadd il-festa t-tajba.  Tinsewx titolbu għalija u l-pranzu t-tajjeb.  Arrivederci!

 

Miġjub għall-malti mit-Taljan minn Joe Huber