Għeżież ħuti,

Qabel ma ntemm din iċ-ċelebrazzjoni nixtieq insellmilkom ilkoll, lilkom li ġejtu mill-Albanija u mill-pajjiżi ġirien.  Nirringrazzjakom tal-preżenza tagħkom u għax-xhieda tal-fidi tagħkom.

Irrid nindirizza b’mod partikolari lilkom żgħażagħ!  Jingħad li l-Albanija hija l-aktar pajjiż żgħażugħ tal-Ewropa u jien indur lejkom.  Nistedinkom tibnu l-eżistenza tagħkom fuq Ġesù Kristu, fuq Alla: min jibni fuq Alla jibni fuq il-blat, għax Hu dejjem fidil, anki jekk aħna nonqsu mill-fedeltà tagħna lejH (Tim 2.13).  Ġesù jafna aħjar minn kull persuna oħra.  Meta niżbaljaw ma jikkundannanhiex imma jgħidilna: «Mur, u mil-lum ‘il quddiem tidnibx aktar: (Ġw 8,11).  Għeżież żgħażagħ, intom il-ġenerazzjoni l-ġdida tal-Albanija, il-futur tal-patrija.  Bil-qawwa tal-Evanġelju u bl-eżempju tal-antenati tagħkom u l-eżempju tal-martri tagħkom, għarfu għidu le għall-idolatrija tal-flus – le, għall idolatrija tal-flus! – le għall-libertà falza tal-individwaliżmu, le għad-dipendenzi, le għall-vjolenza.  Minflok, għidu iva għall-kultura tal-laqgħa u tas-solidarjetà, iva għas-sbuħija inseparabbli tat-tajjeb u tas-sewwa; iva għall-ħajja mgħejxa b’qalb kbira imma fidila fl-affarijiet żgħar.  B’hekk tibnu Albanija aħjar u dinja aħjar, fuq il-passi tal-antenati tagħkom, anki ta’ dawk li issa mexjin ‘il quddiem flimkien mal-Albanija.

Issa nduru lejn l-Omm Verġni, li intom tqimu taħt it-titlu tas-“Sinjura Tagħna tal-Parir it-Tajjeb”.  Spiritwalment immur fis-Santwarju tagħha fi Scutari, li hu tant għal qalbkom u nafdalha f’idejha lill-Knisja tal-Albanija u lill-poplu kollu, partikolarment lill-familji, lit-tfal u lill-anzjani li huma l-memorja ħajja tal-poplu.  Jalla l-Madonna tiggwidakom biex timxu “flimkien ma’ Alla lejn it-tama li ma tqarraq qatt.”

 

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber