Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

Fil-mixja ta’ kull nhar ta’ Ħadd mal-vanġelu ta’ San Mattew illum nasu fil-punt kruċjali li fih Ġesù, wara li ra li Pietru u l-ħdax l-oħra kienu emmnu fih bħala l-Messija bin Alla, «beda jgħidilhom li kien meħtieġ li hu jmur Ġerusalemm u li kellu jbati ħafna..., jiġi maqtul u li fit-tielet jum iqum» (16,21).  Dan hu mument skomdu li fih jidher ċar il-kuntrast bejn il-mod ta’ kif jaħseb Ġesù l-mod kif jaħsbu d-dixxipli.  Pietru saħansitra jħossu fid-dmur li jlum lill-Imgħallem, għax hu ma setax jgħaqqad mal-Messija mewta daqshekk bla ġieħ.  Għalhekk Ġesù, min-naħa tiegħu, jlum lil Pietru bil-qawwi, jerġa’ jpoġġih “f’postu”, għax ma kienx qed jaħseb «bħal Alla, imma bħall-bnedmin» (v. 23) u jurih li bla ma nduna kien qed jagħmel il-parti tax-xitan, it-tentatur.

Fil-liturġija ta’ dan il-Ħadd, fuq dan il-punt jinsisti wkoll l-appostlu Pawlu, li, waqt li jikteb lill-insara ta’ Ruma, jgħidlilhom: « Timxux max-xejra ta' din id-dinja, iżda nbidlu skond it-tiġdid ta' fehmietkom, biex iseħħilkom tagħrfu x'inhi r-rieda ta' Alla» (Rm 12,2).

Fil-fatt, aħna l-insara ngħixu fid-dinja, imħawlin bis-sħiħ fir-realtà soċjali u kulturali ta’ żmienna u hekk suppost; imma dan iġib miegħu r-riskju li nisru “tad-dinja”, riskju li “il-melħ jitlef it-togħma tiegħu”, kif jgħid Ġesù (cfr Mt 5,13), jiġifieri li n-nisrani qisu “jinfaqa’ bl-ilma”, jitlef it-togħma karka tal-ħwejjeġ ġodda li ġejja mill-Mulej u mill-Ispirtu s-Santu.  Iżda suppost ikun bil-maqlub: meta fl-insara tibqa’ ħajja l-qawwa tal-evanġelju, din tista’ tibdel il-«kriterji ta’ ġudizzju, il-valuri li jiddeterminaw, il-punti ta’ interess, il-linji tal-ħsieb, l-għejjun ta’ ispirazzjoni u l-mudelli tal-ħajja» (Pawlu VI, Eżort. Ap. Evangelii nuntiandi, 19).  Ħasra li nsibu nsara “mifqugħin bl-ilma”, li qishom inbid bla togħna, u mhux faċli tgħid jekk humiex insara jew nies tad-dinja, kif mhux faċli tgħid jekk l-inbid hux ibid jew ilma!  Din hija verament ħasra! Ħasra li ssib insara li m’għadhomx il-melħ tal-art, u nafu li meta l-melħ jitlef it-togħma tiegħu, ma jiswa’ għal xejn aktar.  Il-melħ tagħhom tilef it-togħma għax huma ngħataw lill-ispirtu tad-dinja, għalhekk saru tad-dinja.

Għaldaqstant hemm bżonn li niġġeddu l-ħin kollu billi nieħdu min-nixxiegħa tal-evanġelju.  U dan kif nistgħu nagħmluh fil-prattika?  L-ewwel nett billi naqraw u nimmeditaw il-vanġelu kull jum, hekk il-kelma ta’ Ġesù tkun dejjem preżenti f’ħajjitna.  Ftakru: jekk iġġorru dejjem il-Vanġelu magħkom dan ikun ta’ għajnuna kbira: ktejjeb żgħir bil-vanġelu fih, fil-bud, fil-basket, u taqraw x silta minnu tul il-jum.  Imma dejjem għandna nġorru l-vanġelu magħna, għax dan ifisser inġorru magħna l-kelma ta’ Ġesù, biex inkunu instgħu naqrawha.  Barra minn hekk nieħdu min-nixxiegħa tal-Vanġelu billi nieħdu sehem fil-quddiesa tal-Ħadd, fejn niltaqgħu mal-Mulej fil-komunità tal-insara, nisimgħu l-kelma tiegħu u nirċievu l-Ewkaristija li tgħaqqadna miegħu u bejnietna; imbagħad hemm il-ġranet ta’ irtir u l-eżerċizzi spiritwali li huma importanti ħafna għat-tiġdid spiritwali.  Il-Vanġelu, l-Ewkaristija u t-talb.  Tinsewx: il-vaġelu, l-Ewkaristija u t-talb.  Grazzi għal dawn ir-rigali tal-Mulej nistgħu insiru naqblu mhux mad-dinja, imma ma’ Kristu, nimxu warajh fit-triq tiegħu, it-triq li permezz tagħha “nitilfu ħajjitna” biex nerġgħu nsibuha  (v.25). “Nitilfuha” fis-sens li nagħtuha, noffruha għall-imħabba u fl-imħabba – u dan jitlob sagrifiċċju, anke s-salib – biex nirċevuha mill-ġdid imnaddra, neħlusa mill-egoiżmu u mill-kirja tal-mewt,  mimlija bl-eternità.

Il-Verġni Marija dejjem timxi qabilna f’din il-mixja; ejjew inħallu lilna nfusa nitmexxew minnha u nħalluha timxi magħna.

---

Wara l-Angelus il-Papa wassal dan il-messaġġ:

Għeżież ħuti,

għada, fl-Italja, se tiġi ċelebrata l-Ġurnata għall-ħarsien tal-ħolqien, fuq inizjattiva tal-Konferenza Episkopali.  It-tema ta’ din is-sena hija tassew importanti: «Nedukaw għall-ħarsien tal-ħolqien, għas-saħħa tal-irħula u tal-ibliet tagħna».  Nittama bis-sħiħ li jissaħħaħ l-impenn ta’ kulħadd, tal-istituzzjonijiet, tal-għaqdiet u taċ-ċittadini, sabiex tiġi mħarsa l-ħajja u s-saħħa tal-persuni u anke sabiex tiġi rispettata n-natura.

Insellem lill-pellegrini kollha li ġew mill-Italja u minn diversi Pajjiżi oħra, b’mod partikulari l-pellegrini minn Santiago del Cile, Pistoia, San Giovanni Bianco u Albando Sant’Alessandro (Bergamo); liż-żgħażagħ ta’ Modena, Bassano del Grappa u Ravennna; lill-grupp kbir tal-motoċiklisti tal-Pulizija u l-Banda tal-Pulizija. Tkun ħaġa sabiħa jekk fl-aħħar nisimgħuha ddoqq...

Inwassal tislima speċjali lill-parlamentari kattoliċi, li ltaqgħu għall-ħames laqgħa internazzjonali, u nnħeġġiġhom sabiex jgħixu r-rwol delikat tagħhom bħala rappreżentanti tal-poplu fi qbil sħiħ mal-valuri tal-vanġelu.

Ilbieraħ ilqjat familja kbira minn Mirabella Imbaccari, li wasslitli t-tislima mir-raħal kollu.  Nirringrazzjakom lilkom ilkoll minn dan ir-raħal għall-ħlewwa tagħkom.  Insellem lil dawk li qed jieħdu sehem fil-laqgħa ta’ “Scholas”: komplu fl-impenn tagħkom mat-tfal u ż-żgħażagħ, bil-ħidma fl-edukazzjoni, fl-isport u fil-kultura; u nawguralkom għal logħba tajba għada, fl-iStadio Olimpico!

Qiegħed nara minn hawn liż-żgħażagħ rappreżentanti ta’ dawk li jirriċiklaw il-plastika.  Kunu fidili għall-motto tagħkom: huwa perikoluż ħafna timxu waħedkom fl-għelieqi u fil-ħajja.  Imxu dejjem id f’id.

Nixtieq lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb, nitlobkom titolbu għalija, u l-ikla t-tajba. Insellmilkom!